Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-18 ta’ April 2024 – X.Y.

(Kawża C-273/24, Naski) 1

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X.Y.

Intervenjenti: Prokuratora Generalnego, Rzecznika Praw Obywatelskich

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn korp ġudizzjarju tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru (is-Sąd Najwyższy, il-Qorti Suprema), wara li jkun kiseb l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-ksur tal-liġijiet fundamentali ta’ tali Stat li jirrigwardaw il-ħatra tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li tikkonsisti:

a)    fil-kunsinna, min-naħa tal-Prezydent Rzeczypospolitej Polskiej (il-President tar-Repubblika tal-Polonja, il-Polonja), tal-atti tal-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura), li tinkludi l-proposta għall-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef, kienet preċedentement ġiet ikkontestata quddiem il-korp ġudizzjarju nazzjonali kompetenti (in-Naczelny Sąd Administracyjny; il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), minkejja s-sospensjoni, min-naħa tan-Naczelny Sąd Administracyjny, tal-eżekuzzjoni ta’ tali riżoluzzjoni, konformement mad-dritt nazzjonali, u minkejja li l-proċedura ta’ kontestazzjoni kienet għadha pendenti, li meta din il-proċedura ntemmet in-Naczelny Sąd Administracyjny annullat definittivament ir-riżoluzzjoni kkontestata tal-Krajowa Rada Sądownictwa minħabba li kienet illegali, u b’hekk eliminata definittivament mill-ordinament ġuridiku, bil-konsegwenza li l-att tal-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef tas-Sąd Najwyższy ġie mċaħħad mill-bażi legali meħtieġa mill-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja), fil-forma ta’ proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa għall-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef,

b)    fit-twettiq ta’ proċeduri preċedenti għall-ħatra mingħajr ma ġew osservati l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ekwità, min-naħa ta’ organu nazzjonali (il-Krajowa Rada Sądownictwa, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kostituzzjoni tiegħu kif ukoll tal-mod kif dan jopera, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ korp kostituzzjonali li jħares l-indipendenza tal-qrati u tal-Imħallfin, sa fejn il-kompożizzjoni tiegħu ġiet iddefinita skont il-metodi previsti mill-ustawa z 8 grudnia 2017 r. o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017, li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra) (Dz.U. – il-Ġurnal Uffiċċjali Pollakk – tal-2018, Pożizzjoni 3),

–    ikollu jiddeċiedi fuq il-kwistjoni ġuridika mressqa quddiem tali korp ġudizzjarju, billi japplika l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], kif ukoll tal-Artikolu 267 TFUE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 [tal-Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-parteċipazzjoni fil-kompożizzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li tiddeċiedi fuq tali kwistjoni legali ta’ kull persuna maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, u anki fis-sens li dawn jipprekludu tibdil fil-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti tal-korp ġudizzjarju tal-Istat Membru li kien għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni fejn il-bdil sar wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-sentenza b’risposta għall-imsemmija domanda u ma kienx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (pereżempju, il-mewt jew l-irtirar tal-imħallef li kien jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti li kien għamel id-domanda preliminari)?

–    kif ukoll li dawn jipprekludu l-eżerċizzju ta’ kull attività deċiżjonali fil-kawża relattiva għad-definizzjoni ta’ tali kwistjoni legali, inkluża l-adozzjoni tad-digrieti li bihom, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew tiġi ffissata d-data tas-seduta ta’ tali kulleġġ biex tiġi deċiża l-kawża, min-naħa ta’ persuna maħtura fil-kariga ta’ Prezes Sądu Najwyższego (il-President tal-Qorti Suprema, il-Polonja) li tidderiġi x-xogħol tal-Izba Cywilna (it-Taqsima Ċivili; iktar ’il quddiem it-“Taqsima Ċivili”), li ġiet maħtura hija wkoll għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru msemmija fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, jew minn kwalunkwe persuna oħra maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, bil-konsegwenza li tali digrieti jew attivitajiet deċiżjonali għandhom jitqiesu li ma għandhomx effetti legali?

–    kif ukoll fis-sens li imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li l-ħatra tiegħu ma kienet ivvizzjata minn ebda irregolarità deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, għandu d-dritt u l-obbligu, għall-finijiet li jevita li kawża tiġi deċiża minn korp ġudizzjarju li ma jikkostitwixxix korp ġudizzjarju indipendenti, imparzjali u stabbilit mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li jirrifjuta li jipparteċipa f’kulleġġ tas-Sąd Najwyższy kompost minn persuni maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritti fil-punt 1(a) jew (b), kif ukoll, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal tali domanda, fis-sens li l-imħallef ta’ tali korp ġudizzjarju, li l-ħatra tiegħu għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy ma ġietx ivvizzjata minn irregolarità fis-sens tal-punt 1(a) jew (b), li huwa imħallef relatur fil-kawża relattiva għal-kwistjoni legali kkunsidrata, jista’ leġittimament jaħtar il-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy imsejjaħ sabiex jiddeċiedi fuq tali kwistjoni, mingħajr ma japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jattribwixxu lill-Prezes Sądu Najwyższego (il-President tal-Qorti Suprema), li jidderiġi x-xogħol tat-Taqsima Ċivili, is-setgħa li jaħtar il-kulleġġi ġudikanti fil-kawżi li jidħlu fil-kompetenza tat-Taqsima Ċivili tas-Sąd Najwyższy, sabiex jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-interpretazzjoni tal-istess dritt ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll fis-sens li dawn jipprekludu li l-persuna maħtura fil-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritti fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, jew kwalunkwe persuna oħra maħtura fil-kariga ta’ imħallef fis-Sąd Najwyższy bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru deskritta fil-punt 1(a) jew (b) iktar ’il fuq, ikollhom kwalunkwe inkarigu eżekuttiv fi ħdan is-Sąd Najwyższy (pereżempju, il-karigi ta’ President ta’ tali korp ġudizzjarju, inkluża l-kariga ta’ prim’imħallef ta’ tali korp ġudizzjarju jew il-karigi ta’ president tat-taqsimiet tas-Sąd Najwyższy) jew jeżerċitaw kwalunkwe funzjoni fi ħdan l-organi tas-Sąd Najwyższy [pereżempju, il-funzjoni ta’ membru jew ta’ deputat membru tal-Kolegium Sądu Najwyższego (il-Kulleġġ tal-Qorti Suprema) jew il-funzjoni ta’ Rzecznik dyscyplinarny Sądu Najwyższego (Uffiċjal tad-Dixxiplina fil-Qorti Suprema)], funzjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy maħtura leġittimament, kif ukoll li jwettqu kwalunkwe att li jifforma parti mill-kompetenzi tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy li għandhom tali funzjonijiet, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ influwenza materjali jew legali tagħhom fuq l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja min-naħa tas-Sąd Najwyższy?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.