Language of document : ECLI:EU:T:2012:501

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Ħames Programm Qafas għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni – Kuntratti għal proġetti ‘Formation of a New Design House for MST’ u ‘Assessment of a New Anodic Bonder’ – Irkupru ta’ parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa – Deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv – Deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża – Bażi legali tar-rikors – Natura tar-raġunijiet invokati – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża T‑387/09,

Applied Microengineering Ltd, stabbilita f’Didcot (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn P. Walravens u J. De Wachter, sussegwentement minn Walravens u J. Blockx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Petrova, bħala aġent, assistita minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5797, tas-16 ta’ Lulju 2009, dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 258 560.61, flimkien mal-interessi, dovuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġetti IST‑1999‑11823 FOND MST (Formation of a New Design House for MST) u IST-2000-28229 ANAB (Assessment of a New Anodic Bonder),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weichert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 256 KE, “[i]d-deċiżjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva”.

2        L-Artikolu 72(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) jipprovdi li “[l]-istituzzjoni tista’ formalment tistabbilixxi ammont bħala riċevibbli minn persuni apparti milli minn Stati permezz ta’ deċiżjoni li għandha tkun enforzabbli fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 256 [KE]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ikkonkludiet żewġ ftehim ta’ sussidju mar-rikorrenti, Applied Microengineering Ltd, fil-kuntest tal-Ħames Programm Qafas tal-Komunità għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni (1998-2002).

4        L-ewwel kuntratt, bir-referenza IST‑1999‑11823 u intitolat “Formation of a New Design House for MST” (iktar ’il quddiem “kuntratt FOND MST”), ġie konkluż bejn il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u r-rikorrenti, bħala kontraenti ewlenija waħdanija, fil-21 ta’ Diċembru 1999 għal perijodu ta’ 24 xahar li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt kienu dawk li japplikaw għall-verżjoni “kontraenti waħdanija” tal-kuntratt standard użat għal miżuri ta’ akkumpanjament speċifiċi għall-miżuri ta’ adozzjoni ta’ teknoloġiji.

5        It-tieni kuntratt, bir-referenza IST‑2000‑28229 u intitolat “Assessment of a New Anodic Bonder” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ANAB”), ġie konkluż bejn il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u erba’ kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti, u ġie ffirmat fl-14 ta’ Novembru 2001 għall-perijodu inizjali ta’ ħmistax-il xahar li jibda fl-1 ta’ Diċembru 2001. Dan il-kuntratt ġie emendat ħames darbiet sabiex jittieħed kont tal-bidliet ta’ dettalji ta’ ċerti partijiet għall-kuntratt, sabiex il-perijodu tiegħu jiġi estiż għal perijodu totali ta’ 25 xahar u sabiex jinbidel, fl-1 ta’ Awwissu 2003, il-koordinatur tal-proġett, peress li r-rikorrenti ssuċċediet għalhekk għall-kumpannija oħra. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt kienu dawk li japplikaw għall-verżjoni “diversi kontraenti” tal-kuntratt standard użat għal miżuri ta’ akkumpanjament speċifiċi għall-miżuri ta’ adozzjoni ta’ teknoloġiji.

6        Matul il-proċess ta’ negozjati għal kull kuntratt, ir-rikorrenti mliet formula ta’ preparazzjoni tal-kuntratt (iktar ’il quddiem l-“FPC”), maħsuba sabiex tipprovdi informazzjoni dwar il-kontenut tal-proġett kif ukoll sommarju amministrattiv dwar l-ispejjeż u kif ser jitqassmu matul is-sena. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti semmiet ir-regoli finanzjarji u ta’ kontabbiltà li kienet diġà bagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratt preċedenti, iffinanzjat taħt ir-Raba’ Programm Qafas għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni (1994‑1998), li għalih hija kienet ibbażat ir-rati fis-siegħa tagħha fuq il-“pagi medji” u mhux fuq il-pagi reali. L-FPC dwar il-kuntratt FOND MST kienet intbagħtet mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 1999, u dik dwar il-kuntratt ANAB intbagħtet lilha f’Marzu 2001.

