Language of document : ECLI:EU:T:2014:813

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ Settembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ żewġ tazzi tax-xorb ippakkjati – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv miksub bl-użu –– Artikolu 7(1)(b) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑474/12,

Giorgio Giorgis, residenti f’Milano (l-Italja), irrappreżentat minn I. Prado u A. Tornato, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. Harrington, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Comigel SAS, stabbilita f’Saint-Julien-lès-Metz (Franza), irrappreżentata minn S. Guerlain, J. Armengaud u C. Mateu, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Lulju 2012 (Każ R 1301/2011-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Comigel SAS u G. Giorgis,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2013,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-11 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent, G. Giorgis, kiseb, mingħand l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), u bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), ir-reġistrazzjoni bin-Numru 8132681 tat-trade mark Komunitarja tridimensjonali riprodotta hawn taħt:

Image not found

2        Il-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark jinsabu fil-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ġelat, ilma ffriżat mħallat mal-meraq tal-frott u zokkor bħala deżerta, taħlita ta’ sorbetti, sorbetti bis-silġ, ġelati, ġelati li tixrobhom, prodotti magħmula mill-ġelat, ħelu li fih il-ġelat, deżerti imkessħa, deżerti, jogurt kiesaħ iffriżat, prodotti tal-għaġina”.

3        Fid-19 ta’ Jannar 2010, l-intervenjenti, Comigel SAS, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (d) tal-istess regolament.

4        Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ April 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddikjarat l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament. Hija wkoll ċaħdet l-argument tar-rikorrent li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Fit-16 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent għamel rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa kkonferma l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li, minn naħa, it-trade mark kkontestata kienet nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrent ma kienx ipproduċa prova li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu, skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tal-istess regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

10      Ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell li għamel evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata u li konsegwentement kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

11      Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata fuq talba mressqa quddiem l-UASI, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li r-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata fir-rigward ta’ trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.

12      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li huma joriġinaw minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, Ġabra p. I‑10205, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, għandu tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni kienu prodotti tal-ikel li ġeneralment ikunu ppakkjati minn qabel meta dawn jaslu fl-istadju għall-bejgħ u, fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti ppakkjati minn qabel, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur dwar id-dehra tagħhom ma tantx ikun għoli.

15      Ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell li għamel evalwazzjoni żbaljata tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti. Huwa jsostni li l-konsumatur medju tal-ġelati għandu livell għoli ta’ attenzjoni, peress li l-għażla tiegħu hija bbażata fuq diversi fatturi, bħal pereżempju t-togħma u r-riħa tal-ġelat, il-mod kif il-ġelat jittiekel, it-tipi differenti ta’ ġelati u l-possibbiltà ta’ preżenza ta’ ċerti ingredjenti.

16      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata huma prodotti tal-ikel ta’ kuljum li huma intiżi għall-konsumaturi kollha. Għaldaqstant, hemm lok li l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata jiġi evalwat fid-dawl tal-aspettattivi preżunti ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolament attent u avżat [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra p. II‑811, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Sweet Tec vs UASI (Forma ovali), T‑156/12, punt 14].

17      Għal kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-fatt li l-konsumatur medju jagħżel ġelat skont il-gosti u l-preferenzi tiegħu ma huwiex ta’ natura li jattribwilu livell għoli ta’ attenzjoni. Fil-fatt, il-ġelat huwa prodott tal-ikel ta’ kuljum, ġeneralment mibjugħ fis-supermarkets, mhux għoli u li x-xiri tiegħu ma jsirx wara perijodu twil ta’ riflessjoni, u li fir-rigward tiegħu ma hemmx lok li jiġi konkluż li l-konsumatur juri livell għoli ta’ attenzjoni meta jkun qed jixtri. Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur jagħżel il-prodotti skont il-gosti tiegħu huwa evidenti fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel ikkunsmati fi kwantitajiet kbar, li għalihom, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 iktar ʼil fuq, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur ma huwiex meqjus bħala għoli.

