Language of document : ECLI:EU:T:2014:927

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Novembru 2014 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi informatiċi għall-iżvilupp u manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Offerta anormalment baxxa — Artikolu 139(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Għażla tal-bażi legali — Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża T‑422/11,

Computer Resources International (Luxembourg) SA, stabbilita f’Dommeldange (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn S. Pappas, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Delaude u D. Calciu, sussegwentement minn S. Delaude, bħala aġenti, assistiti minn E. Petritsi, avukat,

konvenuta,

li għandha bħaal suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Lulju 2011 li ma tagħżilx l-offerti sottomessi mill-konsorzju ffurmat mir-rikorrenti u minn kumpannija oħra għall-lottijiet Nru 1 u 3 bħala parti mill-proċedura għal sejħa għal offerti AO 10340, dwar il-provvista ta’ servizzi informatiċi għall-iżvilupp u manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi (ĠU 2011/S 66‑106099), u li tagħti l-kuntratti qafas lil offerenti oħra,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, li qed jaġixxi bħala President, I. Pelikánová u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-5 ta’ April 2011, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 66-106099), u ġiet ippubblikata rettifika fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2011/S 70-113065), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UP) nieda s-sejħa għal offerti AO 10340 (“ Servizzi informatiċi — żvilupp ta’ softwer, manutenzjoni, konsulenza u assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika”).

2        Skont l-avviż ta’ kuntratt, is-servizzi inkwistjoni kienu maqsuma f’erba’ lottijiet, it-tnejn li huma affettwati minn dan ir-rikors huma l-lott Nru 1, dwar l-“[is-]sostenn u [l-]applikazzjonijiet amministattivi speċjalizzati” u l-lott Nru 3, għal “katini ta’ produzzjoni u ta’ riċezzjoni.”

3        L-għan tas-sejħa għal offerti huwa li jiġu konklużi, għal kull lott, kuntratti qafas ġodda għal servizzi sabiex jissostitwixxu l-kuntratti qafas li waslu li jiskadu. Fl-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt, l-UP kien speċifika li, għal kull lott, l-offerenti kienu ntgħażlu skont il-“mekkaniżmu ta’ kaskata” u li l-kuntratti qafas ser jiġu ffirmati, għal tul ta’ erba’ snin, mal-offerenti li ppreżentaw it-tliet offerti l-iktar vantaġġużi ekonomikament, ikklassifikati skont il-valur għall-flus taghhom.

4        L-avviż tal-kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu li, għal kull lott, l-offerti ġew evalwati skont il-kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Kull offerta kellha tkun evalwata sabiex jiġi ddeterminat sa fejn hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti, peress li t-tliet offerti magħżula kienu dawk li jirrappreżentaw l-aħjar valur għall-flus. Il-kwalità, jiġifieri l-evalwazzjoni teknika, kienet tammonta għal 50 % u l-prezz, jiġifieri l-evalwazzjoni finanzjarja, għal 50 % (punt 2.9 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

5        Ir-rikorrenti, Computer Resources International (Luxembourg) SA, u Intrasoft International SA ippreżentaw, flimkien f’konsorzju (iktar ʼil quddiem il-“konsorzju”), offerti għal-lottijiet Nri 1 u 3 (iktar ʼil quddiem l-“offerti tar-rikorrenti”).

6        Fis-27 ta’ Ġunju 2011, l-UP bagħat lir-rikorrenti, għall-konsorzju, talba għal informazzjoni, li fiha talabha tispjega l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz għal kull persuna kuljum fl-offerti finanzjarji tagħha. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata fil-kuntest ta’ eżami ta’ dan il-prezz, li fir-rigward tiegħu l-UP kien indika li huwa seta’ jitqies anormalment baxx fis-sens tal-Artikolu 139 tar-Regolament (KE, Euratom) tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ʼil quddiem ir-“Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni”).

7        Fid-29 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti rrispondiet, bħala r-rappreżentant tal-konsorzju, għat-talba għal informazzjoni mill-UP tas-27 ta’ Ġunju 2011 (iktar ʼil quddiem ir-“risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011”), u sostniet li l-prezz għal kull bniedem kuljum fl-offerti tagħha seta’ jiġi spjegat mill-organizzazzjoni interna tal-konsorzju u t-titjib tal-bilanċ bejn l-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar fil-Lussemburgu u dawk fir-Rumanija. Hija indikat, barra minn hekk, li l-konsorzju kien osserva l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u dik Rumena dwar l-impjiegi, speċjalment fir-rigward tas-salarju minimu. Hija żiedet li, fir-rigward tal-attivitajiet tal-konsorzju fir-Rumanija, fid-dawl tat-tul ta’ erba’ snin tal-kuntratt, is-salarju minimu kien irduppjat sabiex tiġi kkunsidrata l-inflazzjoni f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, hija pprovdiet lill-UP informazzjoni ddettaljata dwar l-osservanza, fl-offerti tagħha, taż-żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-impjieg.

8        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2011 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-UP informa lir-rikorrenti, bħala rappreżentant tal-konsorzju, minn naħa, biċ-ċaħda tal-offerti tagħha għal-lottijiet Nru 1 u 3, minħabba n-natura anormalment baxxa, u, min-naħa l-oħra, bl-isem tal-offerenti li l-offerti tagħhom kienu ntgħażlu. Hija ppreċiżat ukoll li l-konsorzju seta’ jitlob iktar spjegazzjoni addizzjonali fuq l-imsemmija ċaħda.

9        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti informa lill-UP bin-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li talbet ċertu numru ta’ spjegazzjonijiet, b’mod partikolari dwar il-kriterji li abbażi tagħhom l-offerti tagħha kienu tqiesu bħala anormalment baxxi. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-UP li tibgħatilha, għal-lottijiet Nru 1 u 3, l-evalwazzjonijiet tekniċi tal-offerti tagħha u dawk tal-offerenti magħżula skont il-“mekkaniżmu ta’ kaskata” kif ukoll il-marki mogħtija lil dawn l-offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li jiġi kkonfermat li “l-offerta anormalment baxxi tikkonċerna biss il-prezzijiet extramurali biss [jiġifieri l-prezzijiet tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti barra l-bini tal-UP], peress li l-prezzijiet intramurali [, jiġifieri l-prezzijiet tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti fil-bini tal-UP, kienu] l-istess bħal dawk li [kienu] ġew proposti u aċċettati” fl-offerti sottomessi bħala parti mill-proċeduri għal sejħa għal offerti preċedenti u li kienu aċċettati mill-awtorità kontraenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjarat li l-prezzijiet tagħha extramurali medji fi ħdan il-preżenti proċedura ta’ sejħa għal offerti kienu ogħla mill-prezzijiet medji proposti f’sejħa għal offerti preċedenti, li fil-kuntest tagħha huma ma kinux ġew miċħuda bħala li kienu anormalment baxxi.

