Language of document : ECLI:EU:T:2008:80

Kawża T-411/07 R

Aer Lingus Group plc

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u għal miżuri provviżorji – Miżura inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet – Kompetenza tal-Kummissjoni – Miżuri provviżorji indirizzati lil intervenjent – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ fumus boni juris – Nuqqas ta’ urġenza – Nuqqas ta’ dannu gravi u irreparabbli – Dannu li jiddependi minn avvenimenti futuri u inċerti – Motivi insuffiċjenti – Ibbilanċjar ta’ l-interessi kollha in kwistjoni”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Natura provviżorja tal-miżura

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Interess tar-rikorrenti li tikseb is-sospensjoni mitluba

(Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Miżuri provviżorji – Miżuri inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet

(Artikoli 233 KE u 243 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 8(4) u (5))

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Rikors – Rekwiżiti proċedurali

(Artikolu 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Ġurisdizzjoni ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji – Ordnijiet indirizzati lil terzi – Limiti

(Artikolu 243 KE)

6.      Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Kompetenza tal-Kummissjoni – Adozzjoni ta’ miżuri fil-konfront ta’ partijiet f’konċentrazzjoni pprojbita – Kundizzjonijiet – Implementazzjoni tal-konċentrazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7(1), u Nru 139/2004, Artikoli 3, 7 u 8(4) u (5))

7.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

1.      Skond l-Artikolu 107(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ordni li tistabbilixxi miżuri provviżorji tista’ tkun biss ta’ natura provviżorja u għandha tkun bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża prinċipali mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ratione temporis ta’ tali ordni ma tistax testendi wara l-kawża prinċipali.

(ara l-punt 45)

2.      Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ma tistax issir fil-konfront ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva peress li tali sospensjoni ma jistax ikollha l-effett li tbiddel il-pożizzjoni tar-rikorrenti. Tali talba ma tkun ta’ ebda interess għar-rikorrenti u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda, ħlief safejn is-sospensjoni tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu adottati miżuri provviżorji oħra mitluba mir-rikorrenti fil-każ fejn l-Imħallef għal miżuri provviżorji jikkunsidrahom bħala ammissibbli u fondati.

(ara l-punti 46 sa 48)

3.      Bħala prinċipju, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax jadotta miżura provviżorja li, kieku kellha tiġi adottata, tikkostitwixxi ndħil fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ istituzzjoni oħra, li tkun inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet kif intiża mill-awturi tat-Trattat KE.

Dan ikun il-każ, u għaldaqstant għandha tiġi annullata bħala inammissibbli, ta’ talba għal miżuri provviżjorji intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tapplika b’mod partikoalri l-Artikoli 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, billi tadotta ċerti miżuri fil-konfront tal-parti l-oħra f’konċentrazzjoni pprojbita. Fil-fatt, li kieku fid-deċiżjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza tordna l-miżuri previsti fl-Artikoli 8(4) u (5) tar-Regolament, hija l-Kummissjoni, jekk tikkunsidra li huwa neċessarju fil-kuntest tal-poteri ta’ kontroll ikkonferiti fuqha fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, li għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 233 KE. Għaldaqstant, jekk l-Imħallef għal miżuri provviżorji jilqa’ din it-talba, dan ikun qiegħed jordna lill-Kummissjoni tagħmel ċerti konklużjonijiet preċiżi mid-deċiżjoni ta’ annullament u, għalhekk, ikun qiegħed jordna miżura li taqbeż il-limitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali. Madankollu, skond is-sistema tad-diviżjoni ta’ kompetenzi stabbilita mit-Trattat KE u mir-Regolament, hija l-Kummissjoni, jekk tikkunsidra li huwa neċessarju fil-kuntest tal-poteri ta’ kontroll ikkonferiti lilha fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament, li għandha tadotta l-miżuri li hija tqis adegwati sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel.