18      Għaldaqstant, ġustament il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolament attent u avżat fl-Unjoni Ewropea kollha u ma kienx juri livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli.

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks. Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-użanza li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Freixenet vs UASI, punt 12 iktar ʼil fuq, punti 45 u 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss dik it-trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed mir-regola jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-identifikazzjoni tal-oriġini tagħha, li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza Freixenet vs UASI, punt 12 iktar ʼil fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, trademarks tridimensjonali magħmula mill-ippakkjar ta’ prodotti li huma ppakkjati għall-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess tal-prodott, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn għandhom jippermettu lill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun, u mingħajr ma jkollu attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk tal-impriżi l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 29).

22      Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni dwar jekk trade mark hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jirriżulta minnha. Madankollu, dan ma jistax jimplika li ma jkunx meħtieġ li inizjalment issir evalwazzjoni suċċessiva tad-diversi elementi ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni globali tagħha, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, fil-każ ineżami, il-prodotti inkwistjoni huma deżerti, ġelati, sorbetti u jogurts u li t-trade mark ikkontestata hija kkostitwita minn forma ta’ żewġ reċipjenti trasparenti magħmula mill-ħġieġ fil-forma ta’ tazza u minn forma ta’ kaxxa tal-kartun li għandha l-wiċċ u l-ġnub esposti u li tadatta ruħha għall-forma tar-reċipjenti. It-trade mark ikkontestata hija magħmula minn forma tridimensjonali tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni.

24      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell talli identifika b’mod żbaljat ir-regoli u l-użanzi tal-qasam ikkonċernat. Huwa jsostni li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell kien messu ħa inkunsiderazzjoni r-regoli u l-użanzi tal-ippakkjar fil-qasam tal-prodotti koperti mill-klassi 30. Issa, huwa llimita r-regola u l-użanzi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-analiżi tiegħu għal dawk tal-qasam tal-ippakkjar li kellu “immaġni ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ produzzjoni artiġjanali”.

25      Għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

26      Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, peress li, bħal fil-każ ineżami, it-trade mark ikkontestata kienet magħmula minn forma tridimensjonali tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni, kien possibbli li r-regola u l-użanzi rilevanti jkunu dawk li japplikaw fil-qasam tal-ippakkjar tal-prodotti li huma tal-istess tip u li huma intiżi għall-istess konsumaturi bħall-prodotti inkwistjoni.

27      Il-Bord tal-Appell sussegwentement wettaq eżami separat taż-żewġ elementi li jiffurmaw it-trade mark ikkontestata, jiġifieri r-reċipjenti tal-ħġieġ u l-kaxxa tal-kartun. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tar-reċipjenti tal-ħġieġ, huwa indika li dan it-tip ta’ reċipjent kien użat fis-suq sabiex ibiegħ deżerti, ġelati, sorbetti u jogurts u li kien użat sabiex jagħti l-messaġġ lill-konsumaturi li l-prodotti inkwistjoni kienu ta’ kwalità għolja u ta’ produzzjoni artiġjanali, fatt li r-rikorrent ma jikkontestax. Huwa qies li l-forma tar-reċipjenti tat-trade mark ikkontestata ma kinitx daqstant differenti minn dik tat-tazzi ppreżentati fis-suq għall-bejgħ tad-deżerti, tal-ġelati, tas-sorbetti u tal-jogurts, fatt li kien ikkorraborat permezz ta’ provi prodotti mill-intervenjenti, li juru reċipjenti li huma verament ftit differenti minn dawk tat-trade mark ikkontestata. Minn dan huwa kkonkluda li dan l-element tat-trade mark ikkontestata ma kienx distintiv għall-prodotti inkwistjoni.

28      Sussegwentement il-Bord tal-Appell injora l-eżempji pprovduti mir-rikorrent li kienu jagħmlu riferiment għal tipi oħra ta’ reċipjenti użati fis-suq fil-kuntest tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, billi rrileva li “l-forma tagħhom ma [kellhiex] l-istess għan li tagħti lill-konsumaturi immaġni ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ produzzjoni artiġjanali”.

