Language of document : ECLI:EU:T:2006:87

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

16 ta' Marzu 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Ammissibbiltà tar-rikors – Każ aċċidentali – Talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Trade mark verbali WEISSE SEITEN – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94"

Fil-kawża T-322/03,

Telefon & Buch Verlagsgesellschaft mbH, stabbilita f'Salzburg (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Zeiner u M. Baldares del Barco, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentati minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Herold Business Data GmbH & Co. KG, qabel Herold Business Data AG stabbilita f'Mödling (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Lensing-Kramer, C. von Nussbaum u U. Reese, Avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-19 ta' Ġunju 2003 (Każijiet magħquda R 580/2001-1 u R 592/2001-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità bejn Herold Business Data AG u Telefon & Buch Verlagsgesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President,  V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Settembru 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta' Settembru 2004,

wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-2 ta' Ottubru 1996, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali WEISSE SEITEN. Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 9: "Apparat u strumenti xjentifiċi, tal-baħar, għal skopijiet ta' sondaġġi, ta' l-elettriku, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifiaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat għar-reġistrazzjoni, trażimissjoni u riproduzzjoni ta' ħsejjes u stampi; tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM; diski għar-reġistrazzjoni; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, magni li jikkalkulaw, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar";

–       klassi 16: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta' kartolerija u tad-dar; materjali ta' l-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjal tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta' l-istampar";

–       klassi 41: "Servizzi ta' ditta li tippubblika l-kotba, b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta' testi, ta' kotba, ta' rivisti u ta' gazzetti";

–       klassi 42: "Servizzi ta' editur".

3       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet ġiet irreġistrata fit-28 ta' Settembru 1999.

4       Fl-14 ta' Frar 2000, Herold Business Data GmbH & Co. KG, li qabel kienet Herold Business Data AG, talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità ta' dik ir-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li r-reġistrazzjoni tmur kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) u (g), ta' l-imsemmi Regolament. L-intervenjenti rreferiet għal deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Patentamt (Uffiċċju tal-Privattivi ta' l-Awstrija) tas-6 ta' Novembru 1998, li ddikjarat it-trade mark Awstrijaka WEISSE SEITEN invalida u għal deċiżjoni ta' l-Oberste Patent- und Markensenat (Bord Suprem tat-Trade marks u tal-Privattivi ta' l-Awstrija) tat-22 ta' Settembru 1999, li kkonfermat id-deċiżjoni tal-Patentamt rigward il-prodotti li ġejjin: "karti u materjal stampat". Barra minn hekk, sabiex issostni t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta' invalidità, hija ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b'mod partikolari, id-dokumenti li ġejjin:

–       il-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-iżvilupp futur tas-suq tad-direttorji u servizzi oħra ta' informazzjoni fuq it-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv" tat-22 ta' Settembru 1995 (iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni tal-Kummissjoni");

–       informazzjoni diversa mill-posta Awstrijaka dwar id-direttorji tat-telefon;

–       kopji ta' formoli għall-ordnijiet ta' direttorji tat-telefon Awstrijaċi tas-snin 1993/1994 u 1994/1995;

–       linji gwida għall-pubblikazzjoni ta' direttorji uffiċjali, li kienet is-suġġett ta' kuntratt li sar fl-1992 u li ġie konkluż bejn l-intervenjenti u l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi;

–       kopji ta' ittri mibgħuta bejn l-intervenjenti u dipartimenti differenti ta' l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi dwar il-pubblikazzjoni tal-"Weiße Seiten" (il-paġni l-bojod);

–       ir-riżultat ta' riċerki fuq l-Internet.

5       Fil-5 ta' April 2001, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità parzjali tat-trade mark WEISSE SEITEN fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(d) u (2) tar-Regolament Nru 40/94 safejn hija kienet tirrigwarda direttorji tat-telefon li kien fihom l-ismijiet ta' l-abbonati f'għamla stampata jew f'memorji tal-kompjuter elettroniċi (klassijiet 9 u 16) kif ukoll il-pubblikazzjoni, minn ditta li tippubblika l-kotba, ta' dawn id-direttorji tat-telefon li kien fihom l-ismijiet ta' l-abbonati (klassi 41). B'hekk, hija llimitat il-lista tal-prodotti u tas-servizzi filwaqt li żiedet, rigward il-klassi 9, il-kliem "minn dawn il-prodotti huma esklużi dawk li jirrigwardaw jew jinkludu direttorji tat-telefon li fihom l-ismijiet ta' l-abbonati" , rigward il-klassi 16, il-kliem "minn dawn il-prodotti huma esklużi d-direttorji tat-telefon li fihom l-ismijiet ta' l-abbonati" u rigward il-klassi 41, il-kliem "minn dawn is-servizzi hija eskluża l-pubblikazzjoni tad-direttorji tat-telefon li fihom l-ismijiet ta' l-abbonati". Il-bqija tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità ġiet miċħuda.

6       Kemm l-intervenjenti, għal dak li jikkonċerna ċ-ċaħda parzjali tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità, kif ukoll ir-rikorrenti, għal dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni ta' invalidità parzjali tat-trade mark tagħha, ippreżentaw appell quddiem l-UASI skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7       Filwaqt li ddeċieda fuq iż-żewġ appelli, li ngħaqdu skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta' Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI (ĠU L 28, p. 11), l-Ewwel Bord ta' l-Appell laqa' parzjalment, b'deċiżjoni tad-19 ta' Ġunju 2003 (każijiet magħquda R 580/2001‑1 u R 592/2001‑1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkonstestata") l-appell ta' l-intervenjenti u ċaħad dak tar-rikorrenti. Huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark WEISSE SEITEN għall-prodotti u għas-servizzi li ġejjin:

–       klassi 9: "Tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM";

–       klassi 16: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza; materjali ta' l-artisti; oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)";

–       klassi 41: "Servizzi ta' ditta li tippubblika l-kotba, b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta' testi, ta' kotba, ta' rivisti u ta' gazzetti";

–       klassi 42: "Servizzi ta' editur".

8       Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, qabel kollox, li rigward il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, imsemmija fil-punt preċedenti, u l-materjal stampat, id-direttorji tat-telefon u l-kotba ta' referenza li jaqgħu fil-klassi 16, it-trade mark WEISSE SEITEN kienet ġiet irreġistrata bi ksur ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li, rigward il-prodotti u s-servizzi kollha msemmija fil-punt preċedenti (iktar 'il quddiem il-"prodotti u servizzi in kwistjoni"), l-Artikolu 7(1)(b) u (c) ta' l-imsemmi Regolament japplika wkoll.

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tbiddel id-deċiżjoni kkontestata b'mod li t-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità tiġi miċħuda għal kollox;

–       sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità ġiet milqugħa u tordna lill-UASI tieħu deċiżjoni ġdida, jekk ikun hemm bżonn wara proċedura addizzjonali, u tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità għal kollox;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

11     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

12     Skond l-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI għandu jiġi ppreżentat f'terminu ta' xagħrejn mid-data tan-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni. Skond l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b'terminu ta' għaxart ijiem għal raġuni ta' distanza.