7        L-Artikolu 3(1) tal-kuntratt FOND MST u tal-kuntratt ANAB jipprovdi li l-ammonti totali tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġetti huma stmati rispettivament bħala EUR 450 000 u 918 808. Fl-Artikolu 3(2) ta’ dawn il-kuntratti hemm indikat li l-Komunità tiffinanzja dawn l-ispejjeż sa ammont massimu rispettivament ta’ EUR 450 000 u 560 000. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dawn il-kuntratti, dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji huma mħallsa, skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Anness II ta’ dawn il-kuntratti, għall-kuntratt FOND MST, fuq il-kont bankarju tar-rikorrenti, u, għall-kuntratt ANAB, fuq dak tal-koordinatur, li huwa inkarigat li jħallashom lill-kontraenti prinċipali.

8        Skont l-Artikolu 3(3) tal-Anness II ta’ dawn il-kuntratti, id-diversi ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni għandhom jitqiesu bħala sempliċi ħlasijiet bil-quddiem sal-approvazzjoni tal-aħħar element li għandu jingħata.

9        L-Artikolu 3(4) tal-Anness II jistipula li jekk l-imsemmija ħlasijiet jirriżultaw superjuri għas-somma li effettivament għandha titħallas mill-Kummissjoni, il-kontraenti tagħha huma meħtieġa li jħallsuha lura d-differenza f’terminu stabbilit minnha permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta. Fil-każ fejn ir-rimbors ma jsirx f’dan it-terminu, is-somma dovuta għandha tinkludi l-interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tagħha ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu ż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni jkun skada, li miegħu tiżdied perċentwali ta’ 1.5 fil-mija, sakemm l-interessi ma jkunux applikati skont klawżola oħra tal-kuntratt. L-interessi jibdew jgħoddu mill-jum wara li jiskadi t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni sal-jum tal-wasla tal-fondi.

10      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(4) tal-Anness II jistipula wkoll li, meta l-Kummissjoni jkollha krediti kontra wieħed mill-kontraenti tagħha u tiddeċiedi li toħroġ ordni ta’ rkupru fir-rigward tiegħu, din l-ordni ta’ rkupru tagħti titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 256 KE.

11      Skont l-Artikolu 5(1) tagħhom, il-kuntratti FOND MST u ANAB huma rregolati mid-dritt Belġjan. L-Artikolu 5(2) ta’ dawn il-kuntratti jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE, li tattribwixxi lill-Qorti Ġenerali u, fuq appell, lill-Qorti tal-Ġustizzja, ġurisdizzjoni esklużiva fuq kwalunkwe tilwima li tqum bejn il-Komunità, minn naħa, u l-kontraenti l-oħra, min-naħa l-oħra, dwar il-validità, l-applikazzjoni u kull interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti.

12      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tal-Anness II ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, “il-Kummissjoni, jew ir-rappreżentanti kollha awtorizzati minnha, tista’ tibda verifika fi kwalunkwe ħin matul il-kuntratt u sa ħames snin minn kull ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja, hekk kif iddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-Anness”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni talbet lil kumpannija ta’ verifika biex tagħmel verifika finanzjarja ta’ rendikonti tal-ispejjeż tar-rikorrenti, li ġiet infurmata b’dan fis-16 ta’ Awwissu 2005. Din il-verifika twettqet mit-13 sas-17 ta’ Frar 2006 u l-kumpannija ta’ verifika bagħtet ir-rapport preliminari tagħha lir-rikorrenti fit-22 ta’ Settembru 2006 bil-posta u b’mod elettroniku. Peress li r-rikorrenti ma rċevietx il-verżjoni stampata ta’ dan id-dokument, il-kumpannija ta’ verifika pproċediet reġgħet bagħtitu permezz tal-posta elettronika fis-6 ta’ Novembru 2006 u tat żmien ta’ xahar lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) tal-Anness II ta’ dawn iż-żewġ kuntratti. Dan ir-rapport kien jidentifika ċertu numru ta’ aġġustamenti neċessarji fil-qasam tal-ispejjeż tal-persunal, fl-użu ta’ subappaltatur, fl-ispejjeż tal-ivvjaġġar, u fi spejjeż oħra speċifiċi.