(ara l-punti 49-51)

4.      Talba għal miżuri provviżorji skond l-Artikolu 243 KE ma tistax tkun vaga u impreċiża. Madankollu, f’kawżi fejn il-kontenut tal-miżuri mitluba mir-rikorrenti jkun biżżejjed ċar mill-bqija tar-rikors, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jiddikjara li t-talba mhijiex vaga u impreċiża fin-natura tagħha u għaldaqstant jista’ jikkunsidraha bħala ammissibbli.

(ara l-punti 52 sa 53)

5.      Fir-rigward tal-miżuri provviżorji, l-Artikolu 243 KE jistabbilixxi b’mod ċar li “l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna kull miżura provviżorja”. Tali termini wiesgħa huma intiżi b’mod evidenti sabiex jagħtu ġurisdizzjoni suffiċjenti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jordna kull miżura li huwa jqis bħala neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-deċiżjoni definittiva fil-futur, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda lakuna fil-protezzjoni legali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività totali ta’ l-Artikolu 243 KE, ma jistax jiġi eskluż għalhekk li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jimponi miżuri direttament fuq partijiet terzi, jekk dan ikun neċessarju, safejn il-ġurisdizzjoni wiesgħa ta’ l-imħallef għal miżuri provviżorji huma limitati biss, f’dak li jirrigwarda l-impatt fuq id-drittijiet u l-interessi ta’ terzi, f’każijiet fejn tali drittijiet u interessi jistgħu jkunu affettwati b’mod serju. F’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali daqstant wiesgħa għandha tiġi eżerċitata bir-rispett dovut lejn id-drittijiet proċedurali, u b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, tad-destinatarji tal-miżuri provviżorji u ta’ dawk milquta direttament minnhom. Meta jkun qed jiddeċiedi jekk jilqax jew le t-talbiet għal miżuri provviżorji f’dawn it-tip ta’ kawżi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, barra minn dan, jikkunsidra debitament kemm is-saħħa tal-kawża prima facie u kif ukoll il-possibbiltà ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-kawża speċifika. Anki fejn parti terza ma kellhiex l-opportunità tinstema’ fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, ma jistax jiġi eskluż li miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti fuqha, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u in kunsiderazzjoni tan-natura temporanja tal-miżuri provviżorji, jekk jidher li, mingħajr tali miżuri, ir-rikorrenti tiġi esposta għal sitwazzjoni li tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha stess. L-Imħallef għal miżuri provviżorji jwettaq dawn l-evalwazzjonijiet meta jibbilanċja d-diversi interessi in kwistjoni.

(ara l-punti 56, 59)

6.      Il-Kummissjoni ma tapplikax b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li jippermettulha tadotta miżuri kontra partijiet f’konċentrazzjoni diġà implementata, meta, wara li jiġi ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-proġett ta’ konċentrazzjoni intiż għall-akkwist tal-kapital kollu ta’ impriża, hija tqis ruħha inkompetenti biex twaqqaf lill-impriża akkwirenti milli teżerċita d-drittijiet tal-vot marbuta mas-sehem minoritarju akkwistat safejn hija ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita fil-fatt jew fid-dritt, permezz ta’ l-ishma tagħha, kontroll fuq l-impriża suġġett tas-sehem.

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-kelma “implemented” li tidher fil-verżjoni bl-Ingliż tista’, bħala prinċipju, toħloq konfużjoni fir-rigward tal-portata preċiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li d-definizzjoni tat-terminu “implementation” tista’ tinkludi kemm li “jintlaħaq xi skop” u kemm “it-twettiq”, il-mod kif din l-espressjoni tidher fil-verżjonijiet bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan, il-paragun bejn l-verżjoni Franċiża ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li fiha t-terminu “implementazzjoni” huwa intiż b’mod ċar biex jindika t-“twettiq” iktar milli “l-att li jintlaħaq xi skop”, u l-fatt li l-Kummissjoni tista’, taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament, titlob lill-impriżi kkonċernati “ixolju l-konċentrazzjoni”, jindikaw madankollu li, prima facie, id-definizzjoni ta’ “implementation” intiża minn dawn id-dispożizzjonijiet timplika l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 3 tar-Regolament, u għaldaqstant l-akkwist tal-kontroll.

