Language of document : ECLI:EU:T:2012:578

Kawża T‑53/12

CF Sharp Shipping Agencies Pte Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2012

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxu l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Element ġdid — Adattament tat-talbiet u tal-motivi inizjali — Terminu — Applikabbiltà tat-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors għal annullament — Eċċezzjoni — Kundizzjonijiet

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 36(3), u Nru 267/2012, Artikolu 46(3))

3.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ regolament dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran – Annullament tar-regolament li jkollu effett mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell u miċ-ċaħda tal-appell

(Artikoli 280 TFUE u 288 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Anness VIII, u Nru 267/2012, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, u Anness IX)

1.      Meta regolament li jikkonċerna direttament u individwalment individwu jiġi ssostitwit, fil-mori tal-proċedura, b’att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu.

Tali aġġustament għandu jsir fit-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, dan it-terminu huwa, bħala prinċipju, applikabbli kemm meta r-rikors għall-annullament ta’ att jiġi ppreżentat permezz ta’ rikors kif ukoll meta jiġi ppreżentat, fil-kuntest ta’ kawża pendenti, permezz ta’ aġġustament tat-talbiet għall-annullament ta’ att preċedenti li jkun tħassar u ġie ssostitwit bl-att inkwistjoni.

Madankollu, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, dan it-terminu ma japplikax, fil-kuntest ta’ kawża pendenti, meta, minn naħa, l-att inkwistjoni u l-att imħassar u ssostitwit minnu jkollhom, fir-rigward tal-parti kkonċernata, l-istess suġġett, ikunu essenzjalment fondati fuq l-istess motivi u jkollhom kontenut essenzjalment identiku, b’tali mod li jkunu differenti biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament tat-talbiet ma jkun ibbażat fuq ebda motiv, fatt jew prova ġdida għajr l-adozzjoni stess tal-att inkwistjoni li jħassar u jissostitwixxi dan l-att preċedenti. F’każ bħal dan, peress li s-suġġett u l-kuntest tal-kawża kif stabbiliti fir-rikors promotur ma jkunux qegħdin jinbidlu b’mod ieħor għajr fir-rigward tad-dimensjoni temporali tal-kawża, iċ-ċertezza legali b’ebda mod ma tkun affettwata mill-fatt li l-aġġustament tat-talbiet isir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn inkwistjoni.

l-punti 25, 26, 28, 29)

2.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ att, bħalma huwa r-Regolament Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, il-Kunsill, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri.

(ara l-punti 35, 36)

3.      Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell.

Issa, ir-Regolament Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, inkluż l-Anness IX tiegħu, għandu n-natura ta’ regolament, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 tiegħu jipprovdi li r-regolament imsemmi għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, effett li jikkorrispondi għall-effetti ta’ regolament kif previsti fl-Artikolu 288 TFUE. Minn dan isegwi li dan ir-regolament ma jistax jiġi annullat b’effett immedjat.

(ara l-punti 48-50)