Language of document : ECLI:EU:T:2009:153

Kawża T‑410/07

Jurado Hermanos, SL

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja verbali JURADO — Nuqqas ta’ talba għal tiġdid mill-proprjetarju tat-trade mark — Kanċellazzjoni tat-trade mark fl-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentata mil-liċenzjat esklużiv”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 47(1) u (2), u 78(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Deċiżjonjiet tal-Uffiċċju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 73)

1.      Skont l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-Trade mark Komunitarja, restitutio in integrum quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tippreżumi, fl-ewwel lok, li l-applikant ikun parti fil-proċediment ikkonċernat, fit-tieni lok, li, minkejja li jkun ta l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi, huwa ma kienx f’pożizzjoni josserva terminu fir-rigward tal-UASI u, fit-tielet lok, li dan l-ostaklu kellu bħala konsegwenza diretta, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, it-telfien ta’ dritt.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94, it-tiġdid jista’ jintalab mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn kwalunkwe persuna espressament awtorizzata minnu. Minn dan isegwi li huwa biss il-proprjetarju tat-trade mark jew persuni espressament awtorizzati minnu li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partijiet fil-proċediment ta’ tiġdid.

Fil-każ ineżami, l-obbligu tal-UASI, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jinforma lill-proprjetarji ta’ dritt irreġistrat fuq it-trade mark ikkonċernata bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni, ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn il-proprjetarji huma partijiet fil-proċediment ta’ tiġdid. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu jipprevedi biss obbligu tal-UASI li jagħti informazzjoni li huwa purament aċċessorju għall-proċediment, iżda mhuwiex intiż li jagħti drittijiet, la lill-proprjetarju tat-trade mark u lanqas lil persuni oħra.

(ara l-punti 15-17)

2.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Skont dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jesponu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Id-dritt għal smigħ japplika għall-punti ta’ fatt jew ta’ liġi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta.

Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba xi irregolarità proċedurali ħlief jekk din ikollha impatt konkret fuq il-possibbiltà li l-impriżi involuti jiddefendu lilhom infushom. B’hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża jistgħu jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva biss jekk jiġi stabbilit li din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati.

(ara l-punti 31,32)