29      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-użanzi fil-qasam tal-ippakkjar tal-prodotti simili għall-prodotti inkwistjoni u intiżi għall-istess konsumaturi bħal dawk tal-prodotti inkwistjoni u kkonstata li l-ippakkjar fil-forma ta’ reċipjenti tal-ħġieġ kien jagħmel parti minn dawn l-użanzi, b’mod partikolari meta kien jirrigwarda t-trażmissjoni ta’ immaġni ta’ kwalità. Il-fatt li l-Bord tal-Appell kien injora, bħala irrilevanti, il-provi prodotti mir-rikorrent li jirrigwardaw forom oħra ta’ reċipjenti użati għall-bejgħ tal-ġelati ma jmurx kontra l-konstatazzjoni tiegħu li reċipjenti tal-ħġieġ huma wkoll użati f’dan is-suq.

30      Għal kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell illimita r-regola u l-użanzi tal-qasam li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-qasam uniku tal-prodotti ta’ kwalità u ta’ produzzjoni artiġjanali.

31      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li jirriżulta mill-identifikazzjoni żbaljata tar-regola u tal-użanzi li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Huwa jsostni li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni bħala element ta’ tqabbil għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata l-kunċett ta’ “tazzi ppakkjati f’kaxxi tal-kartun b’aperturi maqtugħin”, minflok ma ħa inkunsiderazzjoni t-tipi kollha ta’ ppakkjar użati fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell ikkunsidra bi żball li l-forom tal-kaxxi tal-kartun b’aperturi maqtugħin kienu qegħdin jiġu użati regolarment fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni. Ir-rikorrent isostni li l-kaxxa tal-kartun tat-trade mark ikkontestata tirrappreżenta karatteristiċi u forom differenti minn dawk li jidhru fil-provi prodotti mill-intervenjent.

32      Fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-tieni element li jagħmel parti mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-kaxxa tal-kartun li għandha l-wiċċ u l-ġnub esposti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn il-karatteristiċi kienu preżenti fuq il-maġġoranza tal-kaxxi tal-kartun li jidhru fil-provi prodotti mill-intervenjenti. Huwa qies li l-forom tal-kaxxi tal-kartun li għandhom il-wiċċ u l-ġnub miftuħ kienu użati regolarment fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari sabiex juru l-prodott jew kull informazzjoni rilevanti dwar il-prodott. B’teħid inkunsiderazzjoni tar-regola u tal-użanzi tal-qasam tal-prodotti inkwistjoni (deżerti, ġelati, sorbetti u jogurts), huwa kkonkluda li l-forma tal-kaxxa tal-kartun tat-trade mark ikkontestata kienet biss dekorattiva, li ma kinitx daqstant differenti mill-użanzi tal-qasam u ma kellhiex karattru distintiv.

33      Għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq provi prodotti mill-intervenjenti li juru li, fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni, l-ippakkjar magħmul minn kaxxa tal-kartun b’aperturi kien regolarment użat u minn dan huwa seta’ jasal għall-konklużjoni li t-trade mark ikkontestata ma kinitx daqstant differenti mill-użanzi tal-qasam rilevanti.

34      Il-fatt li, kif isostni r-rikorrent, il-forma tal-kaxxa tal-kartun tat-trade mark ikkontestata hija differenti f’ċerti elementi minn dik ippreżentata fis-suq ma huwiex ta’ natura li jirribatti din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, id-diversi kaxxi tal-kartun użati fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni, li huma diverġenti fir-rigward ta’ fejn jinsabu l-aperturi jew tal-forom tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sempliċi varjanti ta’ forom ta’ ppakkjar użat f’dan il-qasam. Id-differenzi bejn il-kaxxi tal-kartun ippreżentati fis-suq jindirizzaw b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet prattiċi (bħal pereżempju sabiex jadattaw għad-daqs tar-reċipjenti) jew purament dekorattivi. Ġustament, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-karatteristiċi tal-forma tal-kaxxa tal-kartun tat-trade mark ikkontestata ma kinux jippermettulu li jitbiegħed kunsiderevolment mill-użanzi tal-qasam tal-prodotti inkwistjoni.