10      Fis-27 ta’ Lulju 2011, l-UP ċaħad dawn il-kontestazzjonijiet, filwaqt li bagħat lir-rikorrenti siltiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni, li waħda minnhom fiha r-raġunijiet għaliex l-offerti tagħha kienu meqjusa anormalment baxxi minħabba l-prezz tagħhom. Skont din is-silta, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, bħala rappreżentant tal-konsorzju, fir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011 (iktar ʼil quddiem l-“ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011”), li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi kif ukoll il-post fejn jinsab il-persunal fir-Rumanija, kienet f’kontradizzjoni mal-offerti tagħha u, għaldaqstant, ma setgħux jiġi aċċettati. Is-siltiet l-oħra mir-rapport ta’ evalwazzjoni kellhom informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-offerti tar-rikorrenti u dawk tal-offerenti magħżula. Barra minn hekk, l-UP qies li l-offerti tar-rikorrenti ma setgħux jitqabblu mal-offerti sottomessio bħala parti mill-proċeduri ta’ sejħa għal offerti preċedenti u li, fi kwalunkwe każ, xi paraguni magħmula mir-rikorrenti kienu żbaljati.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      Peress li l-Kummissjoni Ewropea u l-UP kienu kkonfermaw, fuq talba tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni għandha titqies bħala l-uniku konvenuta f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, approvat ir-rettifika tal-isem tal-konvenut.

14      B’digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Computer Resources International (Luxembourg), T‑422/11 R (EU:T:2011:566), il‑President tal‑Qorti Ġenerali ċaħad it‑talba għal miżuri provviżorji tar‑rikorrenti minħabba li hija ma kinitx ipprovat li kien hemm riskju li hija tbati dannu gravi u irreparabbli fl‑assenza tal‑miżuri provviżorji mitluba.

15      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Peress li membru tad-Disa’ Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-25 ta’ Ġunju 2014.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-proċedura applikabbli, u t-tielet nett, fuq użu ħażin ta’ poter jew fuq bażi legali żbaljata.

20      Preliminarjament, għandu jitqies li l-UP għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-elementi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika li r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni huma osservati, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball gravi u ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑377/07, EU:T:2011:731, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur ta’ formalità sostanzjali

21      Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, ir-rifjut ta’ offerta għall-motiv li l-prezz propost fiha huwa anormalment baxx għandu jkun motivat b’mod speċifiku, peress li l-motivazzjoni għandha tikkorrispondi għall-motiv speċifiku li fuqu hija bbażata ċ-ċaħda. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni relatata mal-motivi speċifiċi kkunsidrati mill-awtorità kontraenti sabiex tikkonkludi li l-offerti tar-rikorrenti kienu anormalment baxxi. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tinjora formalità sostanzjali, peress li din il-lakuna ma tistax timtela b’riferiment għal dokumenti oħra.

22      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

23      Għandu jinftiehem li, b’dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Għandu jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-rispett għall-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza saħansitra iktar fundamentali. Dawk il-garanziji jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tagħti motivazzjoni b’mod suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss b’hekk li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjoni tagħha humiex issdosfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14 ; is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, EU:T:2008:324, punt 54).

25      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma l-Artikolu 100(2) tar-Regolament (KE, Euratom) tal-Kunsill Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ʼil quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u l-Artikolu 149 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni li jiddeterminaw il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerent li ma ntgħażilx bħala parti mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt speċifiku, u mhux, kif jidher li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, li tikkonċerna l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtorità kontraenti qabel ma tirrifjuta offerta li hija tqis bħala anormalment baxxa.

26      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u mill-Artikolu 149 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-awtorità kontraenti tissodisfa l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha jekk tillimita ruħha, qabel kollox, li tinforma immedjatament lill‑offerenti eliminati bil‑motivi taċ‑ċaħda tal‑offerta tagħhom u jekk tipprovdi, sussegwentement, lill‑offerenti li ppreżentaw offerta ammissibbli u li jressqu talba espressa għal dan l‑iskop, il‑karatteristiċi u l‑vantaġġi relatati mal‑offerta magħżula kif ukoll l‑isem tal‑offerent magħżul, f’terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata mid‑data tat‑talba bil‑miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs OEDT, T‑63/06, EU:T:2010:368, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, EU:T:2012:671, punt 45).

27      Dan il-metodu ta’ proċedura huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li skontu l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod, min-naħa, li jippermetti lill-interessati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata sabiex jinvokaw id‑drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi Evropaïki Dynamiki vs OEDT, punt 26 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:368, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Evropaïki Dynamiki vs EFSA, punt 26 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:671, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni punt 24 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:324, punt 49).

29      B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-UP issodisfax ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, għandha tiġi eżaminata d-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi d-deċiżjoni li tirrifjuta l-offerti tar-rikorrenti. Hemm lok li tiġi eżaminata wkoll l-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, indirizzata lir-rikorrenti, fit-terminu previst fl-Artikolu 149(3), tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, bi tweġiba għat-talba speċifika tagħha tal-25 ta’ Lulju 2011, intiża għal iktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni kkontestata.

30      F’din il-kawża, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, l-UP fisser lir-rikorrenti l-motivi li għalihom l-offerti tiegħu ġew miċħuda, jiġifieri l-fatt li dawn kienu anormalment baxxi. L-UP informa wkoll lir-rikorrenti bid-dritt tagħha li tikseb informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi għal din iċ-ċaħda.

31      B’hekk kif ġie indikat fil-punt 10 iktar ʼil fuq, wara talba għal spjegazzjonijiet ppreżentata mir-rikorrenti, l-UP, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, indika lil din tal-aħħar li l-offerti tagħha ma setgħux jitqabblu mal-offerti magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti preċedenti u li, fi kwalunkwe każ, ċerti paraguni li hija għamlet kienu żbaljati. Barra minn hekk, huwa bagħat lir-rikorrenti silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni li fiha r-raġunijiet għaliex l-offerti tagħha kienu tqiesu bħala anormalment baxxi minħabba l-prezz tagħhom.

32      F’din is-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni, kien indikat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma kinux eliminaw id-dubji dwar il-prezzijiet proposti fl-offerti tar-rikorrenti.