13     F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-1 ta' Lulju 2003. Għalhekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors, inkluż it-terminu għal raġuni ta' distanza, skada fil-11 ta' Settembru 2003.

14     Effettivament, ir-rikors wasal permezz ta' faks fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Settembru 2003, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

15     Madankollu, skond l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, id-data li fiha kopja ta' l-oriġinal iffirmat ta' att tal-proċedura tasal fir-Reġistru permezz ta' faks għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-osservanza tat-termini tal-proċedura, biss sakemm l-oriġinal ta' l-att iffirmat jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart'ijiem wara li tasal il-faks.

16     F'dan il-każ, l-oriġinal tar-rikors wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Settembru 2003, jiġifieri barra mit-terminu ta' għaxart ijiem imsemmi hawn fuq. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, id-data tad-depożitu ta' l-oriġinal iffirmat biss, jiġifieri d-19 ta' Settembru 2003, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-osservanza tat-termini tal-preżentata tar-rikors. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors ġie depożitat wara l-iskadenza ta' dan it-terminu.

17     Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li dan huwa każ tipiku ta' forza maġġuri jew, għall-inqas, ta' każ aċċidentali.

18     Għandu jiġi osservat li l-kunċetti ta' forza maġġuri u ta' każ aċċidentali jinkludu, barra minn element oġġettiv dwar iċ-ċirkustanzi anormali u mhux konnessi mal-persuna kkonċernata, element soġġettiv li jinvolvi l-obbligu, min-naħa tal-persuna kkonċernata, li toqgħod attenta għall-konsegwenzi ta' avveniment anormali billi tieħu l-miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B'mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tissorvelja b'attenzjoni l-iżvolġiment tal-proċedura u, b'mod partikolari, turi diliġenza sabiex tirrispetta t-termini previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummssjoni, C 195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 32). B'hekk, il-kunċetti ta' forza maġġuri u każ aċċidentali ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u prudenti setgħet, b'mod oġġettiv, tevita l-iskadenza ta' terminu għall-preżentata ta' rikors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1984, Valsabbia vs Il-Kummissjoni, 209/83, Ġabra p. 3089, punt 22, u d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs L-UASI, C 325/03, Ġabra p. I‑403, punt 25).

19     F'dan il-każ, ir-rikorrenti fdat it-trażimissjoni ta' l-oriġinal tar-rikors tagħha direttament lill-posta Awstrijaka fid-9 ta' Settembru 2003, jiġifieri l-għada li ntbagħtet il-faks. Imbagħad, il-posta Awstrijaka bagħtet l-oriġinal tar-rikors lill-posta Lussemburgiża fil-11 ta' Settembru 2003, li fdat it-trażimissjoni tiegħu lill-impriża Michel Greco fit-12 ta' Settembru 2003. Din ħadet seba' ġranet sabiex tikkunsinnah lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

20     Għaldaqstant, ir-raġuni prinċipali, jew anki esklużiva, tad-dewmien tista' tiġi spjegata mill-fatt li r-rikors wasal fil-Qorti tal-Prim'Istanza seba' ġranet sħaħ wara l-wasla tiegħu fil-Lussemburgu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 1967, Simet u Feram vs l-Awtorità Għolja 25/65 u 26/65, Ġabra p. 39). Dan il-fatt għandu jkun ikkunsidrat bħala każ aċċidentali fir-rigward tar-rikorrenti, u ma tistax tkun attibwita lilha, li wriet id-diliġenza mistennija minn rikorrent normalment prudenti sabiex jirrispetta t-termini, li kkontribwit għad-dewmien bl-aġir tagħha.

21     Konsegwentament, ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet

22     Fit-tieni parti tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna lill-UASI jieħu deċiżjoni ġdida u jiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità għal kollox.

23     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI hu meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza ta' l-Imħallef Komunitarju. Għaldaqstant, mhijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħti ordni lill-UASI. Fil-fatt, hu dan ta' l-aħħar li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi ta' l-Imħallef Komunitarju [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI - AnheuserBusch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra. p. II-2251, punt 22].

24     Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti hija inammissibbli.

 Fuq il-mertu

25     Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, erba' raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq nuqqas ta' qbil bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni Awstrijaka u t-tieni, it-tielet u r-raba' raġunijiet huma bbażati fuq, rispettivament, ksur ta' l-Artikolu 7(1)(d),(c) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq nuqqas ta' qbil bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni Awstrijaka

 L-argumenti tal-partijiet

26     Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkoerenti, inkwantu hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-pubbliku Awstrijak li hija differenti minn dik li bbażaw ruħhom fuqha l-awtortijatiet nazzjonali Awstrijaċi fid-deċiżjoni ta' l-Oberste Patent- und Markensenat tat-22 ta' Settembru 1999.

27     L-UASI jfakkar li mhuwiex ġuridikament obbligat li joqgħod attent għall-koerenza tad-deċiżjonijiet tiegħu mad-deċiżjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-fatti li għandhom jiġu evalwati ma kinux identiċi, peress li l-awtoritajiet nazzjonali bbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-abitudinijiet lingwistiċi fl-Awstrija, filwaqt li l-UASI kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-abitudinijiet lingwistiċi fis-suq intern kollu u għalhekk, anki fil-Ġermanja.

28     Barra minn hekk, l-UASI jenfasizza li d-deċiżjoni ta' l-Oberste Patent- und Markensenat ikkonfermat l-invalidità tat-trade mark Awstrijaka WEISSE SEITEN safejn hija kienet tkopri l-prodotti "karti u materjal stampat" minħabba n-natura deskrittiva tagħha (fis-sens ta' "paġni ta' kulur abjad") u li, għalhekk, kien hemm koerenza bejn id-deċiżjonijiet f'dan ir-rigward.

29     L-intervenjenti tfakkar li ma jeżisti l-ebda obbligu fuq l-UASI li jimxi ma' l-evalwazzjoni ta' awtorità nazzjonali, b'mod li d-deċiżjoni tat-22 ta' Settembru 1999 hija irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-perċezzjoni tat-trade mark in kwistjoni mill-pubbliku Awstrijak.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

30     Hemm lok li jiġi osservat li l-UASI mhuwiex obbligat li jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tat-trade mark in kwistjoni fuq deċiżjoni nazzjonali. Peress li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn ġabra ta' regoli u għanijiet li huma speċifiċi għaliha, l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47]. Għaldaqstant, in-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. L-UASI u, jekk ikun il-każ, l-Imħallef Komunitarju mhumiex marbutin li jimxu fuq deċiżjoni, li tkun ingħatat fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, li taċċetta n-natura reġistrabbli ta' dan is-sinjal bħala trade mark nazzjonali. Dan huwa l-każ anki jekk tali deċiżjoni ġiet meħuda b'applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), jew ukoll f'pajjiż li huwa fiż-żona lingwistika li joriġina minnha s-sinjal verbali in kwistjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 47, u tat-22 ta' Ġunju 2005 Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T 19/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37].

31     Għaldaqstant, l-eżistenza tal-possibbiltà ta' nuqqas ta' qbil bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni Awstrijaka ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ser teżamina fil-kuntest tar-raġunijiet l-oħra jekk l-UASI analizzatx b'mod korrett il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti f'dan il-każ.