35      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-identifikazzjoni tat-trade mark ikkontestata, meta ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark kienet magħmula minn “żewġ tazzi ppakkjati f’kaxxa tal-kartun b’aperturi maqtugħin”, li ma jikkorrispondix għat-trade mark ikkontestata hekk kif ġiet irreġistrata. Huwa jsostni li t-trade mark ikkontestata messha ġiet ikkunsidrata fit-totalità tagħha, bil-karatteristiċi proprji tagħha. Il-Bord tal-Appell messu analizza l-karattru distintiv tat-taħlit ta’ forom partikolari li jikkostitwixxu t-trade mark ikkontestata u mhux biss dak tat-totalità tal-elementi tagħha.

36      Qabel kollox, hemm lok li l-argument tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell allegatament wettaq żball fl-identifikazzjoni tat-trade mark ikkontestata jiġi miċħud. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tat-trade mark ikkontestata li tissemma fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri “żewġ reċipjenti trasparenti magħmula mill-ħġieġ fil-forma ta’ tazza f’kaxxa esterjuri tal-kartun li għandha l-wiċċ u l-ġnub esposti” tikkorrispondi għall-immaġni ta’ din it-trade mark kif tissemma’ fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u kif inhi rrappreżentata fl-ewwel punt iktar ʼil fuq. Il-fatt li r-rikorrent kellu d-deskrizzjoni tiegħu stess tat-trade mark ikkontestata (jiġifieri “żewġ tazzi ħdejn xulxin f’kaxxa tal-kartun kompletament miftuħa fir-rigward tal-wiċċ tat-tazzi u parzjalment miftuħa fir-rigward tal-faċċata tat-tazzi, bil-ġnub b’forma partikolari li ssegwi u tfakkar il-forma tat-tazzi, u li tikkostitwixxi siluwett partikolari fil-forma ta’ flixkun bejniet dawn iż-żewġ tazzi”), li ma tissemmiex la fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u lanqas fiċ-ċertifikat għar-reġistrazzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball.

37      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell ma evalwax it-trade mark ikkontestata fit-totalità tagħha, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ġie kkonstatat li ż-żewġ elementi li jikkostitwixxi din it-trade mark ma kinux tant differenti minn dawk użati fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni u li kienu nieqsa mill-karattru distintiv, il-Bord tal-Appell għamel analiżi tal-impressjoni globali mogħtija mill-forma tal-ippakkjar irreġistrat taħt it-trade mark ikkontestata. Huwa qies li l-karatteristiċi stess tat-trade mark ikkontestata ma kinux biżżejjed sabiex permezz tagħhom jinħoloq mudell inużwali fis-suq tad-deżerti, tal-ġelati, tas-sorbetti u tal-jogurts, li jista’ jiġi pperċepit b’mod ċar bħala differenti mill-forom disponibbli. Huwa kkonstata li l-eżempji pprovduti mill-intervenjenti kienu juru ċertu forom ta’ ppakkjar li kienu jixbhu l-forma tat-trade mark ikkontestata. Il-Bord tal-Appell qies li l-użu taż-żewġ reċipjenti miżmuma flimkien permezz tal-ippakkjar fil-kartun kien wieħed mill-metodi l-iktar komuni li bih kienu jiġu ppreżentati l-prodotti lill-konsumaturi. Huwa qies li, fit-totalità tagħha, it-trade mark ikkontestata kienet tixbah ħafna l-forom l-iktar probabbli li kienu jutilizzaw il-prodotti inkwistjoni u li, konsegwentement, hija kellha titqies bħala nieqsa minn karattru distintiv.

38      Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jistax issostni li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq evalwazzjoni tat-totalità tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, lanqas li ma ħax inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tagħha, u li allegatament għalih kien biżżejjed li jikkonstata l-assenza ta’ karattru distintiv tat-totalità ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi.

