SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)
11 ta’ Diċembru 2008
Kawża F-136/06
Enzo Reali
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Esperjenza professjonali – Diploma – Ekwivalenza”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Reali essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti li kklassifikatu fil-grad 14, skala 1, tal-grupp tal-funzjoni IV, hekk kif jirriżulta mill-kuntratt ta’ ingaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Rekwiżit ta’ diplomi universitarji – Kunċett ta’ diploma universitarja
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(2)(ċ)(i))
2. Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Rekwiżit ta’ diplomi universitarji – Paragun tad-diplomi u tal-awtorizzazzjonijiet professjonali maħruġa fl-Istati Membri differenti
(Direttiva tal-Kunsill 89/48)
1. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja, għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ diploma universitarja, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(2)(ċ)(i), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens mogħti lil din l-espressjoni mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-kandidat studja, liema studji qiegħed jagħmel użu minnhom.
(ara l-punt 34)
Referenza: Il-Qorti tal‑Ġustizzja 13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, Ġabra p. 2711, punt 14; Il‑Qorti Ġenerali 7 ta’ Frar 1991, Ferreira de Freitas vs Il‑Kummissjoni, T‑2/90, Ġabra p. II‑103, punt 32; 3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il‑Kummissjoni, T‑82/92, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑237, punt 34
2. L-armonizzazzjoni li saret mid-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, ma għandhiex bħala effett li tillimita s-setgħa diskrezzjonali li għandha istituzzjoni fil-paragun tal-valur rispettiv tad-diplomi fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ reklutaġġ. Fis-sistema tad-Direttiva 89/48, il-paragun tad-diplomi jsir għall-finijiet tal-aċċess għal ċerti attivitajiet irregolati fl-Istati Membri differenti. Evalwazzjoni bħal din ma tistax tkun konfuża mal-evalwazzjoni kumplessa tal-valur universitarju rispettiv tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri differenti għall-finijiet li jiġi stabbilit il-grad marbut ma’ għal impjieg fi ħdan istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
(ara l-punt 85)
Referenza: Il-Qorti Ġenerali 9 ta’ Diċembru 1999, Alonso Morales vs Il‑Kummissjoni, T‑299/97, ĠabraSP p. I‑A‑249 u II‑1227, punti 35 u 36; 11 ta’ Mejju 2005, De Stefano vs Il‑Kummissjoni, T‑25/03, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑573, punt 53