32     Konsegwentament, l-ewwel raġuni għandha tiġi respinta.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

33     Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-frażi "weiße Seiten" daħlet fil-lingwa Ġermaniża bħala sinonimu ta' "alphabetisches Teilnehmerverzeichnis" (direttorju alfabetiku ta' l-abbonati) mhux iktar tard mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-1995, u li kienet diġà użata qabel fis-sens ta' direttorju alfabetiku fl-Awstrija. Hija ssostni li huwa biss isem oġġettiv li jinftiehem mill-maġġoranza tal-persuni kkonċernati u li hu użat b'mod regolari li jista' jikkostitwixxi raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, l-użu sporadiku ta' sinjal bħala isem ġeneriku mill-persuni kkonċernati mhuwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi tali isem.

34     Skond ir-rikorrenti, huwa possibbli li, fil-każ tal-lingwa Ingliża, il-kunċetti ta' "Yellow Pages" (paġni sofor) u ta' "White Pages" (paġni bojod) huma komunement użati sabiex jindikaw il-parti professjonali u l-parti amministrattiva ta' direttorju tat-telefon. Fil-lingwaġġ kurrenti Ġermaniż, minħabba l-użu importanti ta' l-isem "gelbe Seiten" (paġni sofor), dan is-sinjal sar indikazzjoni ġenerali komuni sabiex tindika direttorju professjonali. Madankollu, il-frażi "weiße Seiten" qatt ma saret komuni, fil-każ tal-Ġermaniż, sabiex tindika, b'mod ġeneriku, il-partijiet amministrattivi ta' direttorji tat-telefon. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummisssjoni kienet iktar dwar it-traduzzjoni ta' l-isem Ingliż "White Pages" milli dwar il-ħolqien ta' isem ġdid oġġettiv fil-lingwa Ġermaniża.

35     Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li xi ħadd ieħor, li ma rreġistrax dritt ta' esklużività favur tiegħu, ikun diġà uża darba jew forsi ukoll b'mod sporadiku, tali frażi oriġinali li tirreferi, b'mod indirett, għall-prodotti, ma jistax jiġġustifika li tiġi ostakolata r-reġistrazzjoni ta' l-isem oġġettiv, peress li l-element ta' l-użu komuni mill-pubbliku u ta' l-użu fil-lingwaġġ kurrenti kien, skond hi, nieqes. Huwa biss meta tali isem huwa użat ukoll mill-kompetituri l-oħra u użat b'mod ġenerali li prattika bona fide tista' tiżviluppa u li s-sinjal jista' jsir element tal-lingwaġġ kurrenti. Madankollu, fil-proċess, wieħed jikkonstata biss li l-invervenjenti diġà użat, f'ċerti każijiet eċċezzjonali, dan l-isem, flimkien ma' spegazzjonijiet korrispondenti sabiex ikun jista' jinftiehem aħjar. Il-proċess ma fihx l-inqas prova li dan l-isem oriġinali għal pubblikazzjoni sar element tal-lingwaġġ kurrenti Ġermaniż. Tali żvilupp ta' sinjal ma jistax jiġi preżunt u dedott b'mod ipotetiku, iżda jrid jintwera. L-UASI stess awtorizza mingħajr restrizzjonijiet, minkejja l-oġġezzjonijiet ta' l-eżaminatur, it-trade mark WEISSE SEITEN peress li huwa sostna li l-isem la kien sar komuni għall-pubbliku u lanqas kien jagħmel parti mill-vokabularju ġenerali tal-lingwa Ġermaniża. F'dan il-każ, huwa dak li qed jitlob li ssir id-dikjarazzjoni ta' l-invalidità, jiġifieri l-intervenjenti, li għandu jġib il-prova li waqt il-proċedura ta' notifikazzjoni, l-UASI injorat aspett essenzjali dwar l-eżistenza ta' raġuni assoluta għal rifjut.

36     Anki jekk wieħed kellu jammetti li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi ħolqu, permezz tal-pubblikazzjoni u ta' l-użu sporadiku tal-frażi "weiße Seiten" flimkien ma spjegazzjonijiet, isem oġġettiv, il-Bord ta' l-Appell ma indikax ir-raġunijiet li għalihom dan l-isem japplika wkoll għal prodotti u servizzi differenti mid-direttorji tat-telefon fil-forma ta' ktieb. Id-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha ebda motivazzjoni li tispjega għaliex fajl elettroniku jew sit ta' l-Internet li jkun jismu " WEISSE SEITEN " u li la huwa abjad u lanqas għandu paġni ma jistax jissejjaħ " WEISSE SEITEN" u għaliex dan huwa isem oġġettiv.

37     L-UASI jenfasizza, qabel kollox li l-Bord ta' l-Appell jew id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni f'ebda mument ma qalu li l-użu waħdu tal-frażi "weiße Seiten" mill-Kummissjoni kien biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni. Dan l-użu kien ikkunsidrat li jirrifletti l-mument meta, fl-iżvilupp tal-lingwa, din il-frażi kienet tiġi deskritta bħala ġenerika anki fuq livell Ewropew, għall-inqas f'ambjenti speċjalizzati, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew li jirrifletti l-mument l-iktar tard li fih hija daħlet fil-lingwa Ġermaniża bħala sinonimu ta' direttorju alfabetiku ta' l-abbonati kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

38     Il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell, li l-frażi in kwistjoni saret espressjoni ġenerika saħansitra qabel id-data ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, hija r-riżultat ta' analiżi ta' dokumenti voluminużi li ġejjin miż-żoni lingwistiċi Awstrijaċi u Ġermaniżi u mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, din ta' l-aħħar hija bbażata fuq dokumenti u studji li diġà użaw il-frażi "weiße Seiten" bħala kunċett ġeneriku. Fil-fatt, in-noti f'qiegħ il-paġna kif ukoll ir-referenzi għas-sorsi fit-tabelli jirreferu għal studju li sar fl-1992 minn Coopers & Lybrand, Deloitte, li kien diġà uża dan il-kunċett. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi deskritta bħala użu wieħed iżda għandha titqies bħala prova xierqa sabiex jiġi stabbilit li l-frażi saret, għall-inqas fl-ambjenti speċjalizzati, indikazzjoni ġenerika sabiex tindika direttorju alfabetiku ta' l-abbonati.

39     Barra minn hekk, dan il-kunċett mhuwiex biss limitat fl-użu tieġħu għall-Ġermanja u l-Awstrija, peress li ilu jintuża wkoll, għal żmien twil, fil-Lussemburgu.

40     Għaldaqstant, skond l-UASI, m’hemm l-ebda dubju fuq il-fatt li l-kunċett ta’ "weiße Seiten" kien diġà kunċett ġeneriku fil-Ġermanja fid-data ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-frażi "prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ", għandha tinftiehem bħala l-użu kummerċjali, id-drawwiet kummerċjali. Għaldaqstant, l-użu komuni fi grupp iktar ristrett mill-pubbliku ġenerali huwa biżżejjed sabiex jokkostitwixxi raġuni għar-rifjut. F’kull każ, mhux iktar tard mid-data tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet indirizzata lill-pubbliku in ġenerali, il-frażi in kwistjoni saret ukoll komuni fil-lingwaġġ kurrenti.