33      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, l-ewwel nett, erba’ elementi ta’ informazzjoni mibgħuta mir-rikorrenti, f’isem u għan-nom tal-konsorzju, ġew iċċitati jew riprodotti fit-termini li ġejjin:

“1. “Il-konsorzju tagħna rnexxielu jtejjeb u jibbilanċja l-attivitajiet fil-Lussemburgu u l-attivitajiet ‘(near [shore]/off shore)’ fir-Rumanija’’ ;

2. ʽProssimità tal-persunal: il-persunal proposti ser jinsab kemm fil-Lussemburgu (intra/extra [-murali], sabiex jiżguraw prossimità li hija assolutament essenzjali għal dan il-proġett) kif ukoll fir-Rumanija (extramurali);

3. [Il-Konsorzju] kkalkola huwa stess traiffa ta’ kuljum minimma għal-Lussemburgu ta’ EUR 138 ;

4. “‘Spejjeż ġenerali realistiċi: l-ispejjeż ġenerali tal-konsorzju tagħna huma inklużi (ġestjoni, spejjeż marbuta mal-infrastrutturi, spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ għixien għal persuni li huma ‘near shore/off shore’, l-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-impriża, l-ispejjeż ta’ stallazzjonijiet, spejjeż tal-infrastruttura ġenerali, etc.).” ”

34      It-tieni nett, f’din is-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni, kien indikat li, fir-rigward tal-punti 1 u 2 (“AD 1 + 2”) (ara l-punt 33 iktar ʼil fuq), l-attivitajiet “(near [shore]/offshore)” fir-Rumanija ma kinux issemmew fl-offerti tar-rikorrenti u li r-riżorsi umani proposti kollha kienu stabbiliti fil-Lussemburgu. Kien miżjud li, fil-parti tal-imsemmija offerti rigward il-kwalità teknika ta’ riżorsi umani proposti, kien ġie ppreċiżat li “[i]l-persuni nominati tekniċi proposti [ssodisfaw] il-kundizzjonijiet marbuta ma’ tul minimu ta’ tliet snin ta’ studji universitarji u ta’ esperjenza” u li “[h]uma jaħdmu wkoll f’distanza tas-sewqan mill-[UP].”.

35      Rigward il-punti 2 u 3 (“AD 2 + 3”) (ara l-punt 33 iktar ʼil fuq), kien iddikjarat li xi wħud mill-prezzijiet proposti mill-konsorzju għal kull persuna kuljum extramurali, jiġifieri “INF-SYS-TRAI — EUR 105” u “INF-SYS-END-USE-SUP — EUR 105”, kienu taħt it-tariffa minima ta’ kuljum fil-Lussemburgu, kif ikkalkulata mir-rikorrenti fir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011.

36      Dwar il-punt 4 (“AD 4”), kien speċifikat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni “kien iddubita li ANA‑PROG kien ikkwalifikat ħafna [aċċettat] sabiex jaħdem għal dan is-salarju minimu” u li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, fir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011, l-ispejjeż ġenerali ma setgħux jiġu inklużi fil-prezz għal kull persuna kuljum.

37      Is-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni inkludiet ukoll żewġ rimarki ġenerali li bihom il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien esprima d-dubji tiegħu dwar il-fatt li l-impjegati “PRO-MAN” u “TEC-CONS”, bi kwalifiki għolja, kienu lesti li jaħdmu, rispettivament, għal EUR 200 u EUR 210 għal kull persuna kuljum extramurali.

38      Fl-aħħar nett, is-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni kellha konklużjonijiet li skonthom l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi, kif ukoll il-post fejn jinsab il-persunal, kienu kuntrarji għall-offerti tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ma setgħux jiġu aċċettati.

39      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tidentifika r-raġunijiet speċifiċi tad-deċiżjoni għaċ-ċaħda tal-offerti tagħha. Fil-fatt, l-UP iġġustifika b’mod ċar id-deċiżjoni li jitwarrbu dawn l-offerti, minn naħa waħda, billi rrileva l-fatturi ta’ spjegazzjoni li kienu jidhrulu li huma ġodda meta mqabbla ma’ dawn l-offerti u l-kontradizzjonijiet li qies li jeżistu bejn l-imsemmija offerti u l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 u, min-naħa l-oħra, billi invoka l-allegata natura anormalment baxxa ta’ dawn l-istess offerti minħabba l-prezz tagħhom.

40      L-UP b’hekk ikkunsidra li l-offerti tar-rikorrenti kienu bbażati fuq il-persunal ibbażat fil-Lussemburgu u li jaħdem f’distanza ta’ sewqan mill-UP, u mhux fuq il-persunal ibbażat fir-Rumanija u fuq is-servizzi pprovduti f’dan l-Istat Membru. Minn dan huwa ddeduċa li l-imsemmija offerti kienu anormalment baxxi, peress li, minn naħa, għal ċerti profili, it-tariffi msemmija kienu inqas mit-tariffa minima ta’ kuljum fil-Lussemburgu, kif ikkalkulata mir-rikorrenti fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011 u, min-naħa l-oħra, għal ċerti profili oħra, ma kienx ekonomikament realistiku li jitqies li l-persunal propost f’dawn l-offerti kien ser jaċċetta li jaħdem, fil-Lussemburgu, bit-tariffa proposta.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-UP, fl-ittri tiegħu kif ukoll fis-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni anness mal-ittra tal-27 ta’ Lulju 2011, ta motivazzjoni suffiċjenti fid-dritt għaċ-ċaħda tal-offerti tar-rikorrenti. Għandu jiġi konkluż li huwa ssodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 149 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni.

42      L-ewwel nett, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-fatt li hija setgħet tkun informata bil-karatteristiċi u bil-vantaġġi relattivi għall-offerti magħżula kien irrilevanti, peress li r-rifjut tal-offerti tagħha ma kienx ibbażat fuq tqabbil tagħhom mal-offerti magħżula.

43      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-UP effettivament ma indikax il-possibbiltà għar-rikorrenti li tkun infurmata bil-karatteristiċi u bil-vantaġġi relattivi tal-offerti magħżula. Jekk ir-rikorrenti ma kinitx interessata fil-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, evidentement ma kinitx obbligata li tistaqsi għaliha. Jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 149(3) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, l-UP kien marbut li jindikalha din il-possibbiltà.