14      Id-direttur finanzjarju tar-rikorrenti, responsabbli għall-kollaborazzjoni mal-kumpannija ta’ verifika, talab terminu ta’ ġimgħa supplimentari sabiex jirrispondi għar-rapport, li ngħatalu fit-13 ta’ Diċembru 2006, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma ppreżenta ebda osservazzjoni, minkejja żewġ tfakkiriet li saru fl-10 u fis-17 ta’ Jannar 2007, u t-tieni talba għal estensjoni tat-terminu fis-17 ta’ Jannar 2007, li ngħatatlu. Il-kumpannija ta’ verifika għalhekk iffirmat ir-rapport tagħha fl-20 ta’ April 2007. Permezz ta’ ittra rreġistrata tal-21 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-għeluq tal-verifika fid-dawl tan-nuqqas ta’ risposta min-naħa tagħha u indikatilha li kienet qed tikkonferma l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Ir-rapport ta’ verifika finali approvat mill-Kummissjoni b’hekk ikkonkluda li aġġustamenti għandhom isiru għall-ispejjeż li hija kienet inizjalment aċċettat, għal ammont ta’ EUR 135 262.94 għall-kuntratt FOND MST u ta’ EUR 123 297.67 għall-kuntratt ANAB.

15      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Anness II ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, il-Kummissjoni tista’, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-verifika, tadotta l-miżuri kollha xierqa li hija tikkunsidra neċessarji, li jinkludu l-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru tal-ħlasijiet kollha jew parti minnhom imwettqa minnha.

16      Fis-6 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni b’hekk bagħtet żewġ ittri ta’ informazzjoni minn qabel lir-rikorrenti, fejn indikatilha li, wara l-konklużjonijiet tal-verifika, il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ineliġibbli mħallsa mir-rikorrenti u mħallsa bil-quddiem minnha stess ser ikunu s-suġġett ta’ rkupru. Hija informat ukoll lir-rikorrenti li d-dipartimenti tagħha kienu obbligati li jirkupraw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-ammont ta’ EUR 135 262.94 għall-kuntratt FOND MST u ta’ EUR 123 297.67 għall-kuntratt ANAB. Hija stipulat li noti ta’ debitu kellhom jiġu adottati dalwaqt.

17      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni għalhekk stabbiliet żewġ noti ta’ debitu indirizzati lir-rikorrenti, għall-ħlas ta’ ammonti ta’ EUR 135 262.94 u ta’ EUR 123 297.67 qabel is-26 ta’ Novembru 2007.

18      Permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ Ottubru 2007, id-direttur finanzjarju tar-rikorrenti indika lill-Kummissjoni li huwa ma kienx bagħat ir-rapport ta’ verifika lis-superjuri tiegħu, li ma kienx ġie infurmat bl-iżvilupp tal-proċess, u li huwa kien irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu.

19      Fid-9 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni risposta għall-punti eżaminati mir-rapport ta’ verifika, fejn semmiet b’mod partikolari l-problemi li ltaqgħet magħhom fil-kuntest tal-kuntratt ANAB wara s-sostituzzjoni tal-koordinatur tiegħu, l-evalwazzjoni pożittiva tar-rapporti tekniċi finali, u l-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż fid-dawl tar-rati fis-siegħa reali u tad-differenzi bejn l-iskedi tas-sigħat ta’ servizz. Il-Kummissjoni bagħtet din il-posta elettronika lill-kumpannija ta’ verifika, li rrispondiet lir-rikorrenti fit-28 ta’ Jannar 2008. Fit-3 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti wieġbet din l-ittra billi ppreżentat osservazzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni u billi staqsietha x’kienet il-proċedura li kellha ssegwi sabiex tikkuntesta ż-żewġ noti ta’ debitu.

20      Fit-22 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li l-osservazzjonijiet li hija kienet għamlet fir-rigward tar-rapport ta’ verifika ma kienu jinvolvu ebda element ġdid li kien jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ta’ verifika.

21      Fit-8 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti kkuntestat mill-ġdid il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li, fl-24 ta’ Ottubru 2010, bagħtitilha żewġ ittri ta’ notifika dwar il-kalkulu tal-interessi moratorji.

22      Fil-11 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti kkuntestat iż-żewġ noti ta’ debitu u, fis-16 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5797, dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 258 560.61, flimkien mal-interessi, dovuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġetti IST‑1999‑11823 FOND MST (Formation of a New Design House for MST) u IST‑2000‑28229 ANAB (Assessment of a New Anodic Bonder), li permezz tagħha titlob il-ħlas lura ta’ ammonti ta’ EUR 135 262.94 u ta’ EUR 123 297.67, flimkien mal-interessi moratorji, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 256 KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      Minħabba żball materjali fin-nota ta’ debitu dwar il-kuntratt ANAB, il-Kummissjoni ħarġet nota ta’ kreditu ta’ ammont ta’ EUR 57 227.32 għall-benefiċċju tar-rikorrenti.

