Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awwissu 2011 - Computer Resources vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

(Kawża T-422/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Computer Resources International (Dommeldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta' Lulju 2011, li tiċħad l-offerti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta' proċedura ta' sejħa għal offerti Nru AO 10340 "Servizzi informatiċi - żvilupp ta' softwer, manutenzjoni, konsulenza u assistenza għal tipi differenti ta' applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika" (ĠU 2011/SS 66-106099); u

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-konvenut injora rekwiżit formali essenzjali, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda raġunament f'dak li jirrigwarda l-motivi partikolari li l-awtorità kontraenti ħadet inkunsiderazzjoni meta kkonkludiet li l-offerta tar-rikorrenti kienet baxxa b'mod anormali.

It-tieni motiv jallega li l-konvenut kiser il-proċedura applikabbli, kif stabbilita fl-Artikolu 139 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 1.

It-tielet motiv jallega li l-konvenut għamel użu ħażin minn proċedura jew ħareġ id-deċiżjoni tiegħu mingħajr bażi legali xierqa jew tal-inqas żbalja f'dak li jirrigwarda r-raġunament tiegħu, peress li l-kjarifiki mogħtija mir-rikorrenti ma nftiehmux u baqgħu mhux imwieġba.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej