Language of document : ECLI:EU:T:2014:759





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2014 –MasterCard et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑516/11)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relattivi għal studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta’ ħlas differenti – Dokumenti li joriġinaw minn terzi – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi”

1.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-dokumenti – Ammissibbiltà (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 34, 40)

2.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Suġġett – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 4 u 11, u Artikoli 1 u 4) (ara l-punti 44-47)

3.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Portata (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4) (ara l-punt 50)

4.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Kundizzjonijiet – Preġudizzju konkret, effettiv u serju għall-imsemmi proċess – Rifjut ibbażat fuq il-bżonn li l-proċess jiġi protett kontra pressjonijiet esterni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3)) (ara l-punti 62, 66, 67, 71)

5.                     Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2)) (ara l-punti 81-84)

6.                     Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja – Inammissibbiltà (Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 94, 95)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2011, li tiċħad li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti redatti minn terz relattivi għal studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta’ ħlas differenti.

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-12 ta’ Lulju 2011, li tiċħad li tagħti lil MasterCard, Inc., lil MasterCard International, Inc. u lil MasterCard Europe l-aċċess għal ċerti dokumenti redatti minn terz relattivi għal studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta’ ħlas differenti hija annullata inkwantu din tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti relattivi:

–        għall-ispejjeż u għall-benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta’ ħlas differenti (rapport inizjali tat-2 ta’ Ġunju 2009);

–        għall-ispejjeż u għall-benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta’ ħlas differenti – Parti 1 tar-rapport ta’ metodoloġija, tat-28 ta’ Settembru 2009 [verżjoni riveduta li tinkludi l-osservazzjonijiet trażmessi mill-partijiet ikkonċernati u mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni];

–        għar-riżultati tal-intervisti fid-dettall fuq l-ispejjeż tal-ħlasijiet: l-analiżi tal-intervisti fid-dettall li saru fl-Ungerija, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit fil-15 ta’ Jannar 2010 (verżjoni pprovduta fid-9 ta’ Marzu 2010);

–        għall-abbozz ta’ kwestjonarju online tat-8 ta’ Marzu 2010;

–        għar-riżultati u għall-konklużjonijiet tat-test ta’ fattibbiltà fuq l-internet: abbozz ta’ rapport tal-24 ta’ Mejju 2010.

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.