24      Fil-25 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2010) 2125 li tikkoreġi d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ġie ssostitwit b’artikolu ġdid, li emenda l-ammont tas-somma li kellha titħallas lura lilha mir-rikorrenti għall-kuntratt ANAB, fejn iffissatu għal EUR 66 070.35 minflok EUR 123 297.67.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża, ibbażata fuq l-Artikolu 230 KE.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet preskritta. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-ispejjeż eliġibbli. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet soċjali fundamentali. Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti. Fl-aħħar, permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni

31      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni qajjmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-telf ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti minħabba l-adozzjoni, fil-25 ta’ Marzu 2010, ta’ deċiżjoni li temenda l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nuqqas ta’ talba min-naħa tar-rikorrenti intiża sabiex tadatta t-talbiet u l-motivi tagħha.

32      Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rikors tagħha għadu ammissibbli, peress li l-iskop uniku tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2010 kien li jiġi emendat żball materjali mwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tas-somma mitluba, u mhux l-aspetti l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom il-fondatezza tal-kreditu invokat kontrieha, li hija tkompli tikkontesta.

33      Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi kkoreġut żball ta’ kalkolu indikat mir-rikorrenti fir-rikors, il-Kummissjoni adottat fil-mori tal-kawża deċiżjoni intiża li tissostitwixxi l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b’artikolu ġdid, li emenda l-ammont tas-somma li għandha titħallas lura lilha mir-rikorrenti għall-kuntratt ANAB, fejn stabbilitha għal EUR 66 070.35 minflok EUR 123 297.67. Min-naħa l-oħra, hija ma emendatx l-elementi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa biss l-argument ibbażat fuq l-iżball tal-kalkolu ta’ ammonti li għandhom ikunu rkuprati fir-rigward tal-kuntratt ANAB, imqajma mir-rikorrenti fir-rikors, tilef l-iskop tiegħu minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda u li r-rikorrenti żżomm interess ġuridiku f’dak li jikkonċerna l-motivi u l-argumenti l-oħra kollha mqajma fir-rikors.

 Fuq il-bażi legali tar-rikors

35      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikors tagħha kien ġie ippreżentat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li t-tieni u r-raba’ motivi tar-rikors kienu inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament.

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jiffurmaw parti minn kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu sseparati minnu ma humiex fost, minħabba n-natura nnifisha tagħhom, l-atti msemmija fl-Artikolu 249 KE, (digrieti tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Jannar 2001, Innova vs Il‑Kummissjoni, T‑149/00, Ġabra p. II‑1, punt 28 ; tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, T‑314/03, Ġabra p. II‑1421, punt 64, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ġunju 2009, ArchiMEDES vs Il‑Kummissjoni, T‑396/05 u T‑397/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

37      Fil-fatt, li kieku l-qorti tal-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar tali atti, ikun hemm ir-riskju, fil-każ fejn il-kuntratt ma fihx klawżola ta’ arbitraġġ, li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mill-kawżi li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 240 KE jirriżervalha ġurisdizzjoni limitata, sa fejn dan l-artikolu jagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ta’ dritt ġenerali sabiex jisimgħu l-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il-Kummissjoni, 43/84, Ġabra p. 2581, punt 26 ; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑186/96, Ġabra p. II‑1633, punti 45 sa 52).

38      B’differenza mill-atti msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv, ikkontemplati fl-Artikolu 256 KE, huma, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tgħid mod ieħor fit-Trattat KE, fost dawk imsemmija fl-Artikolu 249 KE, li l-fondatezza tagħhom tista’ tkun ikkontestata biss quddiem il-qorti tal-annullament, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE (digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2011, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑224/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

39      Dan huwa, b’mod partikolari, hekk meta deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv tkun adottata sabiex jiġi rkuprat kreditu li jirriżulta minn kuntratt konkluż minn istituzzjoni. Fil-fatt, għalkemm kuntratt ta’ dan it-tip jippermetti espliċitament, bħal f’dan il-każ, il-promulgazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, in-natura ġuridika ta’ dawn tibqa’ ddefinita, mhux mill-kuntratt jew mid-dritt nazzjonali li jkun applikabbli għalih, iżda mit-Trattat KE, u b’mod speċjali mill-Artikolu 256 tiegħu. Issa, dan tal-aħħar ma jipprovdix sistema ġuridika derogatorja għad-deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv adottati bil-għan li jiġi rkuprat kreditu kuntrattwali.

