Language of document : ECLI:EU:C:2013:466

Kawża C‑273/12

Directeur général des douanes et droits indirects

u

Chef de l’agence de poursuites de la Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières

vs

Harry Winston SARL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 206 — Tnissil ta’ dejn doganali — Serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali — Kunċett ta’ ‘telf għal kollox ta’ merkanzija bħala riżultat ta’ forza maġġuri’ — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 71 — Taxxa fuq il-valur miżjud — Fatt taxxabbli — Eżiġibbiltà tat-taxxa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Unjoni doganali — Tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni wara t-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija li fuqha huma dovuti dazji fuq l-importazzjoni — Kunċett ta’ tneħħija — Serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 202, 203(1), 204(1)(a) u 206)

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà tat-taxxa — Importazzjoni ta’ oġġetti — Serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali — Eżiġibbiltà tat-taxxa mill-eżiġibbiltà tad-dazji doganali

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/2003, Artikolu 203; Direttiva tal-Kunsill 2006/112, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

2.        L-Artikolu 203(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jikkostitwixxi tneħħija tal-imsemmija merkanzija fis-sens ta’ dan l-Artikolu li jnissel dejn doganali għall-importazzjoni. L-Artikolu 206 tal-imsemmi regolament japplika biss fis-sitwazzjonijiet fejn dejn doganali jista’ jitnissel skont l-Artikolu 202 u 204(1)(a) tal-istess regolament.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tar-Regolament Nru 2913/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtoritajiet doganali kompetenti jkollhom aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li jwettqu l-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni doganali. Dan huwa l-każ meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, merkanzija, imqiegħda taħt proċedura sospensiva, ikunu nsterqu.

(ara l-punti 29, 30, 36 u d-dispożittiv 1)

3.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-serq tal merkanzija miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jġib fis-seħħ il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Fil-fatt, sa fejn, skont l-Artikolu 203 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dejn doganali jitnissel fil-mument tat-tneħħija tal-merkanzija, miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali, għas-sorveljanza doganali, jiġifieri fil-mument tas-serq tal-imsemmija merkanzija, it-taxxa fuq il-valur miżjud saret dovuta fl-istess mument skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2006/112.

(ara l-punti 42, 45 u d-dispożittiv 2)