44      It-tieni nett, in-natura suffiċjentement motivata taċ-ċaħda tal-offerti tar-rikorrenti ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kisret rekwiżit essenzjali previst fl-Artikolu 147(3) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni. Skont ir-rikorrenti, jekk id-deċiżjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni għandha ssemmi biss il-motivi ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ offerta mal-kriterji ta’ għażla jew il-fatt li offerta ma hijiex l-aħjar waħda, minħabba l-kriterji ta’ għoti, dispożizzjoni partikolari hija prevista fil-każ taċ-ċaħda ta’ offerta minħabba n-natura anormalment baxxa tagħha. Għaldaqstant, f’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata kisret dan ir-rekwiżit essenzjali.

45      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu, li hija kkontestata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 147 tar-Regoli Ddettaljati għall‑Implementazzjoni jirrigwarda, kif jindika t-titolu tagħhom, ir-riżultat tal-evalwazzjoni. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jirrigwardaw il-minuti ta’ evalwazzjoni filwaqt li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jirrigwarda d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti. Għalkemm l-Artikolu 147(3) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni jispeċifika l-informazzjoni li għandha tinsab f’din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li dawn għandhom ikunu speċifikati fl-ittra li tikkomunika l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni lill-offerenti mhux magħżula. Il-komunikazzjoni bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti, b’mod partikolari dawk mhux magħżula, kif ukoll il-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni huma, fil-fatt, irregolati mill-Artikolu 149 tar-Regoli Ddettaljatati għall-Implementazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 147 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni huwa irrilevanti sabiex ikun determinat il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti, fir-rigward tal-offerent mhux magħżul, rigward l-ittra li tikkomunikalu l-kontenut tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti.

46      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-proċedura applikabbli

47      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, il-ksur tal-proċedura prevista fl-Artikolu 139(1) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni u, b’mod iktar ġenerali, il-ksur ta’ dan l-artikolu sa fejn hija tikkontesta l-fondatezza tar-rifjut tal-offerti tagħha sa fejn kienu anormalment baxxi.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

49      Skont l-Artikolu 139(1) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, jekk, għal kuntratt partikolari, offerti għal xogħol bl-appalt jidhru li huma anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tirrifjuta tali offerti għal dan il-motiv biss, titlob, bil-miktub, id-dettalji tal-elementi kostitwenti tal-offerta li hi tqis rilevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li jkunu nstemgħu l-partijiet kif dovut, filwaqt li jitqiesu l-ispjegazzjonijiet riċevuti.

50      Fl-ewwel lok, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-offerti tagħha tista’ tinstab fl-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti tixtieq li jiġi rrilevat li l-motiv għal dan ir-rifjut, aċċettat mill-UP f’din l-ittra, kien in-natura anormalment baxxa tal-prezzijiet proposti. Issa, il-motivazzjoni li kellha tiżdied meta jirreferi għar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma għandha l-ebda rabta ma’ dan il-motiv u huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċċita l-konklużjoni ta’ dan ir-rapport, li tgħid li “l-informazzjoni ipprovduta mir-rikorrenti fir-risposta tagħha, li tikkonċerna l-post ta’ provvista tas-servizzi kif ukoll fejn jinsab il-persunal fir-Rumanija, [“kienet] f’kontradizzjoni [mal-]offert[i] u, għaldaqstant, [ma setgħetx] tiġi aċċettata.

51      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni għar-rifjut tal-offerti tagħha li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni ma għandha ebda rabta mal-motiv tar-rifjut imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata.

52      Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

53      Fil-fatt, għandu jtqies li, sa fejn ir-rikorrenti biħsiebha sssostni li l-offerti tagħha ġew miċħuda għal motiv barra minn dak tan-natura anormalment baxx tal-prezz tagħha, l-eżami ta’ dan l-ilment huwa l-motiv ibbażat fuq bażi legali żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li diġà ġie konkluż, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, li l-UP ipprovda motivazzjoni suffiċjentement iddettaljata dwar il-motiv għaċ-ċaħda tal-offerti tar-rikorrenti. Fil-fatt, huwa spjega r-raġunijiet speċifiċi għaliex l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma kinux eliminaw id-dubji dwar il-prezzijiet proposti fl-imsemmija offerti u indika r-raġunijiet għaliex kien qies li dawn kienu anormalment baxxi minħabba dawn il-prezzijiet (ara l-punti 39 sa 46 iktar ʼil fuq).

55      Fl-aħħar nett, għandha tinqara l-konklużjoni msemmija fis-silta tar-rapport ta’ evalwazzjoni u ċċitata mir-rikorrenti fil-kuntest tagħha (ara l-punti 32-38 iktar ʼil fuq). Is-silta tibda bid-dikjarazzjoni li tgħid li, wara li għamel analiżi tar-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-kumitat ta’ evalwazzjoni wasal għall-konklużjoni li l-offerti tar-rikorrenti kellhom jiġu miċħuda minħabba prezzijiet anormalment baxxi. Insegwitu hemm analiżi tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, dwar il-prezzijiet meqjusa mill-awtorità kontraenti bħala li kienu anormalment baxxi, u peress li din l-analiżi tenfasizza inkonsistenzi bejn l-imsemmija spjegazzjonijiet u l-offerti tar-rikorrenti, tqajjem dubji dwar ir-realiżmu ekonomiku tal-prezzijiet proposti għal ċerti profili u tikkontesta l-inklużjoni ta’ ċerti spejjeż f’dawn l-istess prezzijiet. Is-silta tintemm bil-konklużjoni ċċitata mir-rikorrenti, li tiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għaliex l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma setgħux jiġu kkunsidrati minħabba l-inkonsistenza tagħhom mal-kontenut tal-offerti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din il-konklużjoni ma kinitx irrilevanti fir-rigward tal-motiv għar-rifjut tal-offerti tagħha, f’dan il-każ il-prezz anormalment baxx tagħha, u l-motivazzjoni li l-UP żied, meta rrefera għar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, ma kinitx nieqsa minn rabta mal-imsemmi motiv.

56      Fit-tieni lok, l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, tal-ġustifikazzjoni mressqa mir-rikorrenti fir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011 kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni u tal-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispjegazzjonijiet tagħha, ma kienx hemm ebda diskussjoni xierqa, iżda pjuttost monologu tal-UP. Għalkemm ir-rikorrenti taċċetta li l‑awtorità kontraenti ma hijiex marbbuta li jkollha djalogu bla tmiem ma’ offerent, hija ssostni li dan tal-aħħar għandu jitħalla l-opportunità li jiġġustifika l-offerta tiegħu.