39      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra bi żball fid-deċiżjoni kkontestata li t-trade mark ikkontestata kienet tikkorrispondi għal forma ta’ ppakkjar li hija użata ħafna fis-suq għall-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, filwaqt li mill-eżempji pprovduti minnu jirriżulta li l-ippakkjar l-iktar komuni użat f’dan il-qasam huwa kompletament differenti minn dak tat-trade mark ikkontestata.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-fatt li jeżistu, fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, tipi oħra ta’ ppakkjar ma jmurx kontra l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li jeżistu wkoll forom ta’ ppakkjar li jixbhu ħafna lil dik tat-trade mark ikkontestata li ma humiex inużwali. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ʼil fuq, sabiex tiġi kkonstatata l-assenza tal-karattru distintiv tat-trade mark, huwa biżżejjed li din ma tkunx tant differenti mir-regola jew mill-użanzi tal-qasam u ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat li din it-trade mark hija l-forma ta’ ppakkjar l-iktar użata fis-suq.

41      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod wisq restrittiv il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata.

42      Minn naħa, huwa jsostni li l-ġurisprudenza applikata mill-Bord tal-Appell, li tgħid li sabiex ikollha karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 trade mark tridimensjonali għandha tkun differenti b’mod sinjifikattiv mir-regola u mill-użanzi tal-qasam, ma tapplikax fil-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-konsumatur medju jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni għoli u fejn it-trade mark ikkontestata ma hijiex magħmula mill-forma tal-prodotti iżda mill-ippakkjar tagħhom.

43      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Bord tal-Appell, kif jirriżulta mill-punt 18 iktar ʼil fuq, ikkunsidra ġustament li l-pubbliku rilevanti ma kellux livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-punt 23 iktar ʼil fuq jirriżulta li, fil-każ ineżami, il-forma tal-ippakkjar għandha tadatta għall-forma tal-prodotti inkwistjoni.

44      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Appell talli applika kriterju iktar restrittiv minn dak mitlub mill-ġurisprudenza sabiex jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Huwa allegatament ħtieġ li t-trade mark ikkontesta tkun “differenti b’mod sostanzjali” mill-forom normalment użati fil-prodotti inkwistjoni filwaqt li l-ġurisprudenza teżiġi biss li huwa jevalwa jekk it-trade mark ikkontestata “hijiex differenti b’mod sinjifikattiv” mir-regola u mill-użanzi” tal-qasam.

45      Huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-kriterju ta’ “differenza sostanzjali”, għal kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, ma huwiex il-kriterju skont liema l-Bord tal-Appell evalwa l-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, kien biss wara li ġiet konkluża l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata li l-Bord tal-Appell, li kien qed jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2006, De Waele vs UASI (Forma ta’ zalzett) (T‑15/05, Ġabra p. II-1511), uża l-espressjoni “differenza sostanzjali” sabiex jirrispondi għal argument tar-rikorrent li jirrigwarda l-forma l-ġdida u l-oriġinalità tagħha tat-trade mark ikkontestata.

46      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta’ flixkun) (T‑305/02, Ġabra p. II‑5207), li trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ flixkun, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha kienet saret għal xorb mhux alkoħoliku li huwa kopert mill-klassi 32, kellha karattru distintiv minimu skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-istess soluzzjoni għandha tiġi applikata fil-każ ineżami, peress li jirrigwarda qasam simili ħafna, jiġifieri dak ta’ prodotti koperti mill-klassi 30. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat b’riferiment għall-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u b’riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti u l-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk din it-trade mark hijiex differenti b’mod sinjifikattiv mir-regola jew mill-użanzi tal-qasam tal-prodotti inkwistjoni. Għaldaqstant, is-soluzzjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali f’sentenza li tirrigwarda trade mark differenti mit-trade mark ikkontestata, li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal prodotti differenti minn dawk imsemmija fil-każ ineżami u li jaqgħu taħt qasam differenti, ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata fil-każ ineżami.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma pproduċiex provi li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet nieqsa minn karattru distintiv, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009

49      Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 meta qies li l-provi li huwa kien ipproduċa ma kinux biżżejjed sabiex juru li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv bl-użu tagħha.

