Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Frar 2024 – Technius vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-134/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Technius LTD (Limassol, iċ-Ċipru) (rappreżentanti: T. Bosch u T. Kraul, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8844 final tal-20 ta’ Diċembru 2023 li tindika lil Stripchat bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 33(4) tar-Regolament 2022/2065 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba:

il-konvenuta bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-istima tagħha stess dwar in-numru ta’ riċevituri attivi tas-servizz tar-rikorrenti Stripchat (iktar ’il quddiem “Stripchat’). Id-data miksuba mill-konvenuta minn persuna terza hija manifestament inkonsistenti u inkorretta. Pereżempju, fi Stat partikolari, in-numru ta’ utenti stmati ta’ Stripchat huwa ikbar mill-popolazzjoni kollha;

għalhekk, il-konvenuta kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha li teżamina l-fatti kollha tal-każ bir-reqqa u b’mod imparzjali. Il-konvenuta naqset milli tivverifika l-preċiżjoni u l-konsistenza tad-data użata, ma vverifikatx indizji ċari li d-data użata ma hijiex suffiċjentement affidabbli u ma użatx sorsi alternattivi faċilment disponibbli sabiex tivverifika l-plawżibbiltà tad-data użata;

konsegwentement, il-konvenuta ippreżumiet b’mod żbaljat li Stripchat għandha iktar minn 45 miljun riċevituri attivi medji fix-xahar fl-Unjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax il-fatti prinċipali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata. Id-deċiżjoni kkontestata sempliċement tiċħad il-kalkolu tar-riċevituri attivi mwettaq mir-rikorrenti u tindika numru differenti ta’ riċevituri, mingħajr ma tiżvela s-sors ta’ tali numru jew il-metoloġija użata.

It-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar il quddiem il-“Karta”) u tad-dritt għal smigħ, sa fejn ir-rikorrenti ngħatat terminu qasir wisq biex teżamina, tivverifika u twieġeb dwar in-numru ta’ riċevituri attivi indikat fil-konklużjonijiet preliminari tal-konvenuta. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi data alternattiva, liema fatt de facto ċaħħadha mid-dritt għal smigħ.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament 2022/2065 ma jagħtix definizzjoni suffiċjentement ċara, preċiża u prevedibbli tan-numru ta’ “riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni” u l-konvenuta ma adottatx att delegat biex tiċċara l-metodoloġija li għandha tintuża mill-fornituri tas-servizz.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 2 TFUE, tal-Artikolu 20 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn l-inċertezza legali dwar kif għandu jiġi kkalkolat in-numru ta’ “riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni” twassal għal applikazzjoni arbitrarja tal-livell minimu għall-klassifikazzjoni bħala pjattaformi online kbar ħafna stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2022/2065.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn l-obbligi ta’ diliġenza imposti fuq pjattaformi online kbar ħafna jiksru b’mod sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti peress li Stripchat ma tippreżentax ir-riskji u l-perikli sistemiċi ta’ pjattaformi online kbar ħafna li r-Regolament 2022/2065 huwa intiż li jindirizza.

____________

1 ĠU 2022 L 277, p. 1.