Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Frar 2012 - Scooters India vs UASI - Brandconcern (LAMBRETTA)

(Kawża T-51/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Scooters India Ltd (Sarojininagar, Indja) (rappreżentant: B. Brandreth, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Brandconcern BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni), tal-1 ta' Diċembru 2011, fil-Każ R 2312/2010-1, sa fejn tiċħad l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tar-revoka tat-trade mark għal prodotti fil-klassi 12;

tirrinvija l-każ lura lill-UASI filwaqt li tirrakkomandalu li jiddeċiedi li t-trade mark intużat b'mod ġenwin għal prodotti fil-klassi 12, jiġifieri "skuters, partijiet u tagħmir għall-vetturi u apparat għal-lokomozzjoni fuq l-art"; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità : it-trade mark verbali "LAMBRETTA", għal prodotti fil-klassijiet 3, 12, 14, 18 u 25 - Reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 1495100

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: revoka parzjali tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 1495100

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni parzjalment annullata, appell miċħud għall-bqija tal-prodotti u appell sussidjarju miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, billi l-Bord tal-Appell iddeċieda b'mod żbaljat li jirrevoka t-trade mark Komunitarja għall-prodotti kollha fil-klassi 12 minkejja li ddeċieda li kien hemm evidenza ta' użu ġenwin ta' sub-kategorija identifikabbli ta' prodotti fil-klassi 12. Barra minn hekk, wettaq żball ta' liġi billi ma applikax is-soluzzjoni fil-kawża Ansul BV vs Ajax Brandbeveiliging (C-40/10) li tgħid li l-użu tat-trade mark għal partijiet jippreżerva r-reġistrazzjoni tal-prodotti li tagħhom huma parti integrali.

____________