Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2013 – Bankia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-700/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Bankia, SA (Valencia, Spanja) (rappreżentanti: J.L. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero, A. Lamadrid de Pablo u A. Biondi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha l-Kummissjoni tikklassifika l-miżuri kollha li skontha jikkostitwixxu l-hekk imsejħa sistema Spanjola ta’ leasing fiskali (“SEAF”) bħala għajnuna mill-Istat ġdida u inkompatibbli mas-suq intern;

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jidentifikaw lill-investituri tal-AIE bħala l-benefiċjarji tal-allegata għajnuna u bħala l-uniċi destinatarji tal-ordni ta’ rkupru;

sussidjarjament tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jordna l-irkupru tal-allegata għajnuna bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea;

tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn fih tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità ta’ kuntratti privati bejn l-investituri u entitajiet oħra, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija l-istess waħda bħal dik ikkontestata fil-Kawża T-515/13, Spanja vs Il-Kummissjoni (ĠU C 336, p. 29)

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv

Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107 TFUE sa fejn tikkwalifika l-allegata SEAF u l-miżuri individwali li jistabbilixuha bħala għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat flimkien, u meta imputat lir-Renju ta’ Spanja, numru ta’ miżuri pubbliċi u privati indipendenti u awtonomi. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll kemm il-fatt li l-miżuri inkwistjoni jistgħu jagħtu vantaġġ ekonomiku selettiv lill-allegati benefiċjarji tagħhom, kif ukoll il-possibbiltà li dawn jistgħu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-imsemmija benefiċjarji u entitajiet oħra, u l-allegat effett tagħhom fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tieni motiv

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ liġi u ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE meta kklassifikat l-applikazzjoni tal-iskema Spanjola ta’ intaxxar skont it-tunnellaġġ għal kazijiet speċifiċi bħala għajnuna ġdida minflok bħala għajnuna eżistenti. Sa fejn fl-2002 il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ intaxxar skont it-tunnellaġġ innotifikata minn Spanja, jekk il-Kummissjoni xtaqet tikkontesta l-applikazzjoni tagħha hija kellha, f’kull każ, tagħmel dan skont il-proċedura applikabbli għall-għajnuna eżistenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-argumenti esposti fid-deċiżjoni insostenn tal-eżistenza ta’ għajnuna ġdida huma manifestament infondati.

It-tielet motiv

Permezz tat-tielet motiv tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tallega, sussidjarjament, ksur tal-Artikoli 107 u 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni hija żbaljata u, f’kull każ, ma timmotivax biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom entitajiet bħar-rikorrenti (investituri fl-AIE li jwettqu tranzazzjonijiet koperti mid-deċiżjoni) huma kkunsidrati bħala l-benefiċjarji aħħarija u uniċi tal-miżuri kkontestati.

Ir-raba’ motiv

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega, ukoll sussidjarjament, li l-ordni ta’ rkupru li tinsab fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali sa fejn din, mingħajr ġustifikazzjoni, tintroduċi limitu ratione temporis għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju.

Il-ħames motiv

Fil-ħames motiv tagħha għal annullament ir-rikorrenti tesponi r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni ikkontestata allegatament tikser ukoll il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, l-Artikoli 107 u 108 TFUE, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 656/1999 u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tiddeċiedi dwar il-validità ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’kuntratti privati konklużi skont id-dritt Spanjol bejn l-investituri u entitajiet privati oħra.