41     L-UASI josserva li, rigward il-memorji elettroniċi, ir-rikorrenti ma fehmitx sew il-kunċett ta' "weiße Seiten" meta xebbhitu ma' dak ta’  "weißfarbige Seiten" (paġni ta’ kulur abjad) u meta tat importanza lill-fatt li memorja elettronika la hija bajda u lanqas m'għandha paġni. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra ġustament li, peress li d-direttorji tat-telefon huma pprovduti wkoll f'forma elettronika, tali mezzi ta’ informazzjoni jistgħu jkunu wkoll deskritti b’iktar preċiżjoni permezz tal-kunċett "weiße Seiten". 

42     L-intervenjenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell ikkonstata ġustament li l-frażi "weiße Seiten" hija indikazzjoni li saret komuni sabiex tindika listi ta’ numri tat-telefon ta’ abbonati imniżżla skond l-ordni alfabetiku.

43     Id-dokumenti ta’ l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi juru li din il-frażi kienet diġà komuni fl-Awstrija fis-snin 1992/1993. Peress li l-kunċett ta' "weiße Seiten" biss, mingħajr indikazzjoni oħra, intuża fil-formola ta’ l-ordnijiet, l-intervenjenti kkonkludiet li l-klijent Awstrijak tal-posta kien jista’ jikseb direttorju biss meta huwa kellu konoxxenza tas-sinifikat ta’ dan il-kunċett. Għaldaqstant, l-indikazzjoni spjegattiva "lista ta’ l-abbonati" ma kinitx neċessarja biex il-kunċett in kwistjoni jinftiehem mill-klijenti tal-posta. L-indikazzjoni biss tat-tip ta’ prodott ("lista ta’ l-abbonati") ħdejn l-isem tal-prodott ("weiße Seiten"), bl-istess mod bħall-użu b’mod paralell tat-termini "direttorju professjonali" u "gelbe Seiten", ma tipprekludix għalhekk is-suppożizzjoni li dan huwa isem li sar komuni għall-prodott.

44     Skond l-intervenjenti, dan l-użu ma kienx ta' darba jew sporadiku. Il-fattur deċiżiv mhuwiex in-numru ta’ dokumenti ppreżentati iżda s-sinifikat u l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Il-paġna ta' informazzjoni ntbagħtet lid-djar Awstrijaċi li kienu jafu biha. Barra minn hekk, l-użu ta’ l-isem in kwistjoni mill-kompetituri kollha jew minn numru kbir fosthom, bl-ebda mod ma huwa neċessarju sabiex jiġi stabbilit li l-isem tal-prodott sar komuni. Dak li hu importanti, huwa l-kwistjoni jekk l-isem kienx ġeneralment ikkusidrat mill-pubbliku bħala komuni. Ir-raġuni prinċipali ta’ l-iżvilupp ta’ trade mark li tkopri isem ġeneriku hija, b’mod ġenerali, il-fatt li, tul perijodu relattivament twil, ikun hemm fornitur wieħed fis-suq għal prodott partikolari u li l-pubbliku, għal din ir-raġuni, juża t-trade mark u l-isem tal-prodott bħala sinonimi. Minħabba l-pożizzjoni ta’ monopolju ta’ l-Istat, ma kien hemm ebda fornitur ieħor ta' direttorji uffiċjali mal-posta Awstrijaka matul is-snin 1992 u 1993, fil-qasam tal-listi uffiċjali tat-telefons.

45     Għal dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, hija turi li l-frażi in kwistjoni kienet użata wkoll f’pajjiżi oħra bħala isem komuni sabiex tindika l-listi ta’ abbonati. Il-Kummissjoni użat, fil-preżentazzjoni tagħha ta’ l-istat tas-suq, termini u ismijiet li hija ltaqgħet magħhom fil-kuntest ta’ l-analiżi preliminari. L-isem "weiße Seiten" mhuwiex għalhekk kreazzjoni ġdida u arbitrarja tal-Kummissjoni, iżda isem li huwa diġà kurrenti fis-suq tal-listi tat-telefon.

46     Filwaqt li tirreferi għar-riċerki li sar fuq l-Internet għal dan ir-rikors, l-intervenjenti tiddikjara li hija kkonstatat li l-kunċett ta' "weiße Seiten" huwa użat, b'mod partikolari, fil-Belġju ("pages blanches"), fi Franza ("pages blanches"), fl-Italja ("pagine bianche"), fir-Rumanija ("white pages), f'San Marino ("pagine bianche"), fl-Iżvizzera ("pagine bianche" ), fil-Marokk ("pages blanches"), fil-Messiku ("paginas blancas"), kif ukoll fl-Awstralja u fin-New Zealand ("white pages"). L-intervenjenti tenfasizza li l-użu ta' dan il-kunċett f'lingwi oħra ta' l-Unjoni Ewropea huwa rilevanti, peress li huwa possibbli li tinfetaħ kawża bbażata fuq l-eżistenza ta' trade mark irreġistrata fiż-żona ta' l-Unjoni Ewropea fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż kontra isem użat f'lingwa oħra iżda li huwa identiku.

47     Imbagħad, l-intervenjenti ssostni li, peress li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(d) tar Regolament Nru 40/94 kienet diġà preżenti fil-mument meta saret l-applikazzjoni għat-trade mark fl-1996, kif ukoll fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha fl-1999, l-eżistenza eventwali ta' azzjoni ta' oppożizzjoni mhijiex determinanti.

48     Fl-aħħar nett, l-intervenjenti ssostni li l-isem "weiße Seiten" huwa isem ġenerali għal-listi ta' abbonati, b'mod li dan ma jkoprix biss il-listi stampati, iżda kull forma ta' listi ta' abbonati, indipendentement min-natura tal-mezz.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

49     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' trade mark biss meta s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li minnhom hija komposta esklużivament din it-trade mark ikunu saru komuni fil-lingwaġġ kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ sabiex jindikaw il-prodotti jew is-servizzi li għalihom qed tintalab ir-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C‑517/99, Ġabra p. I‑6959, punt 31, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003 Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, Ġabra p. II‑411, punt 37]. B'hekk, għandu jiġi osservat li n-natura komuni ta' trade mark tista' tiġi evalwata biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark, anki jekk id-dispożizzjoni in kwistjoni ma tagħmilx referenza espressa għalihom u min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti jew is-servizzi (sentenza BSS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

50     Rigward il-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti jew is-servizzi, għandu jiġi kkonstatat li n-natura komuni ta' sinjal hija evalwata fid-dawl ta' l-aspettativi preżunti ta' konsumatur medju tat-tip ta' prodott in kwistjoni li huwa preżunt li huwa informat normalment u raġonevolment attent u prudenti (sentenza BBS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

51     Barra minn hekk, għalkemm jeżisti overlap evidenti bejn il-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi ta' l-Artikolu 7(1)(c) u ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94, l-esklużjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade marks koperti minn din l-aħħar dispożizzjoni mhijiex ibbażata fuq in-natura deskrittiva ta' dawn it-trade marks, iżda fuq l-użu attwali fis-setturi tal-kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija trade marks (ara, b'analoġija, is-sentenza Merz & Krell, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u s-sentenza BBS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

52     Fl-aħħar nett, sinjali jew indikazzjonijiet li minnhom hija komposta trade mark li jkunu saru komuni fil-lingwaġġ kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ sabiex jindikaw il-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark, mhumiex tajbin biex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħrajn u għalhekk ma jaqdux il-funzjoni essenzjali ta' l-imsemmija trade mark (ara, b'analoġija, is-sentenza Merz & Krell, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37, u s-sentenza BBS, iċitata iktar 'il fuq, punt 40).