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed in kwistjoni minn allegata prassi tal-Kummissjoni fejn il-Kummissjoni tikkunsidra implementazzjoni parzjali, anki fir-rigward ta’ l-istadji li ma jinvolvu ebda bidla fil-kontroll, bħala pprojbita mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament, li jipprovdi li konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja ma tistax tiġi implementata qabel ma tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni, u fejn il-Kummissjoni tindika lill-partijiet li għandhom jastjenu milli jieħdu tali miżuri. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-prassi tal-Kummissjoni, minkejja li ġeneralment hija influwenti u ta’ importanza fid-determinazzjoni ta’ jekk jistgħux ikunu ġustifikati xi aspettattivi leġittimi, mhijiex deċisiva f’dan ir-rigward peress li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju hija ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhux tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, anki kieku l-Artikolu 7(1) tar-Regolament kellu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi biss bidla fil-kontroll waqt li jkun għadu għaddej l-istħarriġ tal-Kummissjoni, u mhux il-miżuri li ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti għal bidla fil-kontroll bħall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot li jirriżultaw minn ishma minoritarji, fid-dawl tat-termini li fihom il-Kummissjoni għandha tistħarreġ konċentrazzjoni nnotifikata u l-għaqda ta’ fatturi li jistgħu jirriżultaw f’kontroll f’każ partikolari, jibqa’ leġittimu għall-Kummissjoni li titlob lill-partijiet sabiex ma jieħdu ebda azzjoni li tista’ twassal għal bidla fil-kontroll.

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004, flimkien mal-Artikolu 21(3), li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli japplikaw il-liġi nazzjonali fuq il-kompetizzjoni tagħhom għal konċentrazzjoni li jkollha dimensjoni Komunitajra, ma twassalx prima facie għal lakuna li mhijiex kompatibbli ma’ l-għan tar-Regolament. Fil-fatt, safejn is-sehem minoritarju li jibqa’ ma jkunx għadu marbut ma’ l-akkwist ta’ kontroll, ma jibqax jagħmel parti minn “konċentrazzjoni” u jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 21 tiegħu, prima facie, ma jipprekludix bħala prinċipju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li sehem minoritarju tat-tip in kwistjoni ma jistax, prima facie, jiġi rregolat mir-Regolament, jista’ jitqies li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 82 KE, jistgħu jiġu applikati mill-Kummissjoni għall-aġir ta’ l-impriżi involuti.

(ara l-punti 89 sa 92, 94, 98, 100 sa 101, 103)

7.      In-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata ordni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Hija dik il-parti li għandha ġġib il-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

Meta d-dannu jiddependi fuq il-fatt li jseħħu numru ta’ fatturi, huwa biżżejjed li dan id-dannu jkun previdibbli bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà. Madankollu, il-parti li qed titlob il-miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li juru l-probabbiltà ta’ tali dannu gravi u irreparabbli. Sabiex ikun jista’ jiddetermina jekk id-dannu li tista’ tbati r-rikorrenti huwiex gravi u irreparabbli u għaldaqstant, jekk jipprovdix bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jrid ikollu provi konkreti li jippermettulu jiddetermina l-konsegwenzi preċiżi li probabbilment jirriżultaw għall-persuna kollha kkonċernati fin-nuqqas tal-miżuri mitluba.

L-allegazzjoni tal-parti li qed titlob il-miżura provviżorja li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu japplika l-“prinċipju ta’ prekawzjoni”, u huwa intitolat japplika “miżuri ta’ protezzjoni” mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna provi tar-realtà tar-riskju allegat ma tistax tintlaqa’.

(ara l-punti 116 sa 119)