40      Meta ppreżentata b’rikors għal annullament fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tat-Trattat KE jew ta’ kull regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 238 KE, rikorrent jista’ jinvoka kontra l-istituzzjoni kontraenti biss ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 4, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Frar 2010, Alisei vs Il‑Kummissjoni, T‑481/08, Ġabra p. II‑117, punti 94 sa 96).

41      Għalhekk, f’dan il-każ, il-motivi invokati fir-rikors li jitolbu lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 256 KE, fid-dawl tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali u tad-dritt nazzjonali applikabbli għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

42      Hemm lok li wieħed jipproċedi suċċessivament għall-eżami ta’ kull wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

43      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ċerti forom proċedurali sostanzjali, minn naħa, meta bagħtitilha ċerti ittri fuq indirizz żbaljat u, min-naħa l-oħra, meta rrifjutat li terġa’ tiftaħ il-proċess ta’ verifika insegwitu tal-osservazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni tqis li ma kisret ebda forma proċedurali sostanzjali u tenfasizza n-negliġenza tar-rikorrenti li għarfitha biss b’tibdil wieħed ta’ indirizz.

44      Hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors introdott fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, sa fejn dan huwa bbażat biss fuq forom proċedurali sostanzjali previsti fl-istipulazzjonijiet kuntrattwali u mhux fuq regola ta’ dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni

45      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tal-Anness II tal-kuntratt FOND MST u tal-kuntratt ANAB, “il-Kummissjoni, jew ir-rappreżentanti kollha awtorizzati minnha, tista’ tibda verifika fi kwalunkwe ħin matul il-kuntratt u sa ħames snin minn kull ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja, hekk kif iddefinit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-Anness”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dawn it-testi jiddeskrivi l-modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja billi jagħmel distinzjoni bejn, l-ewwel nett, l-“avvanz tal-bidu”, li għandu jintervjeni f’terminu massimu ta’ 60 jum wara l-firma tal-kuntratt, it-tieni nett, il-“ħlasijiet perijodiċi”, li għandhom lok f’terminu massimu ta’ 60 jum li jibdew mid-data tal- approvazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti perijodiċi, tad-dikjarazzjonijiet ta’ spiża korrispondenti u tal-elementi l-oħra li għandhom jingħataw tal-proġett u, it-tielet nett, il-“ħlas finali”, li għandu jitħallas fi żmien 60 jum li jibdew mid-data li fiha l-Kummissjoni approvat l-aħħar element li għandu jingħata tal-proġett.

46      Il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 17(1) tal-Anness II ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, fejn ir-rikorrenti tqis li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet preskritta f’dak li jikkonċerna l-ħlasijiet magħmula iktar minn ħames snin qabel is-27 ta’ Settembru 2005, id-data tal-bidu tal-proċess ta’ verifika, li kienu jikkonċernaw ħlasijiet bil-quddiem, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li t-terminu ta’ preskrizzjoni seta’ jibda jiddekorri biss mill-ewwel ħlas li jirrimborsa l-ispejjeż magħmula effettivament.

47      Fir-rigward ta’ motiv dwar l-interpretazzjoni ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-ispejjeż eliġibbli

 Fuq ir-riferiment għal stipulazzjonijiet żbaljati fir-rapport ta’ verifika

48      Ir-rikorrenti indikat fir-replika li r-risposta tal-Kummissjoni kienet ippermettitilha li ssir taf li l-awditur kien uża numerazzjoni żbaljata ta’ artikoli għall-kuntratt ANAB, fatt li għandu bħala effett in-nullità tal-proċess ta’ verifika kollu.

49      Għalkemm motiv ibbażat fuq għażla żbaljata tal-bażi legali huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni, f’dan il-każ, li fir-rapport tiegħu l-awditur ibbaża ruħu fuq stipulazzjonijiet żbaljati tal-kuntratt, madankollu hija ma tikkontestax il-bażi legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 256 KE kif ukoll ir-Regolament Nru 1605/2002. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-ispejjeż eliġibbli

50      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar ir-regoli applikabbli għall-ispejjeż eliġibbli billi segwiet l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali magħmula mill-awditur.

51      Fir-rigward ta’ argumenti dwar l-interpretazzjoni ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet soċjali fundamentali

52      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala effett li tħallas lill-ħaddiema tagħha fuq livell inferjuri ħafna mis-salarju minimu, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal remunerazzjoni ekwa u, għaldaqstant, ksur tad-drittijiet soċjali fundamentali.

53      Madankollu hemm lok li jitfakkar li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermetti li jitqies li l-Kummissjoni hija responsabbli tal-użu, mill-benefiċjarji tagħhom, tal-fondi mogħtija fil-kuntest tal-Ħames Programm Qafas għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni. Barra minn hekk, l-uniku effett tad-deċiżjoni kkontestata huwa li jintalab ir-rimbors ta’ spejjeż tal-persunal li l-Kummissjoni tqis bħala mhux eliġibbli taħt l-istipulazzjonijiet kuntrattwali u mhux dak li jiġi stabbilit b’mod retroattiv is-salarju fis-siegħa tal-impjegati tar-rikorrenti.

54      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, skont id-dritt Belġjan, il-kuntratti għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-intenzjoni komuni tal-partijiet u s-sens tagħhom jista’ b’mod partikolari jiġi interpretat skont l-elementi prekuntrattwali, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE.

55      Għalhekk hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi

56      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ma għamlet, matul ħames snin, ebda osservazzjoni dwar in-natura inaċċettabbli tal-metodu tagħha tal-kalkulu tal-ispejjeż tas-salarji, minkejja li hija kienet taf dwaru sa mill-istadju prekuntrattwali.

57      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li fi ħdana istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot tamiet fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs Il‑Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. I‑1155, punt 44).

58      Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77, u tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑444/07, Ġabra p. II‑2121, punt 126).

59      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet, konsistenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi tali garanzija, irrispettivament mill‑forma li fiha tiġi kkomunikata (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat‑Akademie vs Il‑Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26). Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilu mill‑amministrazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il‑Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59).

60      F’dan il-każ, mil-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti garanziji preċiża li hija kienet ser taċċetta l-metodu tagħha ta’ kalkulu tal-ispejjeż ta’ persunal.

61      Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kienet infurmat lill-Kummissjoni, fil-FPC indirizzati qabel l-iffirmar tal-kuntratti, dwar ir-regoli finanzjarji u ta’ kontabbiltà li hija kienet applikat matul il-kuntratti preċedenti, u li, matul diskussjonijiet fi Frar u f’Marzu 2001, hija kienet ittrasmettitilha informazzjoni li tindika li l-użu tas-salarji mixtieqa ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu, ikun assimilat għall-komunikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti fir-rigward l-aċċettazzjoni tagħha ta’ dan il-metodu.

62      Peress li r-rikorrenti ma identifikat ebda garanzija jew wegħda preċiża li setgħet twelled fiha aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni kienet taċċetta l-metodu tagħha ta’ kalkulu tal-ispejjeż tal-persunal, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra indikati f’punt 58 iktar ’il fuq.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

63      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura implementata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata.

65      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl kemm tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

66      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost et La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 96, u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra p. II‑585, punt 180).

67      Fl-aħħar, ladarba l-persuna kkonċernata kienet strettament assoċjata mal-proċess ta’ elaborazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kienet taf għaldaqstant ir-raġunijiet li għalihom l-amministrazzjoni adottat din tal-aħħar, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq il-kuntest maħluq minn din il-parteċipazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Jannar 1981, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 819/79, Ġabra p. 21, punti 19 sa 21, u tal-14 ta’ Novembru 1989, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 14/88, Ġabra p. 3677, punt 11). F’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam jonqsu kunsiderevolment (ara, f’dan is-sens, s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Diċembru  1980, Acciaierie e Ferriere Lucchini vs Il‑Kummissjoni, 1252/79, Ġabra p. 3753, punt 14, u tat-28 ta’ Ottubru 1981, Krupp Stahl vs Il‑Kummissjoni, 275/80 u 24/81, Ġabra p. 2489, punti 10 sa 13).

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv dwar motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kienet sempliċement irreferiet għar-rapport ta’ verifika, mingħajr ma hemżitu u mingħajr ma pproċediet hija stess għal analiżi tal-fatti.

