Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Novembru 2007 - Aer Lingus Group vs Il-Kummisssjoni

(Kawża T-411/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aer Lingus Group plc (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. Burnside, Solicitor, B. van de Walle de Ghelcke, avukat, T. Snels, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata adottata mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta' Ottubru 2007;

tikkundanna lill-Kummisssjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)4600 tal-11 ta' Ottubru 2007, li biha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti biex tibda proċeduri taħt l-Artikolu 8(4) u tadotta miżuri interim skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 (ir-"Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet"), wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3104 tas-27 ta' Ġunju 2007 (id-"Deċiżjoni ta' Projbizzjoni") li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ Nru COMP/M.4439 - Ryanair - Air Lingus).

Ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni interpretat kif ukoll applikat ħażin l-Artikoli 8(4) u 8(5) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet billi ddikjarat li hija ma kellhiex il-poter li teżiġi li Ryanair, wara d-Deċiżjoni ta' Projbizzjoni, tneħħi s-sehem minoritarju f'Aer Lingus, jew li tieħu miżuri interim oħrajn sabiex treġġa' lura l-istatus quo ante, jew li sadanittant tieħu miżuri interim.

Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li, peress li l-Kummissjoni espliċitament qieset li dan is-sehem minoritarju u l-offerta pubblika assoċjata ta' Ryanair lil Aer Lingus jifformaw parti integrali ta' l-istess konċentrazzjoni singola, isegwi li l-konċentrazzjoni pprojbita ġiet parzjalment implementata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 8(4) u 8(5) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni f'dawn iċ-ċirkustanzi li taġixxi sabiex tneħħi l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn din il-parteċipazzjoni minoritarja li tgħaqqad żewġ kumpanniji li kienu meqjusa li huma l-ikbar żewġ kompetituri fuq ir-rotot ta' trasport bl-ajru minn, u għal, l-Irlanda.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet billi naqset milli tafferma l-kompetenza esklużiva tagħha u minflok ħalliet il-possibbiltà ta' intervent mill-Istati Membri miftuħa.

____________