Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (l-Isvezja) fl-20 ta’ Mejju 2024 – Purefun Group AB vs Doggy AB.
(Kawża C-365/24, Purefun Group)
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Qorti tar-rinviju
Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Purefun Group AB
Konvenut: Doggy AB
Domandi preliminari
Fid-dawl tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-dritt tal-UE, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks 1 , b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 5(4), li wieħed ikollu sistema taħt il-liġi nazzjonali fejn dritt preċedenti fuq isem kumpannija jista’ jikkostitwixxi bażi għall-projbizzjoni tal-użu ta’ sinjal kummerċjali sussegwenti fil-kamp sħiħ tal-attività li fir-rigward tagħha isem il-kumpannija jkun irreġistrat u mingħajr kwalunkwe rekwiżit li isem il-kumpannija għandu jkun intuża biex jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi?
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, huwa kompatibbli mad-Direttiva dwar it-Trade Marks u mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali għal isem ta’ kumpannija, li jintuża per se bħala sinjal li jiddistingwi ċerti tipi ta’ prodotti jew servizzi fil-kamp tal-attività li fir-rigward tagħha jkun irreġistrat isem il-kumpannija, li jikkostitwixxi kriterju għall-projbizzjoni tal-użu ta’ sinjal kummerċjali sussegwenti marbuta mat-tipi ta’ merkanzija jew servizzi differenti minn dawk li fir-rigward tagħhom isem il-kumpannija jintuża bħala sinjal?
____________
1 (ĠU 2015, L 336, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).