Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2024 – WM vs BEI

(Kawża T-141/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: WM (rappreżentant: B. Maréchal, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla (i) d-dokument dwar il-prestazzjoni professjonali tar-rikorrent tal-2021 maħruġ fid-29 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni kkontestata”); (ii) id-dokument dwar il-prestazzjoni professjonali tar-rikorrent tal-2021 maħruġ mill-ġdid fil-15 ta’ Marzu 2023 li jikkonferma l-ewwel deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”); (iii) id-deċiżjoni kkomunikata fit-22 ta’ Marzu 2023 li r-rikorrent ma jingħatax żieda xierqa fis-salarju fl-2022, skont il-medja applikata mill-konvenut, flimkien mal-għoti ta’ għotja għall-prestazzjoni lir-rikorrent għall-2021 u flimkien ma’ promozzjoni (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni kkontestata”); u (iv) id-deċiżjoni tal-konvenut iddatata l-21 ta’ Novembru 2023 li tiċħad it-talba tar-rikorrent għal rieżami amministrattiv tal-21 ta’ Mejju 2023, li tikkontesta l-legalità tat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati msemmija iktar ’il fuq;

tordna kumpens għad-dannu morali sostnut mir-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 30 000, li għandu jiġi evalwat ex aequo et bono;

tordna kumpens għad-dannu finanzjarju materjali sostnut mir-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 50 000, ammont ikkalkolat b’mod provviżorju;

tordna kumpens għall-ispejjeż legali ta’ dawn il-proċeduri li jammontaw għal EUR 35 000 (VAT inkluża).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati wara l-azzjonijiet u/jew ommissjonijiet illeċiti tal-konvenut bi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-ugwaljanza fit-trattament u għan-nondiskriminazzjoni, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ osservanza mill-konvenut tad-dmirijiet ta’ premura lejn ir-rikorrent.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ responsabbiltà tal-konvenut għal danni materjali u morali sostnuti mir-rikorrent bħala riżultat tal-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati u istanzi relatati ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.

____________