Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2024 – Airbus Defence and Space u Marlink Events vs AED

(Kawża T-105/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Airbus Defence and Space SAS (Toulouse, Franza), Marlink Events SAS (Choisy-le-Roi, Franza) (rappreżentanti: F. Salat-Baroux u M. Lordonnois, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (i) tat-12 ta’ Diċembru 2023 li tiċħad l-offerta tal-konsorzju kompost mill-kumpanniji Airbus Defence and Space SAS u Marlink Events SAS sottomessa fil-kuntest tas-sejħa għal offerti 23.ISE.JP.001 dwar il-kuntratt ta’ provvista ta’ frekwenzi C, Ku, (civ)Ka, L u UHF għall-komunikazzjoni satellitari, (mil)Ka u tagħmir tal-frekwenzi X u servizzi relatati u li tiddeċiedi li tagħti l-imsemmi kuntratt lill-kumpannija Telespazio France SAS, (ii) tat-23 ta’ Jannar 2024 li tiddeċiedi li tneħħi s-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt 23.ISE.JP.001 deċiża fit-8 ta’ Jannar 2024 b’konsegwenza tal-osservazzjonijiet tal-kumpannija Airbus Defence and Space SAS u li tikkonferma r-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti 23.ISE.JP.001 li tagħti l-kuntratt lill-kumpannija Telespazio France SAS u (iii) tal-24 ta’ Jannar 2024 li tiffirma l-kuntratt 23.ISE.JP.001 mal-kumpannija Telespazio France SAS;

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tħallas lill-kumpannija Airbus Defence and Space ammont ta’ EUR 21 650 734 li jikkorrispondi għad-dannu mġarrab minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati u tikkumpensa lil Marlink ammont ta’ EUR 2 552 350 li jikkorrispondi għad-dannu mġarrab minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati, fejn dawn l-ammonti għandhom jiġu miżjuda bl-interessi moratorji u għandhom jiġu kkapitalizzati;

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw saba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq żball ta’ liġi fir-raġunijiet għar-rifjut ta’ komunikazzjoni tad-detall tan-nota finanzjarja miksuba għal kull kandidat billi s-sempliċi informazzjoni relatata ma’ din in-nota, meħtieġa mill-Artikolu 170 tar-Regolament 2018/1046 tat-18 ta’ Lulju 2018, ma tikkostitwixxix vjolazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-offerti ta’ kull kandidat.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-konformità tal-offerta tal-offerent rebbieħ billi l-awtorità kontraenti ma żguratx ruħha għalkollox li l-offerent rebbieħ kien wera korrettament li ġew issodisfatti r-rekwiżiti kollha meħtieġa mid-dokumenti tal-konsultazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ żnaturament fl-eżami tal-offerti rispettivi taż-żewġ kandidati fir-rigward tas-sub-subkriterju opzjonali O-007 tas-subkriterju 4 tal-kriterju “Technical Award Criteria”, billi l-offerent rebbieħ ma weriex li kien f’qagħda li jissodisfa dan is-sub-subkriterju, billi ebda kapaċità UHF ma kienet disponibbli fis-suq, u l-karatteristiċi tas-servizz UHF propost mir-rikorrenti jmisshom wasslu biex dan is-servizz jingħata punteġġ massimu.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żnaturament fl-eżami tal-offerta tal-offerent rebbieħ fir-rigward tas-sub-subkriterju “Scenario C” tas-subkriterju 3 tal-kriterju “Technical Award Criteria”, billi l-offerent rebbieħ ma weriex li kellu kuntratt konkluż qabel is-sejħa għal offerti ma’ wieħed mill-operaturi satellitari li kienu joffru s-servizz LEO mitlub taħt dan is-sub-subkriterju.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żnaturament fl-eżami tal-offerta tal-offerent rebbieħ fir-rigward tas-sub-subkriterji opzjonali O-003 u O-004 tas-subkriterju 4 tal-kriterju “Technical Award Criteria”, billi l-offerent rebbieħ ma weriex li kellu kuntratti konklużi qabel is-sejħa għal offerti ma’ wħud mill-operaturi satellitari li kienu joffru s-servizzi meħtieġa taħt dawn iż-żewġ sub-subkriterji opzjonali.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq żnaturament fl-eżami tal-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tas-sub-subkriterju “equipment” tas-subkriterju 2 tal-kriterju “Technical Award Criteria”, billi r-rikorrenti effettivament ipprovdew l-estensjoni ta’ garanzija kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni mitluba għat-terminali u billi l-awtorità kontraenti missha, fi kwalunkwe każ, bagħtet talba għal kjarifika lir-rikorrenti ġaladarba kellha mistoqsijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni pprovduta.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żnaturament fl-eżami tal-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tas-sub-subkriterju “Scenario B” tas-subkriterju 3 tal-kriterju “Technical Award Criteria” billi t-tweġibiet ipprovduti mir-rikorrenti kienu jidħlu fil-portata tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

____________