57      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet sabiex jiġġustifika l-karatteristiċi tal-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa. Barra minn hekk, l-obbligu li tiġi vverifikata s-serjetà ta’ offerta huwa wkoll suġġett għall-fatt li qabel kienu jeżistu dubji fir-rigward tal-affidabbiltà tagħha, filwaqt li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni li l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu huwa li jippermetti li offerent ma jiġix eliminat mill-proċedura mingħajr ma jkollu l-possibbiltà li jiġġustifika l-kontenut tal-offerta tiegħu li tidher anormalment baxxa (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, PC-Ware Information Technologies vs Il-Kummissjoni, T‑121/08, Ġabra, EU:T:2010:183, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, sa fejn l-UP kellu dubji dwar l-affidabbiltà tal-offerti tar-rikorrenti, kellu l-obbligu li jagħtiha l-opportunità li tiġġustifika l-kontenut tal-offerti tagħha li kienu jidhru li huma anormalment baxxi għalih.

59      F’dan il-każ, l-UP issodisfa dan l-obbligu.

60      Fir-replika tagħha, l-argument tar-rikorrenti huwa ċertament ambigwu f’dan ir-rigward, peress li tammetti li ngħatat il-possibbiltà li tispjega l-kontenut tal-offerti tagħha, filwaqt li jinftiehem ukoll bil-maqlub. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li ntbagħtitilha biss ittra ta’ talba għal spjegazzjonijiet, li ma kinitx suffiċjenti sabiex titqies li l-proċedura prevista fl-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni ġiet osservata.

61      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 139(1) tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni, l-UP ta lir-rikorrenti l-possibbiltà li tispjega l-kontenut tal-offerti tagħha. Fil-fatt, b’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2011, l-UP bagħat lir-rikorrenti, bħala rappreżentant tal-konsorzju, talba għal informazzjoni, li fih talabha sabiex tispjega l-modalitajiet tal-kalkolu tal-prezz għal kull persuna kuljum fl-offerti tagħha (ara l-punt 6 iktar ʼil fuq). Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba bir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011.

62      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssotni li l-UP bagħtilha d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ppermettilha li tagħmel spjegazzjonijiet iktar ddettaljati u iktar kompluti sabiex tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-replika, ir-rikorrenti taċċetta li l-UP ma kienx marbut li jkollu djalogu mingħajr tmiem mal-konsorzju.

63      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jiddispjaċiha mill-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, mis-silta tar-rapport ta’ evalwazzjoni, mibgħuta lir-rikorrenti, jirriżulta l-UP kkunsidrahom, sa fejn huwa eżaminahom u qabbilhom mal-offerti tar-rikorrenti, qabel ma ċaħadhom (ara l-punti 31 sa 38 iktar ʼil fuq.

64      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ ksur tal-proċedura prevista fl-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni.

65      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis infondata l-ġustifikazzjoni mill-UP tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 u ssostni li l-UP fehemha ħażin.

66      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ dan l-ilment, hija invokat żball min-naħa tal-awtorità kontraenti fl-evalwazzjoni tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 u fiċ-ċaħda tal-offerti tagħha sa fejn dawn tal-aħħar kienu anormalment baxxi fis-sens tal-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettalajti ta’ Implementazzjoni.

67      L-ewwel nett, għandu jitqies li r-rikorrenti ma tistax tallega li l-UP wettaq żball sa fejn illimita ruħu li jiddikjara li l-prezzijiet proposti fl-offerti magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti preċedenti kienu irrilevanti, mingħajr spjegazzjoni oħra, sempliċement għaliex is-sejħiet għal offerti kienu indipendenti minn xulxin.

68      Fil-fatt, l-UP ċertament speċifika li l-evalwazzjonijiet kienu indipendenti għal kull sejħa għal offerti u li, konsegwentement, xi paraguni magħmula mir-rikorrenti ma’ kuntratt ieħor kienu irrilevanti. Iżda huwa żied li l-imsemmija paraguni kienu, barra minn hekk, żbaljati u indika r-raġunijiet. L-ewwel nett, skont l-UP, il-prezzijiet intramurali ma kinux identiċi fl-offerti tar-rikorrenti u f’dawk ippreżentati erba’ snin qabel. Barra minn hekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fir-risposta tad-29 ta’ Ġunju 2011, l-offerti tagħha ma wasslux għal prezzijiet iktar baxxi minn dawk indikati fl-offerti preċedenti, iċċitati mir-rikorrenti, għall-profili extramurali biss.

69      Barra minn hekk, huwa ġustament li l-UP qies li paragun tal-prezzijiet proposti fl-offerti tar-rikorrenti mal-prezzijiet proposti bħala parti minn proċeduri oħra ta’ sejħa għal offerti kien irrilevanti. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-ebda preċedent ma huwa irrilevanti meta jirrigwarda l-“istess kuntratt”, il-kontenut ta’ offerta għandha tiġi eżaminata fid-dawl tas-sejħa għall-offerti li għaliha tirrispondi.

70      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq żball meta bbaża d-dikjarazzjoni tiegħu, li tgħid li l-informazzjoni mogħtija ma tneħħix id-dubji kollha dwar il-prezzijiet proposti, abbażi tal-kunsiderazzjoni li r-riżorsi umani kollha proposti mill-konsorzju għandu jkollhom post li jinstab il-Lussemburgu. Fil-fatt, minkejja l-fatt li ma kienx hemm la obbligu u lanqas impenn li l-persunal ikun fil-Lussemburgu, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien assuma li l-persunal propost mill-konsorzju jinsab hemmhekk. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien segwa l-proċedura meta warrab l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, li fihom hija ppreċiżat li wħud mill-persuni li hija impjegat fil-Lussemburgu setgħu eventwlament jintbagħtu r-Rumanija, jekk ikun il-każ part-time. Il-persunal tal-viċinanza kien propost biss fl-offerti tar-rikorrenti għall-bżonnijiet tal-implementazzjoni diretta tal-proġett.

71      Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li tinsab taħt ir-riferiment “AD 2 + 3” (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) li “xi wħud mill-prezzijiet offruti mill-[konsorzju] għal kull persuna kuljum INF‑SYS‑TRAI — EUR 105 u INF-SYS-END-UŻU-SUP EUR 105 — [kienu] inqas mir-rata minima ta’ kuljum fil-Lussemburgu, kif [kienet rikorrenti kienet] ikkalkolat fir-[r]isposta tagħha [tad-29 ta’ Ġunju 2011]”, u d-dikjarazzjoni simili, imsemmija bir-referenza “AD 4” (ara l-punt 36 iktar ʼil fuq) ma humiex rilevanti f’dan il-każ, peress li, anki jekk is-salarji kienu relattivament baxxi għall-Lussemburgu, kellhom jiġu bbilanċjati mal-pagi Rumeni, sinifikattivament iktar baxxi.

72      Għandu jiġi rrilevat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni qies li l-prezzijiet proposti fl-offerti tar-rikorrenti għar-remunerazzjoni ta’ riżorsi umani kienu baxxi wisq għal persuni li jaħdmu fil-Lussemburgu. Minn naħa, huwa nnota li, għal xi wħud mill-profili proposti, il-prezzijiet kienu inqas mis-salarju minimu fil-Lussemburgu, kif ikkalkulat mir-rikorrenti fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011. Min-naħa l-oħra, huwa esprima dubji dwar il-fatt li, għal profili oħra proposti, impjegati b’ħiliet għolja kienu lesti li jaħdmu għall-prezzijiet indikati.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-prezzijiet indikati fl-offerti tagħha setgħu jiġu kkunsidrati, fiż-żewġ każijiet, bħala baxxi wisq għall-persunal li jaħdem fil-Lussemburgu.

74      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li skontha l-offerti tagħha kienu jinbidlu jekk l-spjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 kienu kkunsidrati. Skont ir-rikorrenti, l-awtorità kontraenti qieset, b’mod żbaljat, li kien neċessarju li jiġi ppreżentat fl-offerti persunal kollu li jista’ jkun involut fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu bidla fl-offerti tagħha.

75      Skont ir-rikorrenti, l-obbligu li jiġi ppreżentat fl-offerti l-persunal kollu li jista’ jkun involut fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma kienx, madankollu, tant ċar daqskemm tidher li temmen il-Kummissjoni.

76      Minn naħa, ir-rikorrenti tirrileva li, ċertament, fil-punt tagħha 4.3.3.4 (“Eżekuzzjoni tal-proġett”), “l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt [kienu jipprevedu] li r-riżorsi umani biss proposti mill-kuntrattur bħala parti mill-offerta tagħha [kienu] awtorizzati li jwettqu l-kompiti meħtieġa”. Madankollu, dan kien jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ proġett speċifiku bħala kuntratt qafas, b’mod partikolari l-ordnijiet jew il-kuntratti mogħtija skont kunsiderazzjonijiet ta’ ħin u ta’ riżorsi. Għaldaqstant, hemm dubju dwar jekk dan il-punt tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienx relatat mal-offerta tal-offerent għall-kuntratt qafas jew għall-offerta tal-kontraent għal proġett speċifiku.

77      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-klawżola 1.4.2 tal-kuntratt qafas, li tgħid li l-kontraent kellu jissottometti proposta fuq it-talba tal-awtorità kontraenti għal ordni jew kuntratt speċifiku, peress li l-imsemmija proposta għandha b’mod partikolari tinkludi l-curriculum vitae tal-persuni proposti għall-eżekuzzjoni u dikjarazzjoni dwar id-disponibbiltà tagħhom, l-unika interpretazzjoni plawżibbli tat-punt 4.3.3.4 tal-ispeċifikazzjonijiet kienet li huwa kien qed jirreferi għal din l-ordni jew dan il-kuntratt speċifiku. Għaldaqstant, l-awtorità kontraenti interpretat b’mod żbaljat u setgħet tqis biss li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma setgħux jiġu aċċettati.

78      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li dan l-obbligu jirrigwarda l-kuntratt qafas, dan ma setax jitqies bħala obbligu ġenerali. Fil-fatt, il-punt 3 (“Riżorsi umani u sostituzzjonijiet”) tal-punt 4.3.3.4 tal-ispeċifikazzjonijiet jirrigwarda biss il-proġetti li jinkludu kunsiderazzjonijiet ta’ żmien u ta’ mezzi, u mhux proġetti komprensivi.

79      Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, dwar il-post fejn ikunu pprovduti servizzi extramurali, ma jmorrux kontra l-obbligu li jiġi pprovdut biss il-persunal ippreżentat fl-offerti tar-rikorrenti, peress li tali obbligu, jekk jiġi preżunt li jeżisti, eżista biss għall-proġetti previsti skont kunsiderazzjonijiet ta’ ħin u ta’ riżorsi, li jikkostitwixxu biss, skont l-amministrazzjoni, parti żgħira mill-proġetti u ma jirriżultawx, b’hekk, deċiżivi għall-iffissar tal-prezz globali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tiddikjara li hija setgħet tipprovdi s-servizzi offerti bil-prezzijiet proposti fl-offerti tagħha, billi tikkumpensa għall-prezzijiet ogħla, għal proġetti bħal dawn bil-persunal ippreżentat fl-offerti, bi prezzijiet aktar baxxi, għall-proġetti komprensivi, peress li dawn l-aħħar prezzijiet kienu dovuti għall-kundizzjonijiet favorevoli fir-Rumanija. Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma kinux wasslu għal tibdil fl-offerti tagħha.

80      Għandu jiġi osservat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma rreferiex għall-curriculum vitae tal-persuni proposti fl-offerti tar-rikorrenti, iżda enfasizza l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-attivitajiet tal-konsorzju fir-Rumanija f’dawn l-offerti.

81      Barra minn hekk, huwa enfasizza li r-riżorsi umani kollha proposti fl-offerti tar-rikorenti kienu jinsabu fil-Lussemburgu u li r-rikorrenti, f’isem u għan-nom tal-konsorzju, kien speċifika li l-persuni proposti kienu jaħdmu f’distanza ta’ sewqan mill-UP. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u hija taċċetta li l-offerti tagħha ma jsemmux il-provvista ta’ servizzi fir-Rumanija.

82      Għaldaqstant, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 jikkostitwixxu bidla tal-offerti tagħha u ma setgħux jiġu aċċettati.

83      Fil-fatt, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk, kif ir-rikorrenti ssostni, offerent kienx intitolat li jbiddel, fil-konklużjoni tal-kuntratt qafas, il-curriculum vitae tal-persuni nominati, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-offerti tar-rikorrenti jispeċifikaw li l-persuni kollha proposti jaħdmu f’distanza ta’ sewqan mill-UP, li s-sede tiegħu huwa fil-Lussemburgu. Issa, la l-avviż tal-kuntratt u lanqas l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jimponu li fuq ir-rikorrenti li tifformula, fl-offerti tagħha, tali proposta dwar il-post fejn jinsab il-persunal tal-konsorzju. Għaldaqstant, din il-proposta għandha titqies bħala li tagħmel parti mill-offerti tar-rikorrenti.

