Language of document :

Appell imressaq fl-24 ta' Settembru 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba Awla Estiża) mogħtija fil-11 ta' Lulju 2007 fil-kawża T-351/03 (Schneider Electric SA vs Il-Kummissjoni)

(Kawża C-440/07.P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Petite u F. Arbault, aġenti)

Partijiet oħra fil-kawża: Schneider Electric SA, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-11 ta' Lulju 2007, fil-kawża T-351/03, Schneider Electric SA vs Il-Kummissjoni;

tikkundanna lil Schneider Electric SA tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Kummissjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Billi tfakkar, l-ewwel nett, li tliet kundizzjonijiet kumultattivi huma neċessarji sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, jiġifieri, rispettivament, l-eżistenza ta' nuqqas, dik ta' dannu reali u ċert u rabta kawżali bejn in-nuqqas u d-dannu, ir-rikorrenti tqajjem seba' motivi in sostenn ta' l-appell tagħha.

Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi kkonstatat, minn naħa, li hija "naqset" milli tifformula l-ilment ta' l-appoġġar tal-pożizzjonijiet ta' Schneider u ta' Legrand fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tat-3 ta' Awwissu 2001 u, min-naħa l-oħra, li din il-formulazzjoni ma kienet tippreżenta "ebda diffikultà teknika partikolari", il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat l-awtorità tar-res judicata, għamlet konstatazzjonijiet materjalment ineżatti, għawġet l-elementi ta' prova mressqa għall-evalwazzjoni tagħha u naqset mill-obbligu li timmotiva s-sentenzi tagħha.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkwalifikat b'mod żbaljat il-fatti, wettqet żball ta' liġi u naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni billi ddeċidiet li l-iżball proċedurali kkonstatat fis-sentenza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01) jikkostitwixxi ksur "suffiċjentement serju" tar-regoli tad-dritt li għandhom bħala għan li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet konstatazzjonijet materjalment żbaljati, għawġet elementi ta' prova, ikkwalifikat b'mod żbaljat il-fatti in kwistjoni u wettqet żball ta' liġi billi ddeċidiet li teżisti "rabta kawżali suffiċjentement diretta" bejn in-nuqqas u t-tieni kap tad-dannu identifikat, jiġifieri l-konklużjoni antiċipata tan-negozjati ta' Schneider ma' Wendel-KKR fuq il-prezz tat-trasferiment ta' Legrand SA.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, il-Kummissjoni tindika ksur, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha minħabba kontradizzjoni ta' motivi li tivvizja r-raġunament tagħha dwar ir-rabta kawżali li teżisti bejn in-nuqqas u d-differenti kapijiet tad-dannu identifikati.

Permezz tal-ħames motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet konstatazzjonijet ta' fatt materjalment ineżatti, għawġet l-elementi ta' prova u wettqet żball ta' liġi billi ma kkonkludietx li Schneider ikkontribwiet għat-tieni kap kollu tad-dannu identifikat. Din l-impriża, fil-fatt, naqset b'diversi modi mid-dmir tagħha ta' diliġenza raġonevoli sabiex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu, b'mod partikolari billi ma ressqitx azzjoni sommarja fir-rigward ta' l-obbligu ta' trasferiment ta' Legrand li hija ssostni li kienet is-suġġett tiegħu u billi għażlet li tittrasferixxi din l-impriża f'data fejn hija ma kienet madankollu suġġetta għal ebda obbligu f'dan is-sens.

Peremzz tas-sitt motiv tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ultra petita, injorat ir-regoli li jiregolaw l-oneru tal-prova u kisret id-drittijiet tad-difiża billi identifikat kap tad-dannu li ma kienx invokat mill-impriża rikorrenti.

Fl-aħħar nett, permezz tas-seba' u l-aħħar motiv tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi billi tat lil Schneider interessi kumpensatorji mill-akkumulazzjoni ta' mgħax tat-tieni kap tad-dannu, fl-10 ta' Diċembru 2002.

____________