Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Mejju 2010 - Ir-Repubblika tal-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-240/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: M. Fehér, K. Szíjjártó, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/135/UE, tat-2 ta' Marzu 2010, dwar it-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-patata (Solanum tuberosum L. linja EH92-527-1) modifikat ġenetikament għal kontenut miżjud tal-komponent amylopectin tal-lamtu;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/136/UE, tat-2 ta' Marzu 2010, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' għalf magħmul mill-patata modifikata ġenetikament EH92-527-1 (BPS-25271-9) u traċċi tekniċi li ma jistgħux jiġu evitati jew aċċidentali tal-patata fl-ikel u prodotti oħra tal-għalf taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

sussidjarjament, f'każ li l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/136 jiġi miċħud, tannulla l-Artikolu 2(b) u (ċ) tal-imsemmija deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/135/UE 1 u 2010/136/UE 2.

Fl-ewwel motiv tagħha r-rikorrenti ssosnti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta' prekawzjoni, billi aġixxiet bi ksur ta' dan il-prinċipju meta awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-patata msemmija "Amflora", modifikata permezz ta' teknoloġija ġenetika (iktar 'il quddiem il-patata ĠM), li matul l-evalwazzjoni tar-riskji relatati magħha, irriżulta tħassib li jindika li - fid-dawl tal-għan ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent - din l-awtorizzazzjoni setgħet twassal għal effetti noċivi għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq hija bbażata fuq evalwazzjoni mhux fondata jew, iktar preċiżament, imperfetta fir-rigward ta' diversi aspetti, u dan jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

F'dak li jikkonċerna r-riskji għas-saħħa marbuta mal-patata ĠM inkwistjoni, ir-rikorrenti tosserva li din il-patata għandha marka ġenetika ta' reżistenza għall-antibijotiċi attwali u li t-trasferiment ta' dawn il-ġeni mill-veġetali ġenetikament modifikati fil-batteri jirrappreżenta riskji kemm għas-saħħa tal-bniedem u għal dik tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent, fatt li, fid-dawl b'mod partikolari tal-ħtieġa ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, ma jistax jiġi aċċettat, u li jeżisti, għall-inqas fir-rigward ta' dawn ir-riskji, grad għoli ta' inċertezza xjentifika, li l-Kummissjoni ma warrbitx b'mod konvinċenti. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq tmur kemm kontra l-prinċipju ta' prekawzjoni, jew għall-espressjoni konkreta ta' dan il-prinċipju u kif ukoll kontra l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/18/KE 3. Barra minn hekk, l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li serviet ta' bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tmur kontra l-evalwazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali u tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fl-oqsma segwenti, l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali hija inkompleta jew insuffiċjenti:

nuqqas ta' provi f'għelieqi fil-miftugħ f'reġjun bijoġeografiku tal-Unjoni Ewropea,

nuqqas ta' studji tal-effetti fuq organiżmi mhux ċellulari, tal-effetti kumulattivi fuq żmien twil kif ukoll fuq nuqqas ta' studji tal-effetti fuq id-dinamika tal-popolazzjonijiet u fuq id-diversità ġenetika,

nuqqas ta' studji tal-effetti eventwali fuq is-saħħa tal-annimali u tal-konsegwenzi possibbli fuq il-katina tal-ikel.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 4. F'dan ir-rigward hija ssostni n-natura illegali tal-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/136/UE - li jawtorizzaw il-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta' OĠM fi proporzjon massimu ta' 0.9 % fl-ikel jew fl-għalf għall-annimali, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1829/2003 ma jinkludi l-ebda marġni ta' tolleranza ta' dan it-tip, u li ma jagħtix il-possibbiltà lill-Kummissjoni li tapplika tali marġni f'każ ta' preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta' OĠM.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/135/UE, tat-2 ta' Marzu 2010, dwar it-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-patata ( Solanum tuberosum L. linja EH92-527-1) modifikat ġenetikament għal kontenut miżjud tal-komponent amylopectin tal-lamtu (ĠU L 53, p. 11).

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/136, tat-2 ta' Marzu 2010, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' għalf magħmul mill-patata modifikata ġenetikament EH92-527-1 (BPS-25271-9) u traċċi tekniċi li ma jistgħux jiġu evitati jew aċċidentali tal-patata fl-ikel u prodotti oħra tal-għalf taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 53, p. 15).

3 - Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).

4 - Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).