84      Issa, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 1.10 tal-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt (“Perijodu ta’ validità tal-offerta”), offerta għandha tibqa’ miftuħa disa’ xhur wara l-iskadenza tal-offerta u, matul dan il-perjodu, l-offerenti għandhom iżommu l-kundizzjonijiet kollha tal-offerta tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif qalet il-Kummissjoni, li, skont il-punt 1.9 tal-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt (“Kundizzjonijiet ġenerali ta’ sottomissjoni ta’ offerta”), “[i]s- sottomissjoni ta’ offerta [kienet] torbot l-offerent matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jekk [kien] jingħata l-kuntratt”. Fl-aħħar nett, għandu jkun irrilevat li, skont il-punt 2.7.2, fl-aħħar, tal-speċifikazzjonijiet tal-kuntratt (“Evalwazzjoni tal-kriterji tekniċi ta’ għoti”), “jekk l-offerta ta’ offerent [kienet] lil hinn mir-rekwiżiti minimi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, din tal-aħħar [kienet] tibqa’ marbuta ma’ din l-offerta matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jekk hija [kienet] tingħata l-kuntratt”.

85      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx, mingħajr ma jinbidlu t-termini tal-offerti tagħha, tbiddel il-proposta li tinsab fihom, relatata mal-post fejn jinsab il-persunal tal-konsorzju.

86      Issa, għandu jitqies li l-persuni li jaħdmu fir-Rumanija ma jistgħux jitqiesu bħala persuni li jinsabu f’distanza ta’ sewqan u f’sitwazzjoni ta’ viċinanza tal-Lussemburgu.

87      Għaldaqstant, l-UP qies, ġustament, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, li skonthom il-persunal propost mhux neċessarjament jinsab f’distanza ta’ sewqan mill-UP, iżda ser ikun jinsab ukoll fir-Rumanija, kienu jikkostitwixxu bidla fl-offerti tar-rikorrenti. Minn dan iddeduċa, b’mod korrett fid-dritt, li ma setax jaċċetta dawn l-ispjegazzjonijiet, peress li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li bidla fl-offerti tagħha ma setgħetx tiġi aċċettata, f’dan l-istadju, mill-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 148 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni, li jipprojbixxu l-modifika tat-termini tal-offerta oriġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni, T‑216/09, EU:T:2012:574, punt 95).

88      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet imsemmija fl-offerti tar-rikorrenti għar-remunerazzjoni tar-riżorsi umani kellhom ikunu idonei mal-proposta relatata mal-post fejn huma dawn tal-aħħar, liema proposta tinsab ukoll fl-imsemmija offerti. Madankollu, ir-rikorrenti tressaq biss bħala spjegazzjoni ta’ dawn il-prezzijiet il-fatt li, għalkemm xi impjegati ser jaħdmu fil-Lussemburgu, oħrajn ser jaħdmu fir-Rumanija. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-prezzijiet indikati fl-offerti tagħha setgħu jitqiesu li huma anormalment baxxi għall-persunal li jaħdem fil-Lussemburgu.

89      Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma setgħux jippermettu li jaqjmu dubji mill-UP rigward il-prezzijiet proposti fl-offerti tar-rikorrenti u li kien iqis li huma anormalment baxxi.

90      Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li biha hija tikkontesta l-fondatezza tar-rifjut tal-offerta tiegħu minħabba n-natura anormalment baxxa tal-prezzijiet tagħha għandha tiġi miċħuda.

91      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti, li skontha hija tiddikjara li, peress li l-ispjegazzjonijiet ma jirrigwardawx l-offerti tagħha, hija ma setgħetx twassal għall-bidla tagħhom. Skont ir-rikorrenti, l-awtorità kontraenti wettqet żball meta żiedet kriterju ta’ għażla mal-kriterji tal-għoti u d-dokument li jissodisfa l-imsemmi kriterju ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mill-offerti.

92      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċċita l-Artikolu 138(2), l-Artikolu 137(1), kif ukoll l-Artikolu 137(2)(a) tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni. Barra minn hekk, hija tinvoka ġurisprudenza li skontha huma esklużi mill-“kriterji għall-għoti tal-kuntratti” dawk il-kriterji li ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, imma li huma essenzjalment marbuta mal-evalwazzjoni tal-idoneità tal-offerenti sabiex jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, Ġabra EU:C:2008:40, punti 29 u 30).

93      Hemm lok li jiġi rrilevat li, b’din l-argumentazzjoni, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni żied, matul l-evalwazzjoni tal-offerti, kriterju relatat mal-valur tekniku tal-gruppi, li kien jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla, u dan jimplika li d-dokument li jissodisfa dan il-kriterju ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mill-offerti tagħha u ma setax ibiddilhom.

94      Għandu jitqies li dan l-ilment ġie ppreżentat, għall-ewwel darba, fl-istadju tar-replika, mingħajr madankollu ma jirriżulta minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura jew li jikkostitwixxu amplifikazzjoni ta’ motiv spejgat fir-rikors. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

95      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbżat fuq użu ħażin ta’ poter jew fuq bażi legali żbaljata

96      Ir-rikorrenti ssostni qabel kollox li d-deċiżjoni li tiċħad l-offerti tagħha ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettalajti ta’ Implementazzjoni u li, għaldaqstant, hija tistrieħ fuq bażi legali żbaljata. Hija insegwitu tallega li, għall-finijiet taċ-ċaħda tal-offerti tagħha, l-UP biddel il-proċedura prevista minn din l-istess dispożizzjoni.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

98      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni jipprovdi biss il-każ tar-rifjut ta’ offerta li tidher anormalment baxxa u li, konsegwentement, ma tistax tintuża għall-finijiet li jiġi eskluż offerent peress li ma ddeskriviex kompletament l-operat tal-konsorzju fil-qasam tar-riżorsi umani.

99      Issa, skont ir-rikorrenti, l-offerti tiegħu ġew miċħuda biss peress li ma kinux kompleti u ddettaljati biżżejjed, billi dawn ma jirreferux għal parti mill-kumpanija li timpjega l-ħaddiema Rumeni. Fl-analiżi tiegħu tar-risposta tar-rikorrenti tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien indika li “l-attivitajiet imsemmija hawn fuq ʽesternalizzati fir-Rumanijaʼ [ma kinux] imsemmija fl-[offerti tar-rikorrenti].”. Din l-ommissjoni fl-offerti tar-rikorrenti ħalliet lill-kumitat ta’ evalwazzjoni marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex jevalwa jekk il-prezzijiet proposti fl-imsemmija offerti kinux anormalment baxxi. Skont ir-rikorrenti, l-unika raġuni possibbli għaċ-ċaħda tal-offerti tagħha kienet, jekk ikun il-każ, ċaħda meta jiġu kkunsidrati l-kriterji għall-għoti.

