Language of document : ECLI:EU:T:2012:38

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Frar 2012 (*)

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Belġju għall-perijodu mill-2008 sal-2012 — Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 2216/2004 — Korrezzjoni a posteriori — Operatur ġdid — Deċiżjoni li tinkariga lill-amministratur ċentrali tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet sabiex idaħħal il-korrezzjoni fit-tabella ‘Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni’”

Fil-Kawża T-237/09,

Région wallonne (il-Belġju), irrappreżentat minn J.-M. De Backer, A. Lepièce, I.‑S. Brouhns u S. Engelen, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White u O. Beynet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Renju tal-Belġju għall-perijodu mill-2008 sal-2012, li tinkariga lill-amministratur ċentrali tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet sabiex idaħħal il-korrezzjoni fit-tabella “Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni” Belġjan,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, M. E. Martins Ribeiro u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7 p. 63), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18), tistabbilixxi, fl-Artikolu 1 tagħha, skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità Ewropea (iktar ʼil quddiem l-“iskema għall-iskambju ta’ kwoti”), sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari, id-dijossidu tal-karbonju, b’mod effettiv fir-rigward ta’ spejjeż u effiċjenza ekonomika.

2        Għal dan il-għan, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi essenzjalment li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-installazzjonijiet elenkati fl-Anness I tagħha għandhom ikunu koperti minn permess minn qabel u minn attribuzzjoni ta’ kwoti allokati skont il-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjonijiet (iktar ʼil quddiem il-“PNA”).

3        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi b’mod partikolari:

      “1.      Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa [PNA] fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-[PNA] għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku […]

      3.      Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-[PNA] minn Stat Membru skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-[PNA], jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skont l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

4        Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87:

      “Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skont l-Artikolu 9 u skont l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”

5        L-Artikolu 38(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal‑21 ta’ Diċembru 2004, dwar sistema ta’ reġistri standardizzati u protetti skont id-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, p. 1), emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 916/2007 tal-31 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 200, p. 5), jipprovdi taħt it-titolu “It-tabella ‘[PNA]’ għall-perijodu [ta’ allokazzjoni mill-] 2005 [sal-] 2007”:

      “1. Sal-1 ta’ Ottubru 2004, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni it-tabella tal-[PNA], li tikkorrispondi għad-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE. Jekk it-tabella tal-[PNA] tkun ibbażata fuq il-[PNA] nnotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jew li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni aċċettat l-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali biex iniżżel it-tabella tal-[PNA] fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet […]

      2. Stat Membru għandu jinnotifika kull korrezzjoni fil-[PNA] tiegħu flimkien ma’ kull korrezzjoni korrispondenti fit-tabella tal-[PNA] tiegħu lill-Kummissjoni. Jekk il-korrezzjoni fit-tabella tal-[PNA] tkun ibbażata fuq il-[PNA] nnotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE […] jew li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni aċċettat l-emendi u dik il-korrezzjoni tkun skont il-metodoloġiji stabbiliti f’dak il-[PNA] jew tirriżulta minn titjib fid-data, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali biex iniżżel il-korrezzjoni korrispondenti fit-tabella tal-[PNA] […]. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Istat Membru għandu jinnotifika l-korrezzjoni fil-[PNA] u jekk il-Kummissjoni ma tiċħadx din il-korrezzjoni skont il-proċedura fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali biex iniżżel il-korrezzjoni corrispondenti fit-tabella tal-[PNA]’ […]”

6        L-Artikolu 44(1) u (2) tar-Regolament Nru 2216/2004, kif emendat, jipprovdi, taħt it-titolu “It-tabella tal-[PNA] għall-perjodu 2008 [sa] 2012 […]”:

      “1. Sal-1 ta’ Jannar 2007 […], kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni it-tabella tal-[PNA] tiegħu, li tikkorrispondi għad-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE. Jekk it-tabella tal-[PNA] tkun ibbażata fuq il-[PNA] nnotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jew li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni aċċettat l-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali biex iniżżel it-tabella tal-[PNA] fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet […]

      2. Stat Membru għandu jinnotifika kull korrezzjoni fil-[PNA] flimkien ma’ kull korrezzjoni korrispondenti fit-tabella tal-[PNA] tiegħu lill-Kummissjoni. Jekk il-korrezzjoni fit-tabella tal-[PNA] tkun ibbażata fuq il-[PNA] nnotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jew li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni aċċettat l-emendi u li l-korrezzjoni tirriżulta minn titjib fid-data, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill- Amministratur Ċentrali biex iniżżel il-korrezzjoni corrispondenti fit-tabella tal-[PNA] […]

      Dawn il-korrezzjonijiet kollha marbuta ma’ entrati ġodda għandhom isiru skont il-proċess għall-modifiki awtomatiċi fit-tabella tal-[PNA] kif stipulat fl-Anness XIa ta’ dan ir-Regolament.

      Dawn il-korrezzjonijiet kollha marbuta ma’ entrati ġodda għandhom isiru skont il-proċeduri ta’ inizjalizzazzjoni kif stipulat fl-Anness XIV ta’ dan ir-Regolament.

      Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Istat Membru għandu jinnotifika l-korrezzjoni fil-[PNA] tiegħu lill-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni ma tiċħadx din il-korrezzjoni skont il-proċedura fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tagħti struzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali biex iniżżel il-korrezzjoni korrispondenti fit-tabella tal-[PNA] […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2006, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, il-PNA tiegħu għall-perijodu ta’ allokazzjoni mill-2008 sal‑2012.

8        Il-PNA Belġjan jikkonsisti fi tliet pjanijiet ta’ allokazzjoni stabbiliti mir-reġjunjiet Fjammingi, ta’ Brussell u tal-Vallonja, kompetenti, b’mod partikolari, għall-protezzjoni ambjentali. Dan huwa r-riżultat ta’ koordinazzjoni fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn dawn it-tliet reġjuni u l-Istat Federali.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2007 “li tikkonċerna l-[PNA] innotifikati mill-[mir-Renju tal-] Belġju skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill’’ il-Kummissjoni qalet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-PNA Belġjan sakemm isirulu ċerti emendi.

10      Fit-28 ta’ Frar 2008, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bil-PNA emendat. L-emendi li saru jikkonċernaw b’mod partikolari l-parti tal-Vallonja tal-imsemmi PNA.

11      Permezz tal-ittra tat-18 ta’ April 2008, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent”, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju li ċerti emendi għall-PNA Belġjan għall-parti tal-Vallonja kienu inammissibbli.

12      Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008, ir-Renju tal-Belġju kkomunika lill-Kummissjoni l-PNA l-ġdid emendat.

13      Fil-paġna 37 tal-PNA Belġjan emendat taħt l-intestatura “Informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riżerva tal-kwota għall-operaturi ġodda” hemm indikat, b’mod partikolari, kif ġej:

      “[...] [K]woti li huma parti mill-grupp ‘Emission Trading’ tar-Région [W]allonne huma riżervati għall-operaturi ġodda, sa 1 750 277 kwota [fis-]sena.

[…]

Ir-Région [Wallonne] bi ħsiebha tuża l-kwoti mir-riżerva għall-operaturi ġodda fuq il-bażi li ġejja:

Installazzjonijiet koperti mis-suġġett: [i]d-Digriet ta’ Wallonie tal-10 ta’ Novembru 2004 li jistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ kwoti [...] jiddefinixxi operaturi ġodda kif ġej [...]:

[...] huwa operatur ġdid fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti [...], għal perijodu ta’ riferiment partikolari:

a)      kull stabbiliment li jeżerċita l-operazzjoni ta’ waħda jew iktar attivitajiet jew instalazzjonijiet li jemettu gassijiet serra speċifikati, li ma hijiex koperta bil-pjan reġjonali ta’ Wallonie ta’ allokazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni [...], li kiseb permess ambjentali għal dawn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra speċifikati wara n-notifika msemmija iktar ’il fuq lill-Kummissjoni;

b)      kull stabbiliment li jeżerċita l-operazzjoni ta’ waħda jew iktar attivitajiet jew installazzjonijiet li jemettu gassijiet serra speċifikati, li hija koperta bil-pjan reġjonali ta’ Wallonie ta’ allokazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni [...], fejn jew kiseb permess ambjentali għall-dawn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra speċifikati minħabba bidla fin-natura tiegħu jew fil-funzjonament tiegħu jew fl-estensjoni tal-installazzjoni, li jżid ferm l-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet serra speċifikati b’paragun ma’ dawk li fformaw il-bażi għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni inizjali, wara n-notifika ċċitata iktar ’il fuq lill-Kummissjoni, jew li għalih trasformazzjoni jew estensjoni, irreġistrata mill-operatur [...], tikkawża żieda sinjifikattiva ta’ dawn l-emissjonijiet serra speċifikati b’paragun ma’ dawk li fformaw il-bażi għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni inizjali, wara n-notifika ċċitata iktar ’il fuq lill-Kummissjoni.”

14      Fil-paġna 38 tal-PNA Belġjan emendat, jingħad, b’mod partikolari, li r-Région wallonne ser jalloka l-kwoti tar-riżerva fuq il-“bażi ta’ regola ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, sal-volum totali tar-riżerva għall-perijodu [mill-]2008 [sal-] 2012”.