70      L-ewwel nett hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rapport ta’ verifika kien indirizzat lir-rikorrenti li kellha l-okkażjoni li tirrispondi għaliha billi tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

71      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni indikat li, skont ir-rapport ta’ verifika, ċerti rendikonti tal-ispejjeż ippreżentati mir-rikorrenti kienu ġew issopravvalutati, billi kien ġie indikat li kienu jirrigwardjaw spejjeż tal-persunal, spejjeż dwar l-assistenza ta’ terzi, kif ukoll spejjeż tal-ivvjaġġar, u billi ġew indikati l-ammonti kkonċernati għal kull wieħed mill-kuntratti. Wara, il-Kummissjoni indikat l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti barra mit-termini kuntrattwali previsti u indikat li, dawn ma jipprovdu l-ebda informazzjoni addizzjonali li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċess ta’ verifika, hija kienet iddeċidiet li timplementa l-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti inkwistjoni.

72      Billi rreferiet għar-rapport ta’ verifika, il-Kummissjoni għalhekk uriet, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet l-irkupru tal-ammonti inkwistjoni, u b’hekk ippermettiet li r-rikorrenti tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma kien neċessarju li dan ir-rapport ta’ verifika jkun mehmuż magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1995, Publishers Association vs Il-Kummissjoni, C‑360/92 P, Ġabra p. I‑23, punt 39; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Jannar 1995, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑85/94, Ġabra p. II‑45, punt 32, u tal-24 ta’ Jannar 1995, BEMIM vs Il‑Kummissjoni, T‑114/92, Ġabra p. II‑147, punt 41).

73      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħadietx inkunsiderazzjoni l-argumenti li hija kienet qajjmet b’risposta għar-rapport ta’ verifika. Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata fuq dan il-punt, peress li l-Kummissjoni kienet indikat l-ittri tar-rikorrenti tad-9 ta’ Novembru 2007 u tat-3 ta’ Ġunju 2008 u indikat li hija kienet ikkunsidrat, wara li eżaminathom, li dawn ma jipprovdux elementi li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess ta’ verifika, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż tal-persunal (sagrifiċċji fis-salarji, kalkolu tar-rati fis-siegħa u komunikazzjoni tar-rati qabel il-bidu tal-proġetti).

74      Is-sitt motiv għandu għalhekk jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

75      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir tagħha ta’ diliġenza billi rrifjutat li tinvestiga l-provi li kienu ġew prodotti lilha wara l-għeluq tal-proċess ta’ verifika u talli bagħtet il-posta tagħha fuq indirizz żbaljat.

76      Għandu jiġi osservat li fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punt 404).

77      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti huma tali li juru li l-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju.

 Fuq l-iżbalji dwar l-indirizz biex tintbagħat il-posta

78      F’dak li jikkonċerna l-indirizz li fuqu ntbagħtu diversi ittri mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, għandu jiġi osservat, b’mod preliminarju, li din tal-aħħar infurmat lill-Kummissjoni b’bidla waħda biss tal-indirizz fis-7 ta’ Jannar 2002, permezz ta’ ittra ta’ negozju kollettiva tal-25 ta’ Frar 2002. Ir-rikorrenti tammetti, madankollu, li biddlet l-indirizz f’żewġ okkażjonijiet oħra, fis-17 ta’ Mejju 2006 u fis-27 ta’ Novembru 2007.

79      Fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra li tinforma lir-rikorrenti bil-ftuħ tal-proċess ta’ verifika fis-16 ta’ Awwissu 2005 permezz ta’ posta rreġistrata, fuq l-indirizz l-antik tagħha, li kien validu sas-7 ta’ Jannar 2002, iżda hija madankollu rċiviet l-irċevuta ta’ din l-ittra fis-27 ta’ Settembru 2005. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ammettiet li kienet irċiviet dan id-dokument bil-posta rreġistrata u li hija pproduċietu wkoll f’anness mar-rikors.

80      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2007 li tinforma lir-rikorrenti bl-għeluq tal-proċess ta’ verifika, mill-proċess jirriżulta li din kienet intbagħtet bil-posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta fuq l-indirizz indikat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2002. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli pproċediet b’dan il-mod fin-nuqqas ta’ notifika mir-rikorrenti lill-Kummissjoni tal-bdil tal-indirizz tagħha li sar fis-17 ta’ Mejju 2006. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi ċirkustanza li l-perijodu kuntrattwali kien intemm ma jeżonerax lir-rikorrenti milli tinforma lill-Kummissjoni bil-bdil tal-indirizz tagħha, meta proċess ta’ verifika kien għadu għaddej. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi indikazzjoni tal-indirizz tagħha fil-firma tal-posta elettronika tar-rikorrenti lill-awditur fl-2006 ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ġiet informata b’mod korrett bil-bdil ta’ indirizz, anki jekk dawn l-iskambji ta’ posta elettronika kienu ġew ittrasferiti mill-awditur lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il‑Kummissjoni, 108/79, Ġabra p. 1769, punt 6).