53     F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell qies li r-reġistrazzjoni tat-trade mark WEISSE SEITEN kellha tiġi annullata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94 għal dak li jikkonċerna t-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM" li jaqgħu fil-klassi 9 u l-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza", li jaqgħu fil-klassi 16. Għaldaqstant, in-natura komuni tal-frażi "weiße Seiten" għandha tiġi analizzata fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

54     Peress li dawn il-prodotti huma intiżi għall-konsumatur b'mod ġenerali, għandha tiġi analizzata l-perċezzjoni tal-konsumatur medju. Barra minn hekk, peress li t-trade mark in kwistjoni hija komposta minn kliem bil-Germaniż, dan il-konsumatur medju huwa wieħed li jitkellem bil-Ġermaniż.

55     Hemm lok li jiġi osservat li d-dokumenti ppreżentati quddiem l-UASI mill-intervenjenti, elenkati fil-punt 4 hawn fuq, u li jirrigwardaw in-natura komuni tal-frażi "weiße Seiten" għall-pubbliku li għalih huma immirati l-prodotti jew is-servizzi, juru li din il-frażi saret l-isem ġeneriku kurrenti għadirettorji tat-telefon għall-individwi.  

56     Jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li din użat il-kunċett ta' "weiße Seiten" diversi darbi sabiex tirreferi għal " alphabetisches Teilnehmerverzeichnis". Dan il-kunċett xi darbi jintuża waħdu u xi drabi flimkien ma' din l-aħħar deskrizzjoni. Il-frażi "gelbe Seiten" ukoll hija użata f'din il-komunikazzjoni, fis-sens ta' direttorju tat-telefon tal-professjonisti. Din il-komunikazzjoni li kienet datata Settembru 1995, turi li l-kunċett ta' "weiße Seiten" kien daħal fil-lingwa Ġermaniża mill-inqas f'dak iż-żmien. Barra minn hekk, kif ikkonstata ġustament l-UASI, din il-komunikazzjoni tirreferi għal studju li sar fl-1992 minn  Coopers & Lybrand, Deloitte, li kien diġà rrefera għal dan il-kunċett.

57     L-argument tar-rikorrenti li kienet iktar dwar it-traduzzjoni ta' l-isem Ingliż "White Pages" milli dwar il-ħolqien ta' isem ġdid oġġettiv fil-lingwa Ġermaniża ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, peress li d-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet huma tradotti minn tradutturi għal ilsien art twelidhom, dawn il-persuni jużaw, safejn hu possibbli, termini u espressjonijiet idjomatiċi jew stabbiliti mill-użu.

58     Fi kwalunkwe każ, id-diversi dokumenti ta' informazzjoni li ħarġu mill-posta Awstrijaka dwar id-direttorji tat-telefon juru li l-frażi "weiße Seiten" kienet diġà użata fl-Awstrija, fis-sens ta' direttorju tat-telefon ta' l-individwi, mill-inqas mis-sena 1992. Dawn id-dokumenti nħarġu mill-posta Awstrijaka u wħud minnhom kienu indirizzati lill-abbonati kollha, filwaqt li oħrajn kienu intiżi għall-pubbliku b'mod ġenerali. Id-dokumenti kollha jirrigwardaw il-perijodu li jippreċedi d-data meta saret l-applikazzjoni għat-trade mark WEISSE SEITEN. Jirriżulta minn dawn id-dokumenti li l-użu tal-frażi "weiße Seiten" ma kienx sporadiku, kif issostni r-rikorrenti, iżda li l-posta Awstrijaka kkunsidrat li l-pubbliku in ġenerali kien jifhem is-sinifikat tagħha, li kieku ma kienx hekk, ma kinitx tużaha fil-paġni ta' informazzjoni tagħha.  

59     Rigward il-formoli għall-ordnijiet ta' direttorji tat-telefon Awstrijaċi, hemm lok li jiġi osservat li huma kienu ġew ikkreati mill-intervenjenti. Huma jikkonċernaw is-snin 1993/1994 u 1994/1995 u jinkludu kemm il-frażi "weiße Seiten" kif ukoll il-frażi "gelbe Seiten", mingħajr ebda spjegazzjoni addizzjonali. Għaldaqstant, kien hemm preżunzjoni li dawk li rċevew dawn il-formuli għall-ordnijiet kienu jafu s-sinifikat tal-frażi "weiße Seiten".

60     Jirriżulta wkoll mil-linji gwida għall-pubblikazzjoni ta' direttorji uffiċjali, li kienet is-suġġett ta' kuntratt li sar fl-1992 u li ġie konkluż bejn l-intervenjenti u l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi u mill-ittri mibgħuta bejn l-intervenjenti u dipartimenti differenti ta' l-awtoritajiet amministrattivi Awstrijaċi tal-posta u tat-telegrafi dwar il-pubblikazzjoni tal-"Weiße Seiten" li l-intervenjenti u l-awtoritajiet amministrattivi kienu jużaw, mill-1992, il-frażi "weiße Seiten", mingħajr spjegazzjoni ulterjuri rigward is-sinifikat tagħha, fil-korrispondenza tagħhom.  

61     Barra minn hekk, jirriżulta mir-riċerka li saret fuq l-Internet fit-8 ta' Awwissu 2000 li kemm it-termini "weiße Seiten" kif ukoll it-termini "weisse Seiten" jagħmlu referenza għad-direttorji tat-telefon, b'mod partikolari f'forma elettronika jew ta' CD-ROM.  

62     Anki jekk dawn l-aħħar dokumenti nġabru erba' snin wara li saret l-applikazzjoni għat-trade mark WEISSE SEITEN, huma jikkonfermaw l-iżvilupp lingwistiku li seħħ u l-konklużjonijiet li jirriżultaw mid-dokumenti li jirrigwardaw il-perijodu ta' qabel ma saret din l-applikazzjoni.

63     Jirriżulta, ukoll, effettivament mid-deċiżjoni ta' l-Oberste Patent- und Markensenat li t-trade mark Awstrijaka WEISSE SEITEN kienet ġiet iddikjarata invalida fir-rigward tal-prodotti li ġejjin: "karti u materjal stampat".

64     Barra minn hekk, l-intervenjenti tirrferi għar-riċerki li saru fuq l-Internet għal dan ir-rikors, mehmuża mar-risposta tagħha, sabiex turi li l-kunċett ta' "weiße Seiten" huwa preżenti f'ħafna pajjiżi. Bl-istess mod, l-UASI jirreferi għal riċerka li saret fuq l-Internet, mehmuża mar-risposta tiegħu.

