Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 – WebGroup Czech Republic vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-13/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: WebGroup Czech Republic, a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: M. Pinto de Lemos Fermiano Rato u A. Kontosakou, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8850 finali tal-20 ta’ Diċembru 2023 li tindika lil XVideos bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn din timponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament 2022/2065 li jirrikjedi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom sabiex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta’ għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b’diversi kriterji u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2) tiegħu, għall-perijodu kollu li matulu jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom; u

tiddikjara l-inapplikabbiltà parzjali tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2022/2065 sa fejn jimponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu taħt l-Artikolu 39(1) li jirrikjedi li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom sabiex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta’ għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b’diversi kriterji u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2) tiegħu, għall-perijodu kollu li matulu jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv li ġej.

Motiv li jallega li l-obbligu impost fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 39(1) tar-Regolament 2022/2065 li jagħmel disponibbli għall-pubbliku repożitorju li jkun fih mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu (39)(2) tiegħu huwa illegali peress li jikser id-dritt ta’ kunfidenzjalità tar-rikorrenti u ta’ min jirreklama fis-sit tagħha kif ukoll id-dritt fundamentali tar-rikorrenti ta’ libertà ta’ impriża [l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] u d-dritt tagħha għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

____________

1     Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).