15      Fil-paġni 51 u 52 tal-PNA Belġjan emendat, jinsabu l-Annessi Va, Vb u Vc.

16      L-Anness Va, intitolat “Operaturi ġodda li diġà ġew ikkunsidrati fil-[PNA]’’ u “Operaturi ġodda li għandhom jiġu allokati fl-2008’’, jinkludi tabella b’lista ta’ installazzjonijiet, li jinkludu, bin-numru 11, dik tal-Funderija “Arcelor Mittal 6”. F’nota ta’ qiegħ il-paġna, huwa speċifikat li din l-installazzjoni u installazzjoni oħra li hija ddikjarata f’din it-tabella “ser jiġu allokati kif u skont l-alimentazzjoni tar-riżerva.” Għall-installazzjoni “Arcelor Mittal kalkara tal-funderija 6,” l-imsemmija tabella tipprovdi, għall-perjodu mill-2008 sal-2012, kwantità totali ta’ 12 949 538 kwota. Barra minn hekk, din it-tabella tinkludi tqassim skont is sena tal-ammont ta’ kwoti għal din l-installazzjoni matul il-perijodu indikat. B’hekk, fit-tieni kolonna tal-imsemmija tabella għas-sena 2008, l-ammont ta’ kwoti għall-installazzjoni “Funderija Arcelor Mittal 6” huwa ta’ 700 000, filwaqt li fit-tielet u s-sitt kolonni għas-snin 2009 sa 2012 dan l-ammont huwa ta’ 1 000 000 għall-2009 u 3 749 846 rispettivament, għal kull sena mill-2010 sal-2012.

17      L-Anness Vb fih lista ta’ installazzjonijiet taħt l-intestatura “Operaturi ġodda li kisbu permess ambjentali iżda li għadhom mhux jitħaddmu (Stima).”

18      L-Anness Vc fih lista ta’ installazzjonijiet taħt l-intestatura “Operaturi ġodda li għadhom ma kisbux permess ambjentali u li għadhom mhux jitħaddmu (Stima).”

19      Fl-aħħar nett, l-Anness VI tal-PNA Belġjan, intitolat “Kwoti annwali medji li jridu jiġu allokati lill-impriżi eżistenti u għall-installazzjonijiet ġodda (jew żieda fil-produzzjoni) diġà inkluż[i] fl-allokazzjoni 2008 [sal-]2012 (Tabella ta’ allokazzjoni)”, jinkludi tabella ta’ allokazzjoni ta’ installazzjonijiet. Fost l-installazzjonijiet li huma elenkati hemm, bħala l-installazzjoni li għandha n-numru 11, dik ta’ “Arcelor — Cockerill Sambre_HF6_Seraing”, li hija mqiegħda fil-kaxxi rispettivi li jidhru fis-snin 2008 sa 2012, bħala “[o]peratur [ġ]did”, iżda mingħajr xi indikazzjoni ta’ numru ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

20      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Ambjent”, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju li hija ma kienet ser tqajjem l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-PNA Belġjan ġdid emendat.

21      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni d-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87, kif ukoll it-tabella “PNA” tiegħu, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 2216/2004, għall-perijodu ta’ allokazzjoni mill-2008 sal-2012.

22      Permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-amministratur ċentrali biex idaħħal it-tabella “PNA” Belġjana fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet. Fil-premessa 2 tad-deċiżjoni msemmija, hemm iddikjarat li l-“Kummissjoni tistima li t-tabella [“PNA” Belġjan] innotifikata tikkorrispondi għad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni u hija bbażata fuq il-[PNA] innotifikat mir-Renju tal-Belġju, kif emendat mingħajr ma kien hemm oġġezzjonijiet għalih min-naħa tal-Kummissjoni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2008, it-tabella “PNA” Belġjan tinsab fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.

23      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2009, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni b’tabella “PNA” Belġjan emendata li kien fiha xi korrezzjonijiet. Fit-tabella annessa ma’ din l-ittra, bit-titolu “korrezzjonijiet tal-PNA Belġjan 2008 sal-2012” u “korrezzjonijiet tal-allokazzjoni”, isir riferiment għal installazzjoni ta’ “Arcelor-Mittal” bin-numru 116, imsejħa “Arcelor-Cockerill Sambre_HF6_Seraing” li tinsab f’Seraing (iktar ’il quddiem l-“installazzjoni Nru 116”), li għaliha hemm ipprovdut ammont ta’ 700 000 kwota għall-2008 u l-ebda kwota (kaxxi vojta) għall-2009 sal-2012. B’hekk, it-totalità tal-kwoti li għandhom jiġu allokati għal din l-installazzjoni għall-perijodu kollu ta’ allokazzjoni mill-2008 sal-2012 huwa indikat fl-aħħar kolonna ta’ din it-tabella u jitla’ sa’ 700 000.