65     Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b'tali mod li l-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta' fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs L-UASI - Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, Ġabra p. II-719, punt 52; tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs L-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52, u tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs L-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].

66     Jirriżulta minn dan kollu li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li d-dokumenti prodotti mill-intervenjenti quddiem l-UASI kienu biżżejjed sabiex juru li, għall-pubbliku li għalih kienu mmirati l-prodotti jew is-servizzi, "weiße Seiten" kienet frażi li saret komuni, fid-data meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark WEISSE SEITEN mir-rikorrenti, bħala isem ġeneriku għad-direttorju tat-telefon ta' l-individwi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pproduċitx quddiem l-UASI provi li setgħu juru li t-trade mark WEISSE SEITEN ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94.

67     L-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma indikax ir-raġunijiet li għalihom ir-raġuni assoluta għar-rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika wkoll għal prodotti u servizzi differenti mid-direttorji tat-telefon fil-forma ta' ktieb, m'għandux jiġi milqugħ. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell qal, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej: "Id-direttorji tat-telefon mhumiex biss pprovduti f'għamla ta' karti, iżda wkoll f'forma elettronika. Il-persuna li għamlet it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità ilha tikkummerċjalizza mill-aħħar snin tas-snin 80, diversi direttorji tat-telefon fuq mezz elettroniku. Barra minn hekk, id-direttorji tat-telefon mhumiex biss ipprovduti fuq CD-ROM illum, jiġifieri fuq memorji tal-kompjuter irreġistrati, iżda huma wkoll direttament aċċessibbli permezz ta' l-Internet." Huwa rrepeta, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta' l-eżami ta' din ir-raġuni assoluta għal rifjut, li d-"direttorji tat-telefon [ma kinux] biss pprovduti f'għamla ta' karti, iżda wkoll f'forma elettronika" u li kien "ukoll possibli li tidħol fihom direttament permezz ta' l-Internet".

68     Barra minn hekk, huwa kkonstata, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata li, "[a]nki meta terminu ma [kienx] normalment użat għall-preżentazzjoni, fil-kummerċ, tal-prodotti kollha koperti minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni, [kien] it-terminu ġeneriku msemmi li [kellu] jitqies sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' raġuni assoluta għal rifjut". Il-Bord ta' l-Appell qies li ma setax "jagħmel id-distinzjoni bejn il-prodotti differenti koperti mill-imsemmi terminu, jiġfieri, per eżempju, bejn rumanz (divertiment) u direttorji tat-telefon" u li kellu "jevalwa n-nuqqas ta' karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti kollha inklużi fil-lista li tinstab ma' l-applikazzjoni".

69     Minn dawn is-siltiet jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell indika r-raġunijiet li għalihom hu kkunsidra li din ir-raġuni assoluta għal rifjut kellha tapplika wkoll għat-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM" li jaqgħu fil-klassi 9 u għall-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza", li jaqgħu fil-klassi 16 u b'hekk huwa ssodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni li jinsab fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

70     Hemm lok li jiġi eżaminat imbagħad jekk din il-motivazzjoni hijiex fondata.

71     Huwa stabbilit li d-direttorji tat-telefon ta' l-individwi huma disponibbli mhux biss fuq karti, iżda wkoll f'forma elettronika, fuq l-Internet jew fuq CD-ROM. Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kienet f'pożizzjoni li tenfasizza, rigward il-"memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari s-CD-ROM" u l-"materjal stampat, direttorji tat-telefon u kotba ta' referenza", li dawn il-prodotti jkopru tipi diversi ta' prodotti li huma adattati biex ikun fihom, kemm fuq mezz elettroniku kif ukoll fuq karti, direttorji tat-telefon jew ta' komunikazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ġunju 2001, Telefon & Buch vs L-UASI (UNIVERSALTELEFONBUCH u UNIVERSALKOMMUNIKATIONSVERZEICHNIS), T‑357/99 u T‑358/99, Ġabra p. II‑1705, punt 26].

72     Għaldaqstant, il-frażi "weiße Seiten" għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija wkoll isem komuni għad-direttorji elettroniċi, kif jirriżulta wkoll mir-riċerki li saru fuq l-Internet mill-intervenjenti waqt il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI.

73     Għal dak li jikkonċerna t-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM" li jaqgħu fil-klassi 9, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni għal din il-kategorija kollha ta' prodotti, mingħajr ma għamlet distinzjoni.

74     Konsegwentament, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fil-parti li tirrigwarda din il-kategorija kollha kemm hi [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T‑359/99, Ġabra p. II‑1645, punt 33; STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46; ta' l-20 ta' Marzu 2002 DaimlerChrysler vs L-UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 34; DaimlerChrysler vs L-UASI (CARCARD), T‑356/00, Ġabra p. II‑1963, punti 33 u 36, u DaimlerChrysler vs L-UASI (TRUCKCARD), T‑358/00, Ġabra p. II‑1993, punti 34 u 37].

75     Għal dak li jirrigwarda l-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza", li jaqgħu fil-klassi 16 u li jagħmlu parti minnhom id-direttorji tat-telefon fuq karti, peress li r-rikorrenti ma għamlitx distinzjoni f'din il-kategorija ġenerika, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fil-parti li tirrigwarda din il-kategorija kollha.

76     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ġustament annulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark WEISSE SEITEN fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94, għal dak li jikkonċerna t-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM" li jaqgħu fil-klassi 9 u l-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza", li jaqgħu fil-klassi 16.

77     B'konsegwenza ta' dan, it-tieni raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi respinta.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

78     Ir-rikorrenti tikkonstata li s-sinjal WEISSE SEITEN kien ifformulat b'ħarsien tar-regoli tal-grammatika Ġermaniża. Huwa evidenti li t-trade mark hija magħmula mill-isem tal-kulur "weiß"(abjad) u mill-kelma "Seiten" (paġni, naħat), li jista' jingħatalha ħafna sinifikazzjonijiet. Mandankollu, ikun hemm raġuni assoluta għal rifjut prevista mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 biss meta s-sinjal jippermetti li tiġi mogħtija informazzjoni rilevanti fuq il-prodotti u s-servizzi in kwistjoni.

79     Ir-rikorrenti tenfasizza li pubblikazzjoni mhijex magħmula minn paġni bojod, peress li kważi l-pubblikazzjonijiet kollha huma stampati b'linka sewda fuq karti bojod. Il-kelma "Seiten" ma tistax tfisser ktieb peress li l-paġni huma biss wieħed mill-elementi li jagħmlu tali ktieb u għalhekk dan it-terminu mhuwiex suffiċjenti sabiex jindika lill-konsumatur li ser jirċievi ktieb jekk huwa jitlob il-"weiße Seiten". Għal dak li jikkonċerna l-karta bajda, ir-rikorrenti tenfasizza li karta vojta qatt ma hi indikata mill-kelma "Seiten"(paġni), peress li dawn ta' l-aħħar jikkostitwu biss parti minn pubblikazzjoni.

