Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2010 - Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-111/10)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: N. Mimoso Ruiz u P. Moura Pinheiro, avukati, L. Inez Fernandes, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Fit-3 ta' Marzu 2010, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat rikors kontra l-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 10624, tal-21 ta' Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-Programm Operattiv "Immodernizzar tal-Qafas Ekonomiku" CCI: 1994PT161PO004 (ex-FEDER ref. 94.12.09.004), fil-parti li tikkonċerna l-finanzjament tal-Fundo de Investimento Imobilário Fechado Turístico (FIIT).

Motivi u argumenti prinċipali

Fond ta' investiment fil-proprjetà - ikkostitwit mill-awtoritajiet fil-kuntest tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-qafas Komunitarju ta' sostenn (QKS II) għall-interventi tal-fondi strutturali fir-reġjunijiet li jaqgħu taħt l-istatus ta' Objettiv Nru 1, għall-perijodu inkluż bejn l-1 ta' Jannar 1994 u l-31 ta' Diċembru 1999 - huwa aġġustat għall-implementazzjoni tal-missjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

Ir-Regolament (KEE) Nru 4254/88, emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2083/93, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-intervent tal-FEŻR 1, jipprovdi li dan il-fond jipparteċipa fl-iżvilupp tal-potenzjal lokali tar-reġjunijiet permezz ta' miżuri li jtejbu l-aċċess tal-impriżi żgħar u medji fis-suq tal-kapital. Bħal fil-każ tal-għoti ta' garanziji u x-xiri ta' holdings, liema attivitajiet jissemmew sempliċement bħala eżempju fir-Regolament (KEE) Nru 2083/93, fond ta' investiment fil-proprjetà huwa miżura finanzjarja intiża sabiex tippromwovi u tiżviluppa n-negozju tal-impriżi żgħar u medji.

Il-FIIT tidher li hija partikolarment kompetenti għall-finanzjament ta' impriżi żgħar u medji attivi fis-settur tat-turiżmu fil-Portugall, li ġeneralment għandhom fil-pussess tagħhom assi ta' proprjetà ta' ċertu daqs u li jsibu diffikultà sabiex ikollhom aċċess għas-sorsi ta' finanzjament disponibbli fis-suq.

L-attività tal-FIIT matul il-perijodu inkwistjoni kkontribwixxiet sabiex tagħti sostenn lill-iżvilupp u l-immodernizzar tal-offerta turistika fil-Portugall, permezz ta' operazzjonijiet ta' xiri u l-kiri sussegwenti ta' stabbilimenti turistiċi lil impriżi żgħar u medji.

L-attività tal-FIIT tirriżulta li hija strettament konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(94) 464, li approvat, fil-kuntest tal-QKS II, il-Programm Operattiv "Immodernizzar tal-Qafas Ekonomiku" u s-Subprogramm 4 "Turiżmu u Patrimonju Kulturali". Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi għall-ħolqien ta' fond ta' investiment turistiku, li l-prijoritajiet tiegħu jinkludu, b'mod partikolari, it-titjib fil-qagħda finanzjarja, l-immodernizzar, u r-ristrutturazzjoni tal-lukandi.

Il-Kummissjoni Ewropea baqgħet lura milli tħares id-drittijiet tad-difiża sa fejn kien biss fid-deċiżjoni kkontestata li qajmet il-kwistjoni dwar l-allegat nuqqas ta' prova ta' falliment tas-suq fil-finanzjament tal-impriżi żgħar u medji sostnuti mill-FIIT, u akkużat lill-awtoritajiet nazzjonali talli allegatament ma analizzawx b'mod adegwat il-vijabbiltà ekonomika ta' dawn l-impriżi, u sempliċement iffinanzjat mill-ġdid il-passiv tagħhom.

Id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi kkonkludiet li l-proġett tal-FIIT ma kienx eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEŻR peress li, matul il-perijodu tal-programm, l-aġir tal-Kummissjoni Ewropea kien tali li ħoloq il-konvinzjoni soda u leġittima fil-ħsieb tal-awtoritajiet Portugiżi li ma kinux se jitqajmu dubji dwar il-finanzjament tal-FIIT, tant li l-qafas legali Komunitarju, li fiż-żmien ikkonċernat ma kien bl-ebda mod inekwivoku fir-rigward tal-inammissibbiltà tiegħu, ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-legalità ta' dan l-istrument finanzjarju.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93, tal-20 ta' Lulju 1993, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4254/88, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 193, 31.07.1993, p. 34)