Language of document : ECLI:EU:T:2014:1077

Kawża T‑487/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Banco Privado Português, SA
u

Massa Insolvente do Banco Privado Português, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Garanzija mill-Istat marbuta ma’ self bankarju — Għajnuna intiża li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà — Konformità mal-avviżi tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Aspettattiva leġittima — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2014

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura legali — Interpretazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 107(1), TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Istat — Vantaġġi li jwasslu għal tnaqqis tal-baġit statali jew għal riskju ta’ tali unaqqis — Garanzija mogħtija mill-Istat — Inklużjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern — Għajnuna maħsuba sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 107(3)(b), TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Determinazzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru — Obbligu ta’ rkupru — Portata — Garanzija mogħtija mill-Istat — Ħlas lura tal-vantaġġ ekonomiku

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1))

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat — Għajnuna mogħtija fil-forma ta’ garanzija individwali — Determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna fl-assenza ta’ prezz tas-suq tal-garanzija — Obbligu li jiġi kkalkulat l-element ta’ għajnuna bl-istess mod bħas-sussidju ekwivalenti ta’ self b’rata pprivileġġjata

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2008/C 155/02)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarju — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE)

8.      Drittt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Differenza fit-trattament oġġettivament iġġustifikata — Kriterji ta’ evalwazzjoni

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-52)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60-62)

4.      Id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, il-kunċett ta’ “taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta. Il-Kummissjoni tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jitwettqu f’kuntest Komunitarju. Il-qorti tal-Unjoni, meta tivverifika l-legalità tal-eżerċizzju ta’ tali libertà, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ l-awtorità kompetenti, iżda għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter.

Issa, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif iddefinita mill-Avviż intitolat “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji” jew li illegalment ma segwietx ir-regoli li hija stess imponiet, meta hija segwiet fedelment ir-regoli tal-imsemmi avviż sabiex tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern.

(ara l-punti 83, 91)

5.      Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li huwa intiż li jimplementa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, f’każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha, ħlief meta tali rkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. It-tħassir ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra l-għajnuna illegali huwa obbligat li jadotta l-miżuri kollha adegwati sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, l-Istat ikkonċernat għandu jasal għall-irkupru effettiv tal-ammonti dovuti.

Dan l-obbligu ta’ irkupru għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. B’mod iktar preċiż, l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li jkun approfitta minnu l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, billi jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna.

Il-paragrafu 15 u l-paragrafu 25(a) u (c) tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà, li l-prinċipji ġenerali tagħhom huma applikabbli skont il-paragrafu 10 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, la jispeċifikaw l-għan, la l-portata ratione materiae jew ratione temporis, u lanqas il-modalitajiet ta’ ordni ta’ irkupru.

Madankollu, billi jillimitaw il-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ “fil-forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self” għal dik li tkun ta’ “natura temporanja u riversibbli”, il-paragrafi 15 u 25 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni huma bbażati fuq il-premessa ġenerali li kull vantaġġ mogħti provviżorjament abbażi ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, taħt kwalunkwe forma, għandu jiġi mħallas lura jekk il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni li għalihom huwa suġġett l-għoti provviżorju tiegħu ma jkunux jew ma jkunux għadhom issodisfatti. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għan-natura riversibbli u mal-ispirtu tal-għajnuna ta’ salvataġġ, li hija intiża biss sabiex tippermetti lill-impriża f’diffikultà li tgħaddi perijodu qasir ta’ kriżi, li fi tmiemu, jew tasal hija stess sabiex tirkupra minnu, li jkun jimplika l-obbligu tagħha li tirrimborsa l-għajnuna, jew tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ. F’każ ta’ garanzija mill-Istat, dan il-prinċipju jirrikjedi neċessarjament il-ħlas lura tal-vantaġġ ekonomiku li l-imsemmija garanzija tipprokura lill-benefiċjarju matul il-perijodu tal-għoti tagħha, fejn is-sempliċi tħassir b’effett ex nunc ma huwiex suffiċjenti għal dan l-effett u, barra minn hekk, jikser il-kunċett ta’ irkupru.

(ara l-punti 97, 98, 101, 102)

6.      Dwar l-għajnuna mill-Istat, jirriżulta li għall-punt 4.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi favur l-assenza ta’ prezz tas-suq tal-garanzija inkwistjoni, hija obbligata li tikkalkola l-element tal-għajnuna “bl-istess mod bħall-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli”, mingħajr ma tkun tista’, minħabba l-awtolimitazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddevja minn dan l-obbligu jew metodu ta’ kalkolu.

(ara l-punt 109)

7.      Fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura tiġi osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna.

F’dan il-kuntest, il-fatt innifsu li d-deċiżjoni li tawtorizza miżura ta’ salvagwardja ta’ emerġenza maħsuba sabiex iżżomm fi stat ta’ sopravvivenza l-istituzzjoni finanzjarja insolventi ma semmietx espressament il-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ulterjuri li tista’ tagħti lok għal irkupru ex tunc tal-vantaġġ mogħti ma huwiex suffiċjenti sabiex jissejsu fuqu tali aspettattivi leġittimi peress li l-approċċ sussegwenti tal-Kummissjoni osserva r-regoli rilevanti dawt in-natura temporanja u riversibbli tal-għajnuna għas-salavtaġġ u li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali tindika b’mod inekwivoku li, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-istituzzjoni finanzjar insolventi, l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-għajnuna inkwistjoni, kif mogħtija fid-deċiżjoni li tawtorizza miżura ta’ salvagwardja ta’ emerġenza maħsuba sabiex iżżomm fi stat ta’ sopravvivenza l-istituzzjoni finanzjarja insolventi, ma setgħetx tiġi kkonfermata jew ipperpetwata bid-deċiżjoni li kellha tiġi adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-benefiċjarju tal-għajnuna li l-assenza tal-preżentata ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni hija imputabbli interament lill-Istat Membru. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ u indipendentement mir-raġunijiet li għalihom tali pjan ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni, dawn tal-aħħar ma jistgħux jinżammu responsabbli għal dan in-nuqqas jew għall-ħolqien ta’ xi aspettattivi leġittimi tal-benefiċċjarju f’dan il-kuntest, b’mod partikoalri meta hija adottat il-miżuri kollha adegwati sabiex tħajjar lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jissottomettu quddiemha pjan ta’ ristrutturazzjoni kemm jista’ jkun malajr.

Huwa wkoll ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat fid-dritt l-argument li l-ordni ta’ irkupru jikkostitwixxi “sanzjoni” fir-rigward tal-benefiċċjarju tal-għajnuna u huwa ta’ ħsara gravi għall-interessi tal-investituri u l-kredituri tiegħu. Fil-fatt, ordni ta’ irkupru ta’ għajnuna illegali ma jikkostitwixxix sanzjoni fis-sens strett, iżda huwa intiż biss sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna.

Barra minn hekk, benefiċċjarju ta’ għajnuna ma jistax, bħala prinċipju, irabbi aspettattivi leġittimi għar-regolarità ta’ għajnuna meta din tal-aħħar ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni u tal-interdizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija għajnuna abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, kienet illegali.

Fl-aħħar, l-obbligu tal-Istati Membri li jirkupraw l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern ma huwiex limitat jew ikkontestat mill-fatt li l-benefiċjarju huwa insolventi.

(ara l-punti 125, 129, 130, 132-134)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 139)