80     Skond ir-rikorrenti, ħadd, meta jara s-sinjal WEISSE SEITEN, ma jaħseb f'servizz ta' abbozzar, ta' edizzjoni jew ta' pubblikazzjoni. Il-kelma "Seite" (paġna, naħa) qatt ma tista' tindika servizz u l-indikazzjoni ta' kulur "weiß" lanqas ma jista' jwassal li wieħed jaħseb f'dawn is-servizzi. 

81     Ir-rikorrenti tikkonkludi li, peress li l-kunċett ta' "weiße Seiten" ma jistax jiddeskrivi b'mod xieraq u f'forma li faċilment tista' tinftiehem karatteristika essenzjali ta' kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi in kwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-karta, li għaliha lanqas ma hija deskrittiva, it-trade mark WEISSE SEITEN ma tista' tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva għal ebda wieħed minn dawn il-prodotti u servizzi.

82     L-UASI josserva li r-rikorrenti interpretat ħażin id-deċiżjoni kkontestata. Rigward il-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza" u t-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM", is-sinjal WEISSE SEITEN jiddeskrivi l-prodotti indikati billi huwa sinonimu ta' direttorju tat-telefon ta' l-individwi u mhux minħabba l-kulur abjad tal-paġni tal-kotba. Barra minn hekk, indikazzjoni li tkun saret komuni fil-lingwaġġ kurrenti, bħala regola ġenerali, hija wkoll deskrittiva.

83     L-UASI jenfasizza li, anki jekk sinjal jiddeskrivi biss parti mill-prodotti inklużi f'kategorija partikolari, dan ma jistax jiġi rreġistrat għal din il-kategorija. Peress li s-sinjal WEISSE SEITEN jiddeskrivi direttorju ta' l-individwi, lanqas ma jista' jiġi rreġistrat għall-materjal stampat (karti stampati), sakemm l-applikant jew il-proprjetarju tat-trade mark ma jkunx illimita b'mod xieraq il-lista tal-prodotti u tas-serviżżi, b'mod li d-direttorji jiġu esklużi minnha.

84     Għal dak li jikkonċerna l-assoċjazzjoni magħmula mill-Bord ta' l-Appell mas-sinifikat "weißfarbige Seiten", din tapplika biss fir-rigward tal-prodotti li ġejjin: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjali ta' l-artisti; oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)". Skond l-UASI, il-kunċett ta' "weiße Seiten" jista' jintuża bħala sinonimu ta' "weißfarbige Blätter" (folji ta' kulur abjad). Għaldaqstant, is-sinjal WEISSE SEITEN huwa deskrittiv ta' dawn il-prodotti kollha. Mandankollu, l-UASI tirrimarka li l-kwistjoni jekk il-konsumatur jippreċepixxix ukoll dan is-sinjal bħala sinonimu deskrittiv tal-"materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)" tibqa' sospiża, peress li r-rikorrenti ma kkontestatx espressament din l-evalwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

85     L-intervenjenti ssostni li s-sinjal WEISSE SEITEN jikkostitwixxi indikazzjoni diretta u konkreta ta' karatteristika u ta' kwalità jew ta' l-użu intenzjonat tal-prodotti u s-servizzi in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

86     Skond l-intervenjenti, it-termini "Seite" u "Blätter" huma użati bħala sinonimi kif juri artiklu li deher f'GEO kif ukoll id-dokumenti l-oħra ppreżentati minha fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-UASI

87     Peress li l-indikazzjoni "weiß" isservi sabiex tindika l-paġni u l-folji li ma jiġux stampati u li jinbigħu hekk, hija tiddeskrivi b'dan il-mod kwalità ta' paġni disponibbli fis-suq b'mod li l-kunċett ta' "weiße Seiten" iservi sabiex jindika t-tip u l-kwalità ta' dan il-prodott.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

88     Skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li jikkonsistu esklussivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li "l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu sabiex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

89     L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan li huwa fl-interess pubbliku, li jeħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni timpedixxi li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu riservati lil impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 31, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs L-UASI(ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 27].

90     F'dan il-kunstest, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fid-dispożizzjoni ċċitata huma dawk li jistgħu jservu, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti jew is-servizzi, sabiex jindikaw, kemm direttament u kemm permezz ta' l-indikazzjoni ta' waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 39). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal tista' ssir biss, minn naħa waħda, b'referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, b'referenza għall-mod kif jinftiehem mill-pubbliku rilevanti (sentenza CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

91     Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikol 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tas-sinifikat mogħti lit-trade mark verbali in kwistjoni, jekk teżistix, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, assoċjazzjoni li hija diretta u konkreta biżżejjed bejn din it-trade mark u l-kategorija ta' prodotti u ta' servizzi li għalihom ġiet aċċettata r-reġistrazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

92     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li, sabiex l-UASI tirrifjuta applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li minnhom hija magħmula t-trade mark, imsemmija f'dan l-Artikolu, ikunu effettivament użati, fil-mument meta ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, sabiex jiddeskrivu prodotti jew servizzi bħal dawk li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, bħal ma jindika l-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet jistgħu jkunu użati għal dawn l-iskopijiet. B'hekk, sinjal verbali m'għandux jiġi rreġistrat, skond l-imsemmija dispożizzjoni, jekk mill-inqas wieħed mis-sinifikati possibbli tiegħu jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza L-UASI vs Wrigley, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).

93     F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li r-raġuni assoluta għar-rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 kienet tapplika għall-prodotti u s-servizzi li ġejjin:

–       klassi 9: "Tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM";

–       klassi 16: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza; materjali ta' l-artisti; oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)";

–       klassi 41: "Servizzi ta' ditta li tippubblika l-kotba, b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta' testi, ta' kotba, ta' rivisti u ta' gazzetti";

–       klassi 42: "Servizzi ta' editur".

94     Anki jekk huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jkun irreġistrat bħala trade mark Komunitarja, għandha tiġi eżaminata il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 ukoll fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 76 hawn fuq, li għalihom ġie deċiż li l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 40/94 ġie applikat b'mod korrett.

95     Il-frażi "weiße Seiten" hija ifformulata b'mod korrett, skond ir-regoli grammatiċi tal-lingwa Ġermaniża, kif tikkonstata wkoll ir-rikorrenti, u hija komposta minn termini Ġermaniżi kurrenti.

96     Kif ġie osservat fil-kuntest ta' eżami tar-raġuni preċedenti, din il-frażi saret sinonimu, fil-lingwa Ġermaniża, ta' direttorju tat-telefon ta' l-individwi. Għaldaqstant, din il-frażi tista' wkoll tkun ikkunsidrata bħala li tiddeskrvi l-prodotti li fir-rigward tagħhom hija kkunsidrata li hija isem komuni għalihom, jiġifieri it-"tagħmir li jġorr id-data b'mod manjetiku u memoriji tal-kompjuter bir-reġistrazzjonijiet għall-installazzjonijiet u apparat għall-ipproċessar elettroniku tad-data, b'mod partikolari tejps manjetiċi, diski u CD-ROM" u l-"materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza" peress li jindikaw ix-xorta ta' dawn il-prodotti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza UNIVERSALTELEFONBUCH u UNIVERSALKOMMUNIKATIONSVERZEICHNIS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

97     B'hekk, l-argumenti tar-rikorrenti, li pubblikazzjoni mhijex magħmula minn paġni bojod, peress li kważi l-pubblikazzjonijiet kollha huma stampati b'linka sewda fuq karti bojod u li l-kelma "Seiten" ma tistax tfisser ktieb, peress li l-paġni huma biss wieħed mill-elementi li jagħmlu tali ktieb u li għalhekk dan it-terminu mhuwiex suffiċjenti sabiex jindika lill-konsumatur li ser jirċievi ktieb jekk huwa jitlob il-"weiße Seiten", mhumiex rilevanti, peress li l-Bord ta' l-Appell ikkonstata li t-trade mark WEISSE SEITEN kienet tiddeskrivi dawn il-prodotti bħala sinonimu ta' direttorju tat-telefon ta' l-individwi u mhux minħabba l-kulur abjad tal-paġni ta' tali direttorju.