100    Fir-replika, ir-rikorrenti tosserva li l-kriterji għall-għoti jinkludu l-valur tekniku kif ukoll il-prezz u li, fil-każ ta’ dan tal-aħħar, l-offerti tagħha kienu ħafna aħjar minn offerti oħra. Madankollu, peress li r-rapport ta’ evalwazzjoni ma kienx inkluda l-klassifikazzjoni tal-prezzijiet, ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk l-offerti tagħha kellhomx l-aħjar valur għall-flus. Hija tqis, għaldaqstant, li l-uniku mod leġittimu li tiċħad l-offerti tagħha kien jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-avviż tal-kuntratt, inkluża l-evalwazzjoni globali tal-kwalità tat-tweġibiet tal-konsorzju, li dwarhom hija rrikonoxxiet li l-offerti tagħha setgħu kisbu klassifikazzjoni aktar baxxa mill-offerti tal-offerenti l-oħra, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza rigward l-operat tal-konsorzju fir-riżorsu umani. Fi kwalunkwe każ, il-kriterji għall-għoti relatati mar-riżorsi umani ma ġewx ikkunsidrati bħala kriterji għall-għoti, u dan kien wassal għal kontestazzjoni tal-legalità taċ-ċaħda potenzjali tal-offerta tal-konsorzju.

101    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-provvista ta’ servizzi, l-offerti ma setgħux jiġu kklassifikati bħala anormalment baxxi.

102    Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ma eżaminax kriterju ta’ evalwazzjoni relatat mar-riżorsi umani meta qabblet l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab il-persunal il-persunal propost mill-konsorzju u l-prezzijiet indikati. Huwa, f’dan l-istadju tal-proċeduri, illimita ruħu li jivverifika l-idoneità bejn il-prezzijiet indikati fl-offerta tar-rikorrenti, rigward ir-remunerazzjoni tar-riżorsi umani, l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, li skonthom dawn il-prezzijiet kienu marbuta mal-post fejn jinsabu r-riżorsi umani, u l-proposti rigward dan il-post fejn jinsabu fl-imsemmija offerti.

103    Sussegwentement, ir-rikorrenti b’mod żbaljat tafferma li l-offerti tagħha kienu, fil-fatt, ħallew barra xi informazzjoni, minħabba li l-konsorzju ma ddeskriviex kompletament l-operat tiegħu fil-qasam tar-riżorsi umani.

104    Fil-fatt, għandu jitqies li ma kien hemm xejn li jindika jew iħalli x’jifhem lill-awtorità kontraenti li xi informazzjoni kienet nieqsa fl-offerti tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, din tal-aħħar ġustament ikkonstatat li, meta r-rikorrenti kienet mistoqsija, bħala r-rappreżentant tal-konsorzju, fuq il-prezz tal-offerti tagħha, hija kienet biddlet l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsabu r-riżorsi umani, mikejja li din l-informazzjoni kienet ġiet inkluża fl-offerti tagħha mingħajr ma kienet marbuta biha bit-termini tas-sejħa għal offerti jew bl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 83 iktar ʼil fuq). Għaldaqstant, l-spjegazzjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma kkompletawx l-offerti tar-rikorrenti, iżda biddluhom (ara l-punti 82 sa 87 iktar ʼil fuq).

105    Peress li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma setax jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mibgħuta mir-rikorrenti, għall-konsorzju, mingħajr ma jaċċetta bidla fl-offerti tar-rikorrenti, din l-informazzjoni naqset li tippermetti li twieġeb għall-mistoqsijiet tal-awtorità kontraenti dwar il-prezzijiet indikati għal kull persuna kuljum. Peress li dawn il-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba, għaldaqstant l-offerti ġew miċħuda minħabba n-natura anormalment baxxa tal-prezz tagħhom. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma wrietx li l-UP wettaq żball meta ċaħad l-offerti tagħha għal dan il-motiv (ara l-punti 90 u 95 iktar ʼil fuq).

106    Minn dan isegwi li għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk l-offerti tagħha kellhomx l-aħjar valur għall-flus u li l-uniku mod legali, jekk ikun il-każ, li l-offerti tagħha jiġu miċħuda huwa li jkunu applikati l-kriterji stabbiliti fl-avviż tal-kuntratt, inkluża l-evalwazzjoni globali tal-kwalità totali tat-tweġibiet tal-konsorzju.

107    Konsegwentement, peress li l-offerti tar-rikorrenti kienu miċħuda biss għall-motiv tan-natura anormalment baxxa tagħhom minħabba l-prezz tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq bażi legali żbaljata u l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami ta’ prezz anormalment baxx ma jistax jintuża sabiex jeskludi offerent għal nuqqas ta’ rilevanza tal-offerta tiegħu. Għaldaqstant, l-UP kien, f’dan il-każ, għamel użu ħażin mill-proċedura prevista fl-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati ta’ Implementazzjoni għall-finijiet li jiċħad l-offerti tar-rikorrenti wara li dan kien wera li l-offerti tagħha ma kinux anormalment baxxi.

109    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

110    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija ġiet konċessa dawn il-poteri. Deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal dan il-għan (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 24, u tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra, EU:C:2005:275, punt 38). Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jiġi magħqud ma’ motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx mittiefsa minn użu ħażin ta’ poter sakemm din ma tannullax l-għan essenzjali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 1954, L-Italja vs l-Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra, EU:C:1954:8, p. 73, 103, sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra EU:T:2005:333, punt 87, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:731, punt 109).

111    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova rilevanti sabiex issotni l-allegazzjoni tagħha li l-UP kien għamlel użu ħażin mill-proċedura skont l-Artikolu 139 tar-Regoli Ddettaljati għall-Implementazzjoni għall-finijiet li jiċħad l-offerti tar-rikorrenti.

112    Sa fejn ir-rikorrenti biħsiebha, b’dan l-ilment, tinvoka użu ħażin ta’ poter minħabba l-użu ta’ bażi legali żbaljata sabiex ikunu miċħuda l-offerti tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li hija ma wrietx tali żball min-naħa tal-awtorità kontraenti (ara l-punt 107 iktar ʼil fuq).

113    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi li l-UP kien uża l-poter tiegħu għal finijiet oħra, f’dan il-każ, barra dak li jiddetermina l-offerti li għandhom jintgħażlu.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi miċħud dan il-motiv kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

116    F’dan il-każ, peress li r‑rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Computer Resources International (Luxembourg) SA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Czúcz

Pelikánová

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.