Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Lulju 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Schneider Electric SA, Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-440/07 P) 1

(Appell - Konċentrazzjonijiet bejn impriżi - Regolament (KEE) Nru 4064/89 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni - Annullament - Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-illegalità kkonstatata - Kundizzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Petite, F. Arbault, T. Christoforou, C.-F. Durand u R. Lyal, aġenti)

Appellati: Schneider Electric SA, (rappreżentanti: M. Pittie u A. Winckler, avukati), Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika Franċiża

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla Estiża) tal-11 ta' Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-351/03), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza kkundannat lill-Komunità Ewropea tagħmel tajjeb, minn naħa, għall-ispejjeż sostnuti minn Schneider Electric sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta' kontroll tal-konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01 u T-77/02) u, min-naħa l-oħra, għal żewġ terzi tad-dannu mġarrab minn Schneider Electric minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz ta' trasferiment ta' Legrand SA li Schneider Electric kellha tagħti lill-akkwirenti bħala korrispettiv għall-posponiment tad-data finali għat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta' Legrand sal-10 ta' Diċembru 2002 - Kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità - Kunċetti ta' nuqqas, ta' dannu u ta' rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas imwettaq u d-dannu mġarrab - Ksur "suffiċjentement serju" tad-dritt Komunitarju li jivvizzja proċedura ta' kontroll tal-kompatibbbiltà ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni

Dispożittiv

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Lulju 2007, Schneider Electric vs Il Kummissjoni (T-351/03), hija annullata sa fejn:

-    tikkundanna lill-Komunità Ewropea tikkumpensa żewġ terzi tad-dannu invokat minn Schneider Electric SA minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta' Legrand li hija tat lill-akkwirenti bħala korrispettiv għall-posponiment sal-10 ta' Diċembru 2002 tat-twettiq effettiv tal-bejgħ;

-    ordnat perizja sabiex jiġi stmat dan il-kap tad-dannu;

-    tat interessi fuq il-kumpens korrispondenti għal dan id-dannu.

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, f'terminu ta' tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, l-istima tad-dannu kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minn Schneider Electric SA sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta' kontroll tal-konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/0l u T-77/02), stima stabbilita bi ftehim komuni skont il-metodi indikati fil-punt 216 ta' din is-sentenza.

Fin-nuqqas ta' tali ftehim, il-partijiet għandhom jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu.

Il-kumplament tar-rikors ta' Schneider Electric SA huwa miċħud.

Schneider Electric SA hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma' din il-proċedura, żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill Kummissjoni fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri.

____________

1 - ĠU C 22, 26.01.2008