98     Rigward is-"servizzi ta' ditta li tippubblika l-kotba, b'mod partikolari l-pubblikazzjoni ta' testi, ta' kotba, ta' rivisti u ta' gazzetti" li jaqgħu fil-klassi 41 u s-"servizzi ta' editur" li jaqgħu fil-klassi 42, dawn jikkonċernaw il-ħolqien u l-preparazzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt 96 hawn fuq u, b'mod partikolari il-prodotti fuq karti li jaqgħu fil-klassi 16. Għaldaqstant, il-frażi "weiße Seiten" tista' wkoll tkun ikkunsidrata bħala li tiddeskrivi dawn is-servizzi, peress li hija tindika l-użu intenzjonat tagħhom (ara f'dan is-sens, is-sentenza UNIVERSALTELEFONBUCH u UNIVERSALKOMMUNIKATIONSVERZEICHNIS, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26 u 28).

99     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li ħadd, meta jara s-sinjal WEISSE SEITEN, ma jaħseb f'servizz ta' abbozzar, ta' edizzjoni jew ta' pubblikazzjoni ma jistax jintlaqa' peress li l-Bord ta' l-Appell stabbilixxa l-eżistenza ta' konnessjoni suffiċjenti bejn dawn is-servizzi u l-prodotti li fir-rigward tagħhom il-frażi "weiße Seiten" tfisser "direttorju tat-telefon ta' l-individwi".

100   Konsegwentament, il-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi msemmija hawn fuq.

101   Huwa importanti wkoll li tiġi eżaminata n-natura deskrittiva possibbli tat-trade mark WEISSE SEITEN fir-rigward tal-prodotti li ġejjin: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; direttorji tat-telefon, kotba ta' referenza; materjali ta' l-artisti; oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)", li jaqgħu fil-klassi 16.

102   Il-Bord ta' l-Appell ikkonstata rigward dan, fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"Il-'karta' tikkonsisti f'folji. Meta ma jkunux iktar separati, iżda llegati, istejpiljati jew miġbura b'mod ieħor, kemm jekk ikunu stampati jew le, huma jissejħu ‘Seiten’ […] Lanqas ma huwa eskluż li t-terminu ‘Seite’ […] isir jew diġà sar sinonimu tal-kelma ‘Blatt’ (folja). Il-fatt li jiġi ppreċiżat li dawn huma paġni bojod, jikkostitwixxi indikazzjoni konkreta u diretta ta' karatteristika tal-karta, li l-konsumaturi jżommu f'moħħhom waqt li jieħdu d-deċiżjoni li jixtru, għall-kuntrarju ta' l-opinjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Rigward it-terminu ġeneriku 'oġġetti neċessarji għall-uffiċċju', huwa jinkludi wkoll il-karta, b'mod li l-frażi ‘weiße Seiten’ […] hija indikazzjoni deskrittiva anki fir-rigward tagħhom. L-istess konstatazzjoni tapplika għall-"materjal istruttiv u għat-tagħlim", peress li dan il-materjal jikkonsisti l-aktar f'kotba. Fil-fatt, il-fatt li jiġi ppreċiżat li l-materjal istruttiv huwa stampat fuq karti bojod, jikkostitwixxi indikazzjoni essenzjali tal-karatteristiċi tal-prodott. Il-'materjal ta' l-artisti' huwa terminu ġeneriku ieħor li jkopri wkoll il-folji għat-tpinġija, kif diġà ġie kkonstatat, u li, konsegwentament, huwa deskrittiv fir-rigward tagħhom ukoll."

103   Għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell hija korretta. Fil-fatt, il-frażi in kwistjoni tista' faċilment tinftiehem fis-sens ta' "weißfarbige Seiten" u tista' tintuża, kif isostnu l-UASI u l-intervenjenti, bħala sinonimu ta' "weißfarbige Blätter". Għaldaqstant, tista' titqies bħala li tiddeskrivi għall-inqas il-karta u, peress li  r-rikorrenti m'għamlitx distinzjoni f'din il-kategorija ġenerika "karta, kartunċin u prodotti ta' dawn il-materjali, li mhumiex inklużi fil-klassijiet l-oħra", dawn il-prodotti kollha.

104   Għal dak li jikkonċerna l-"materjal ta' l-artisti", għandu jiġi osservat li jista' jinkludi r-riżorsi kollha li jużaw l-artisti. Għalhekk, tista' tiġi inkluza wkoll il-karta u, peress li r-rikorrenti m'għamlitx limitazzjoni f'din il-kategorija billi eskludiet il-karta minnha, il-frażi "weiße Seiten" għandha titqies bħala li tiddeskrivi l-kategorija "materjal ta' l-artisti".

105   Rigward l-"oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara)", din il-kategorija tista' tinkludi, per eżempju, it-takkwini u l-karta għall-istampar u peress li m'għamlitx limitazzjoni f'din il-kategorija, il-frażi in kwistjoni għandha titqies bħala li tiddeskrivi dawn il-prodotti wkoll.

106   Fl-aħħar nett, rigward il-"materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat)" japplika l-istess raġunament bħal dak li japplika għall-prodotti ċċitati iktar 'il fuq. Peress li r-rikorrenti ma eskludietx minn dan il-materjal, il-folji jew il-paġni bojod, għandu jiġi osservat li t-trade mark tista' titqies bħala li tiddeskrivi dawn il-prodotti.

107   Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti la għamlet distinzjoni u lanqas limitazzjoni f'dawn il-kategoriji ġeneriċi, l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell għandha tiġi kkonfermata għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 101 iktar 'il fuq.

108   Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-konnessjoni bejn it-trade mark WEISSE SEITEN u l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kollha in kwistjoni hija stretta biżżejjed sabiex taqa' fl-iskop tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

109   Konsegwentament, it-tielet raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi respinta.

110   Għal dak li jikkonċerna r-raba' raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament 40/94, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29).

111   Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 hija, minħabba f'hekk, inevitabbilment nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Campina Melkunie, C‑265/00, Ġabra p. I‑1699, punt 19, u Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 86).

112   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba' raġuni tar-rikorrenti ma tistax tiġi milqugħa.

113   Konsegwentement, hemm lok li r-rikors kollu kemm hu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

114   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, kif mitlub minn dan. Peress illi l-intervenjenti m'għamlitx talba f'dan is-sens, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż, ħlief dawk sostnuti mill-intervenjenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Marzu 2006.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.