50      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din, għal prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tkun kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li jkun sar minnha.

51      L-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, hija tista’ madankollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni tagħha kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata.

52      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005, BIC vs UASI (Forma ta’ lajter taż-żnied), T‑262/04, Ġabra p. II‑5959, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell innota li peress li t-trade mark ikkontestata kienet trade mark tridimensjonali, it-territorju rilevanti kien dak tal-Unjoni. Huwa qies li l-provi prodotti mir-rikorrent ma kinux biżżejjed sabiex juru li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv skont l-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, huwa qies, minn naħa, li dawn il-provi, meħuda fit-totalità tagħhom, kienu jagħmlu biss riferiment għal tmien Stati Membri tal-Unjoni u li b’dan il-mod ma kinux jipproduċu prova ta’ kisba ta’ karattru distintiv f’parti sostanzjali tal-Unjoni. Huwa qies, min-naħa l-oħra, li r-rikorrent ma kienx ipproduċa prova li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ipperċepita bħala li tirrappreżenta l-oriġini tal-prodotti, minħabba l-fatt li l-forma tal-ippakkjar kienet minn dejjem tagħmel parti mill-użanza flimkien mas-sinjal LA GELATERIA DI PIAZZA NAVONA stampat fuq din il-kaxxa.

54      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jillimita ruħu li jallega li l-użu tat-trade mark ikkontestata flimkien mas-sinjal LA GELATERIA DI PIAZZA NAVONA stampat fuq il-kaxxa juru li l-konsumatur rilevanti jipperċepixxi, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika, il-forma tridimensjonali bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti inkwistjoni. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din is-sempliċi allegazzjoni ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex jagħtu prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

55      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li, ċertament, skont il-ġurisprudenza, trade mark tridimensjonali tista’ tikseb karattru distintiv permezz tal-użu, anki jekk hija tiġi użata flimkien ma’ trade mark verbali jew trade mark figurattiva. Dan huwa il-każ meta t-trade mark tkun ikkostitwita mill-forma tal-prodott jew mill-ippakkjar u meta dawn ikollhom sistematikament stampata fuqhom trade mark verbali li hija użata għall-bejgħ tagħhom. Dan il-karattru distintiv jista’ jinkiseb, b’mod partikolari, wara proċess normali ta’ familjarizzazzjoni mill-pubbliku kkonċernat [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2013, Germans Boada vs UASI (Apparat għall-qtugħ manwali taċ-ċeramika), T‑25/11, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata].

56      Madankollu, l-identifikazzjoni mill-ambjenti kkonċernati tal-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari għandha ssir permezz tal-użu tat-trade mark bħala trade mark. L-espressjoni “l-użu tat-trade mark bħala trade mark” għaldaqstant għandha tiftiehem li qiegħda tirreferi għall-użu tat-trade mark għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-ambjenti kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari (sentenza Apparat għall-qtugħ manwali taċ-ċeramika, punt 55 iktar ʼil fuq, punt 85).

57      Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, li kieku r-rikorrent issostanzja konkretament l-argument li l-forma tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni kienet ġiet immemorizzata mill-konsumaturi rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, f’dan il-każ biss kien ikun eventwalment possibbli li tinstab fil-provi prodotti l-ewwel indikazzjoni f’dan is-sens, jiġifieri li l-aspett partikolari tal-forma tridimensjonali tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni li tagħmel parti mit-trade mark ikkontestata kienet tippermetti li ssir distinzjoni minn prodotti li joriġinaw minn produtturi oħra. Huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li r-rikorrent ma jagħmel l-ebda argument f’dan is-sens.

58      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Bord tal-Appell allegatament ma ħax inkunsiderazzjoni li l-provi prodotti minnu kienu jkopru parti sostanzjali mill-konsumaturi tal-Unjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn ir-rikorrent ma pprovax li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta kkunsidra li dawn il-provi ma kinux jippermettu li jiġi pprovat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata bħala trade mark.

59      Isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, anki r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      G. Giorgis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.