Language of document : ECLI:EU:T:2014:813

Kawża T‑474/12

Giorgio Giorgis

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ żewġ tazzi tax-xorb ippakkjati – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv miksub bl-użu – Artikolu 7(1)(b) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Settembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv – Kriterji – Perċezzjoni tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti – Livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma tal-ippakkjar tal-prodott – Forma ta’ żewġ tazzi tax-xorb ippakkjati

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u 52(1(a))

3.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-forma tal-ippakkjar tal-prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Trade mark komposta minn diversi elementi – Possibbiltà għall-awtorità kompetenti li twettaq eżami ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tat-trade mark – Neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni globali tal-kombinazzjoni mill-pubbliku rilevanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7 – Identifikazzjoni tat-trade mark ikkontestata – Immaġni tat-trade mark fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7 u 52(1)(a))

6.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark tridimensjonali – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(3))

1.      Il-karattru distintiv ta’ trade mark skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, ifisser li din it-trade mark tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li huma joriġinaw minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, għandu tagħhom.

F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel ta’ kuljum li huma intiżi għall-konsumaturi kollha, il-fatt li l-konsumatur medju jagħżel skont il-gosti u l-preferenzi tiegħu ma huwiex ta’ natura li jattribwilu livell għoli ta’ attenzjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel ta’ kuljum, ġeneralment mibjugħa fis-supermarkets, mhux għoljin u li x-xiri tagħhom ma jsirx wara perijodu twil ta’ riflessjoni, ma hemmx lok li jiġi konkluż li l-konsumatur juri livell għoli ta’ attenzjoni meta jkun qed jixtri.

(ara l-punti 12, 13, 16, 17)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 18, 23, 29, 30, 34, 38, 40, 47)

3.      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks. Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-użanza li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss dik it-trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed mir-regola jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-identifikazzjoni tal-oriġini tagħha, li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, trademarks tridimensjonali magħmula mill-ippakkjar ta’ prodotti li huma ppakkjati għall-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess tal-prodott, dawn għandhom jippermettu lill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun, u mingħajr ma jkollu attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk tal-impriżi l-oħra.

(ara l-punti 19-21)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 22)

5.      Ladarba d-deskrizzjoni tat-trade mark ikkontestata li tirriżulta fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tikkorrispondi għall-immaġni ta’ din it-trade mark kif tissemma’ fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-fatt li r-rikorrent kellu d-deskrizzjoni tiegħu stess tat-trade mark ikkontestata, li ma tissemmiex la fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u lanqas fiċ-ċertifikat għar-reġistrazzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball.

(ara l-punt 36)

6.      Ċertament, trade mark tridimensjonali tista’ tikseb karattru distintiv permezz tal-użu, anki jekk hija tiġi użata flimkien ma’ trade mark verbali jew trade mark figurattiva. Dan huwa il-każ meta t-trade mark tkun ikkostitwita mill-forma tal-prodott jew mill-ippakkjar u meta dawn ikollhom sistematikament stampata fuqhom trade mark verbali li hija użata għall-bejgħ tagħhom. Dan il-karattru distintiv jista’ jinkiseb, b’mod partikolari, wara proċess normali ta’ familjarizzazzjoni mill-pubbliku kkonċernat.

Madankollu, l-identifikazzjoni mill-ambjenti kkonċernati tal-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari għandha ssir permezz tal-użu tat-trade mark bħala trade mark. L-espressjoni “l-użu tat-trade mark bħala trade mark” għaldaqstant għandha tiftiehem li qiegħda tirreferi għall-użu tat-trade mark għal skopijiet ta’ identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-ambjenti kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari. Issa, li kieku r-rikorrent issostanzja konkretament l-argument li l-forma tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni kienet ġiet immemorizzata mill-konsumaturi rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, f’dan il-każ biss kien ikun eventwalment possibbli li tinstab fil-provi prodotti l-ewwel indikazzjoni f’dan is-sens, jiġifieri li l-aspett partikolari tal-forma tridimensjonali tal-ippakkjar tal-prodotti inkwistjoni li tagħmel parti mit-trade mark ikkontestata kienet tippermetti li ssir distinzjoni minn prodotti li joriġinaw minn produtturi oħra.

(ara l-punti 55-57)