Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2011 - Carbunión vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-176/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Federación Nacional de Empresarios de Minas de Carbón (Carbunión) (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: K. Desai, Solicitor, S. Cisnal de Ugarte u M. Peristeraki, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli;

tiddikjara r-rikors għal annullament fondat u konsegwentement tannulla l-Artikolu 3(1)(a), (b), u (f); kif ukoll l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (2010/787/UE) 1, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta' din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta' evalwazzjoni tal-atti rilevanti peress li l-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq il-konklużjonijiet li ġejjin:

il-parti tal-faħam fil-provvista tal-enerġija fl-Unjoni hija żgħira;

l-għeluq tal-minjieri li ma humiex kompetittivi u t-tmiem tal-produzzjoni Ewropea tal-faħam jinkoraġġixxu sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

il-produzzjoni tal-faħam fl-UE u b'mod partikolari fi Spajna bl-ebda mod ma hija mistennija li ssir kompetittiva sal-2018.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni peress li l-Kunsill naqas milli:

jittratta n-numru kbir ta' provi u konklużjonijiet li ġew ippreżentati lilu matul il-proċedura preparatorja mill-istituzzjonijiet l-oħra u mill-azzjonisti u li juru l-importanza tal-industrija Ewropea tal-faħam għas-sigurtà tal-provvista fl-UE;

jesponi r-raġunijiet li għalihom i) huwa ddevja mill-qafas tal-għajnuna mill-Istat u mill-politika stabbilita fil-qasam mir-Regolament dwar il-faħam tal-2002 2, qafas li kien ibbażat fuq tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista, u ii) minflok adotta d-deċiżjoni kkontestata li hija bbażata biss fuq kunsiderazzjonijiet ta' kompetittività.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi peress li d-deċiżjoni kkontestata:

tikkostitwixxi bidla, f'daqqa u mhux mistennija, min-naħa tal-UE, fil-pożizzjoni tagħha dwar is-settur tal-faħam indiġenu tal-UE u b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-settur tal-faħam Spanjol;

tikser il-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi peress li hija ma tipprovdix perijodu ta' tranżizzjoni sabiex tippermetti lir-rikorrenti tadatta ruħha għal din il-bidla kbira ta' politika.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità peress li d-deċiżjoni kkontestata timponi restrizzjonijiet eċċessivi u mhux ġustifikati għal funzjonament tal-minjieri ta' faħam indiġenu fi Spanja, li ma jikkorrispondux mal-għanijiet tal-Kunsill. B'mod iktar preċiż, skont ir-rikorrenti, il-miżuri adottati mid-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfawx it-tħassib dwar l-ambjent ppreżentat mill-Kunsill, peress li ċ-ċentri tal-elettriku tal-UE ser ikomplu "jaħarqu" faħam importat. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata timponi obbligi eċċessivament kbar fuq ir-rikorrenti, li ma għandhom l-ebda rabta mal-għan tal-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta mis-sussidji għall-produzzjoni tal-faħam indiġenu huwa wkoll eżaġerat fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta' poteri. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri adottati fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-effetti avversi fuq is-settur tal-minjieri tal-faħam fl-UE, ma jikkorrispondux għall-għanijiet strateġiċi u politiċi li l-UE għandha tilħaq skont l-Artikolu 194 TFUE. Id-deċiżjoni kkontestata thedded il-funzjonament tajjeb tas-suq tal-enerġija fl-UE kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE, b'mod partikolari fi Spanja. Għaldaqstant, il-Kunsill għamel użu ħażin ta' poter billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni hija intiża sabiex telimina wieħed mill-materji primi indiġeni l-iktar importanti sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel diskriminazzjoni kontra l-produtturi tal-faħam indiġenu i) fil-konfront tal-importaturi tal-faħam fl-UE u ii) fil-konfront ta' għamliet oħra ta' enerġija.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi legali żbaljata. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija adottata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(e) TFUE, filwaqt li kellha tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 109 TFUE u kellha ssegwi l-proċedura korrispondenti.

____________

1 - ĠU L 336, p. 24

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta' Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170