81      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli bagħtitilha diversi dokumenti oħra fuq indirizz żbaljat, jiġifieri l-ittri ta’ informazzjoni minn qabel tas-6 ta’ Settembru 2007, in-noti ta’ debitu tat-22 ta’ Ottubru 2007, u ittra tad-9 ta’ Jannar 2008. Bl-istess mod, l-awditur kien bagħat l-abbozz tar-rapport tiegħu ta’ verifika, f’isem il-Kummissjoni fit-22 ta’ Settembru 2006, fuq indirizz żbaljat.

82      Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-awditur bagħat ir-rapport preliminari tiegħu fit-22 ta’ Settembru 2006 fuq l-indirizz indikat mir-rikorrenti fil-25 ta’ Frar 2002, iżda li, din id-darba, il-posta ġietu lura. Dan ir-rapport kien ġie indirizzat ukoll mill-awditur lir-rikorrenti permezz tal-posta elettronika f’żewġ okkażjonijiet, fit-22 ta’ Settembru u s-6 ta’ Novembru 2006, id-data ta’ meta r-rikorrenti tammetti li rċevietu. Bl-istess mod, l-ittri tas-6 ta’ Settembru 2007 u n-noti ta’ debitu tat-22 ta’ Ottubru 2007 kienu ntbagħtu mill-Kummissjoni permezz ta’ posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta lir-rikorrenti fuq l-indirizz provdut minn din tal-aħħar fl-2002. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda preċiżjoni dwar ittra tad-9 ta’ Jannar 2008 li kienet intbagħtet fuq l-indirizz ħażin u li ma tidhirx fil-proċess.

83      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda negliġenza fl-impustar tal-ittri tagħha lir-rikorrenti.

 Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tinvestiga l-provi prodotti wara l-għeluq tal-proċess ta’ verifika

84      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li hija kienet għamlet fuq ir-rapport ta’ verifika fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-3 ta’ Ġunju 2008 u konsegwentement terġa’ tiftaħ il-proċess ta’ verifika.

85      Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti rċeviet ir-rapport ta’ verifika fis-6 ta’ Novembru 2006 u li hija kellha terminu ta’ xahar sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Id-direttur finanzjarju tar-rikorrenti, responsabbli għall-kollaborazzjoni mal-kumpannija ta’ verifika, talab terminu ta’ ġimgħa supplimentari sabiex jirrispondi għar-rapport, li ngħata lilu fit-13 ta’ Diċembru 2006, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma ppreżenta ebda osservazzjoni, minkejja żewġ tfakkiriet li saru fl-10 u fis-17 ta’ Jannar 2007 u t-tieni talba għal estensjoni tat-terminu fis-17 ta’ Jannar 2007, li ngħatatlu. Għalhekk, ir-rikorrenti ma għamlet ebda osservazzjoni fuq ir-rapport ta’ verifika fit-termini pprovduti.

86      Minkejja dan il-Kummissjoni aċċettat li teżamina l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fid-9 ta’ Novembru 2007 u fit-3 ta’ Ġunju 2008. Madankollu hija infurmat lir-rikorrenti, fit-22 ta’ Awwissu 2008, li dawn ma pprovdew ebda element ġdid li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċess. F’din l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni b’hekk ipproċediet għall-eżami tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti u kkonstatat li dawn ma jipprovdu ebda informazzjoni supplimentari li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċess ta’ verifika, peress li kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tal-għarfien tagħha tad-dikjarazzjoni żejda tal-ispejjeż ta’ persunal u tar-raġunijiet li wasslu għal din id-dikjarazzjoni żejda, iżda li huma ma pprovdew ebda element li jista’ jistabbilixxi li r-rikorrenti ma kinitx għamlet tali dikjarazzjoni żejda, ipprojbita mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali.

87      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi li kienu ġew prodotti lilha wara l-għeluq tal-proċess ta’ verifika u li l-argument li jgħid li hija kienet irrifjutat li tinvestiga dawn il-provi huwa fattwalment inkorrett.

88      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ dan il-każ u li għalhekk hija ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

89      Għalhekk hemm lok li s-seba’ motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu.

91      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Applied Microengineering Ltd hija kkundannata minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.