Language of document : ECLI:EU:T:2015:1002

Kawża T‑486/11,

Orange Polska S.A., li kienet Telekomunikacja Polska S.A.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Pollakk tat-telekomunikazzjonijiet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE – Kundizzjonijiet imposti mill-operatur storiku sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess remunerat ta’ operaturi ġodda fin-netwerk u għas-servizzi ta’ broadband għall-operaturi – Interess leġittimu sabiex jiġi kkonstatat ksur – Multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015

1.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Stħarriġ ta’ legalità kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt – Effetti – Setgħa ta’ emenda tal-ammont tal-multa

(Artikolu 102 TFUE, 261 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħat tal-Kummissjoni – Konstatazzjoni ta’ ksur li ntemm – Obbligu tal-Kummissjoni li turi interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ tali ksur

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7)

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Indikazzjoni tal-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa – Portata – Indikazzjoni ta’ fatturi rilevanti li jirrigwardaw iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti – Natura suffiċjenti

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(1) u 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Dritt għal smigħ xieraq – Portata – Dħul fis-seħħ tat-Trattatt ta’ Lisbona – Assenza ta’ effett fuq il-kontenut tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

5.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Marġni diskrezzjonali rriżervat għall-Kummissjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur u ta’ kriterji għall-evalwazzjoni tiegħu

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

6.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Assenza ta’ lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

7.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq – Assenza – Teħid inkunsiderazzjoni ta' kriterji mhux espressament imsemmija mill-linja gwida tal-Kummissjoni

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A u 2006/C 210/02, punt 22)

8.      Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Rifjut ta’ provvista – Ksur meqjus bħala gravi ħafna – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Pożzizzjoni dominanti li għandha l-oriġini tagħha f’monopolju legali preċedenti – Ksur multiplu, flagranti, persistenti u intenzjonat li jestendi fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Ċirkustanzi attenwanti – Waqfien tal-ksur wara intervent tal-Kummissjoni – Neċessità ta’ rabta kawżali

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwl inċiż tal-punt 29 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

10.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedura, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 66-68, 114, 115)

2.      Mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tax-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur li twettaq fil-passat meta, kemm, dan il-ksur ikun intemm u meta l-Kummissjoni ma timponi l-ebda multa.

Fil-fatt, hemm rabta bejn, minn naħa, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li turi interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, il-preskrizzjoni tas-setgħa tagħha li timponi multi. Il-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi ma tistax taffettwa s-setgħa impliċita tagħha li tikkonstata l-ksur. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa impliċita li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur wara li jiskadi l-perijodu ta’ preskrizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tipprova l-eżistenza ta’ interess leġittimu biex tipproċedi għal tali konstatazzjoni.

Isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li turi l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq fil-passat, minkejja l-fatt li din tissanzjona dan il-ksur b’multa.

(ara l-punti 76-78)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 90-92)

4.      Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinkludi l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fid-dritt primarju tal-Unjoni, ma biddilx sostanzjalment il-kontenut tad-dritt għal smigħ xieraq, kif dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6 tal-KEDB u kif ġie rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għad-dritt għal smigħ u, b’mod iktar wiesgħa, għad-drittijiet tad-difiża fl-intier tagħhom, invokati mir-rikorrenti, sa fejn l-imsemmija drittijiet jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ smigħ xieraq.

(ara l-punt 95)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 109, 176)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 110-113)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 163)

8.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti toriġina minn ex monopolju legali, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ multa imposta għal abbuż imwettaq minn impriża ta’ telekomunikazzjoni u f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-proporzjonalità tal-ammont bażiku tal-multa, huwa essenzjali li jitqies,

-      l-ewwel nett, il-fatt li l-pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża għandha l-oriġini tagħha fl-ex monopolju legali,

-      it-tieni nett, il-fatt li l-ksur imwettaq kien jikkonsisti fi ksur multiplu, flagranti, persistenti u intenzjonat tal-kwadru regolatorju li jobbliga lil din l-impriża, bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq, li tagħti lill-operaturi alternattivi l-aċċess disassoċjat għal-linja lokali tagħha u għas-servizzi koannessi taħt kundizzjonijiet trasparenti, ekwi u mhux diskriminatorji.

-      it-tielet nett, il-fatt li din l-impriża kienet konxja min-natura illegali tal-aġir tagħha, kemm fil-livell regolatorju, peress li hija ġiet investigata u kkundannata bid-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali kkonfermati bid-deċiżjonijiet definittivi tal-qrati nazzjonali, kif ukoll fil-livell tad-dritt tal-kompetizzjoni, fejn il-prattiki tagħha kienu maħsuba li jimpedixxu jew li jittardjaw id-dħul ta’ operaturi ġodda fis-swieq tal-prodotti kkonċernati, u,

-      ir-raba’ nett, il-fatt li s-swieq tal-prodotti milquta mill-prattiki abbużivi ta’ din l-impriża, li huma ta’ dimensjoni kunsiderevoli, sa fejn dawn ikopru t-territorju kollu ta’ wieħed mill-ikbar Stati Membri tal-Unjoni, huma swieq ta’ importanza kbira kemm mill-perspettiva ekonomika kif ukoll mill-perspettiva soċjali peress li l-aċċess għall-internet bil-broadband jikkostitwixxi l-element essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Tali elementi huma suffiċjenti sabiex jitqies li l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkritikata lill-imsemmija impriża u li jikkonsisiti f’rifjut ta’ provvista jikkostitwixxi ksur gravi.

F’dan il-kuntest, peress li jeżistu kemm, minn naħa waħda, il-fatt li l-impriża inkriminata ma tistax tinjora n-natura illegali tal-aġir tagħha, min-naħa l-oħra, in-natura intenzjonali ta’ dan l-aġir u, finalment, il-fatt li l-operatur storiku kellu pożizzjoni virtwalment monopolistika fis-suq tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband u pożizzjoni dominanti qawwija ħafna fuq is-swieq tal-konsumaturi, huwa ġustament li l-Kummissjoni kklassifikat dan il-ksur bħala abbuż ikkaratterizzat u ta’ gravità partikolari. Fid-dawl ta’ din il-gravità partikolari, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat għal 10 %, il-proporzjon tal-valur tad-dħul ikkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, b’mod konformi mal-punti 19 sa 22 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 177-183, 185, 186)

9.      Fil-qasam tad-determinazzjoni ta’ multa imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax loġikament ikun ċirkustanza attenwanti ħlief jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni tħajru jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, sabiex it-twaqqif tal-ksur ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala ċirkustanza attenwanti, jeħtieġ li tkun teżisti rabta kawżali bejn l-interventi tal-Kummissjoni u t-twaqqif tal-ksur ikkonċernat.

(ara l-punt 213)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 219-221, 224)