Language of document : ECLI:EU:T:2012:447

Kawża T-52/12 R

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Għajnuna mill-Istat — Ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija fl-2008 u fl-2009 mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012…….?II – 0000

Sommarju —Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-illegalità ta’ għajnuna u li tordna l-irkupru tagħha — Motiv li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jostakolaw l-irkupru tal-għajnuna — Motiv li prima facie ma huwiex infondat

(Artikoli 107(1) u (3)(b) TFUE u 278 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat — Irkupru li jista’ joħloq perturbazzjoni tal-ordni pubbliku fi Stat Membru li jkun għaddej minn kriżi ekonomika u finanzjarja profonda — Inklużjoni

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat

(Artikolu 278 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 10, 11)

2.      Fi proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjoni li tikkonċerna l-fumus boni juris tiġi ssodisfatta meta mill-inqas motiv wieħed minn dawk invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux mingħajr bażi, ġaladarba jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjoni ġuridika delikata li s-soluzzjoni tagħha ma tirriżultax b’mod evidenti u li għaldaqstant teħtieġ eżami fid-dettall, li ma jistax isir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda li għandu jkun suġġett għall-proċedura prinċipali, b’tali mod li, prima facie, ir-rikors ma jkunx mingħajr bażi serja.

Fil-kuntest ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna tal-Istat, jeżisti, prima facie, fumus boni juris fir-rigward ta’ argument li tqajjem il-kwistjoni ġuridika li għadha ma ġietx deċiża mill-ġurisprudenza dwar jekk, minħabba d-diffikultajiet għal kollox partikolari u eċċezzjonali marbuta mal-miżuri ta’ awsterità li jikkaratterizzaw ir-realtà tal-ekonomija nazzjonali ta’ Stat Membru sa minn bosta snin, is-settur nazzjonali benefiċjarju tal-għajnuna jistax jitqies li ma huwa la espost lejn kompetizzjoni vivaċi u lanqas orjentat lejn il-kummerċ internazzjonali, liema fatt jeskludi li din l-għajnuna kienet tali li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-iskambji kummerċjali u l-kompetizzjoni bejn Stati Membri skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-imsemmija għajnuna ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha ta’ din id-dispożizzjoni, il-ġurisprudenza tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax jinvoka validament ċirkustanzi eċċezzjonali tali li jrendu eċċessiv l-irkupru tal-għajnuna, ġaladarba għandu jiffaċċja perturbazzjoni serja tal-ekonomija nazzjonali tagħha fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u jekk il-Kummissjoni, meta ispirat ruħha minn din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju, jmisshiex irrinunzjat milli tirrikjedi kull irkupru minn settur kunsiderevolment imdgħajjef minn din il-perturbazzjoni.

(ara l-punti 13, 29-31, 34)

3.      In-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova attendibbli li hija ma tistax tistenna tmiem il-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma tkun personalment ġarrbet dannu ta’ din in-natura. Għalkemm l-imminenza tad-dannu ma għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta, it-twettiq tiegħu għandu madankollu jkun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti. Il-parti li titlob il-miżuri provviżorji tibqa’, fi kwalunkwe każ, marbuta li tipprova l-fatti li fuqhom hija mistennija li tiġi bbażata l-perspettiva ta’ dannu gravi u irreparabbli u li tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jevalwa l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, possibbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba, ġaladarba dannu ta’ natura purament ipotetika, inkwantu jkun ibbażat fuq it-twettiq ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji.

L-istess jgħodd għall-każ fejn l-irkupru immedjat ta’ għajnuna mill-Istat illegali mingħand bosta eluf ta’ benefiċjarji jinvolvi diffikultajiet amministrattivi li jistgħu jikkawżaw dannu gravi u irreparabbli lil Stat Membru li s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tiegħu hija diffiċli ħafna, bħar-riskju ta’ dannu għall-kompiti prijoritarji tal-amministrazzjoni fiskali għall-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, fid-dawl tal-ħtieġa li jintervjenu numru għoli ħafna ta’ aġenti ta’ din l-amministrazzjoni sabiex iwettqu l-irkupru tal-għajnuna mingħand l-imsemmija benefiċjarji, kif ukoll ir-riskju ta’ perturbazzjoni tal-ordni pubbliku, fejn l-irkupru immedjat ta’ din l-għajnuna jista’ jagħti lok għal manifestazzjonijiet li jistgħu jiddeġeneraw fi vjolenza, inkwantu tali manifestazzjonijiet diġà rriżultaw f’sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip.

(ara l-punti 36, 43, 47-50)

4.      Fir-rigward ta’ talba għal miżuri provviżorji li ssir minn Stat Membru, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma responsabbli mill-interessi meqjusa bħala ġenerali fuq livell nazzjonali u jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji. L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji billi jallegaw li l-miżura kkontestata għandha r-riskju li tikkomprometti serjament it-twettiq tal-missjonijiet ta’ natura Statali tagħhom u l-ordni pubbliku

(ara l-punt 37)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52-54)