24      Permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) adottata, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-amministratur ċentrali biex idaħħal il-korrezzjonijiet mitluba fit-tabella “PNA” Belġjan fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

25      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-korrezzjonijiet magħmula fit-tabella “PNA” Belġjan jinsabu fl-anness għal din id-deċiżjoni. Dan l-anness ma fih l-ebda korrezzjoni fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116.

26      Fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie indikat dan li ġej :

      “Il-Kummissjoni temmen li l-korrezzjonijiet innotifikati dwar l-installazzjoni Nru 116 [...] huma inammissibbli peress li huma ma jsegwux il-metodoloġija stabbilita fil-[PNA Belġjan] [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27      Skont il-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kumplament tal-korrezzjonijiet innotifikati huwa skont il-[PNA Belġjan].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrent, ir-Région wallonne, fetaħ din il-kawża.

29      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Région wallonne talab li tingħata deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2009, ir-Région wallonne rtira t-talba tiegħu għal proċedura mħaffa.

31      Ir-Région wallonne jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tiċħad il-korrezzjoni fit-tabella “PNA” Belġjan dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-installazzjoni Nru 116 għall-perijodu ta’ allokazzjoni mill-2008 sal-2012;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Région wallonne għall-ispejjeż.

33      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jipprovdu tweġibiet bil-miktub għal xi mistoqsijiet. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini stabbiliti.

34      Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

35      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

36      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2010.

 Id-dritt

 Sommarju tal-motivi ta’ annullament

37      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Région wallonne jinvoka erba’ motvi.

38      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, waħda tirrgwarda żball ta’ liġi u l-oħra tirrigwarda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

39      It-tieni motiv huwa bbażat huwa fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE.

40      It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

41      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ “prinċipju ta’ lealtà Komunitarja u ta’ amministrazzjoni tajba”.

 Ir-rilevanza tal-motivi mqajma mir-rikorrent

42      Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-motivi invokati mir-Région wallonne huma irrilevanti.

43      Skont il-Kummissjoni, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, kull emenda għall-PNA li ma tosservax il-kriterji previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tal-imsemmi regolament għandha tiġi nnotifikata mill-ġdid mill-Istat Membru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, peress li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-korrezzjonijiet għat-tabella “PNA” ma tistax tissostitwixxi l-proċedura ta’ notifika u tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tirreġistra xi korrezzjonijiet li jirrikjedu emenda għall-PNA nnifsu. Issa, f’din il-kawża, ir-Renju tal-Belġju sempliċement applika għal reġistrazzjoni ta’ ċerti korrezzjonijiet fit-tabella “PNA”, inkluża dik relatata mal-installazzjoni Nru 116, li madankollu tirrikjedi emenda għall-PNA Belġjan bħala tali, peress li ma kinitx ibbażata fuq il-metodi previsti mill-imsemmi PNA. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx dikjarazzjoni dwar il-korrezzjoni fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116. Fil-fatt, kien biss b’mod superfluwu li d-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet fil-premessa 3, u mhux fid-dispożittiv tagħha, il-korrezzjoni mitluba. B’hekk, ir-riferiment għan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-korrezzjoni fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116 ma jistax ibiddel is-sustanza jew in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, u jibdilha f’deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita f’dan ir-rigward, kif tinvoka r-rikorrenti.

44      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għamlet żball meta affermat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda effett ġuridiku vinkolanti li jikkawża preġudizzju lir-Région wallonne dwar dan il-punt.

45      Ċertament, kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, huwa biss id-dispożittiv ta’ deċiżjoni li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi u, konsegwentement, li jikkawża preġudizzju, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jkunu, fihom infushom, suġġetti għal rikors għal annullament, u ma jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni biss meta, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-164/02, Ġabra p. I-1177, punt 21, u d-digriet tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T-387/04, Ġabra p. II-1195, punt 127). Madankollu, f’din il-kawża, anki jekk id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jiċħadx espressament il-korrezzjoni mitluba fir-rigward tal-installazzjoni 116 bħala inammissibbli, minn qari flimkien tal-Artikolu 2 tal-Anness u tal-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li huwa preċiżament minħabba r-raġuni ta’ inammissibbiltà li saret f’din il-premessa li din il-korrezzjoni ma ġietx inkluża fl-anness tal-korrezzjonijiet li l-amministratur ċentrali kien ingħata struzzjonijiet, skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni, li jinkludi fit-tabella tal-“PNA” Belġjan.

46      B’hekk, anki jekk wieħed jassumi, kif issostni l-Kummissjoni, li r-Renju tal-Belġju kellu jsegwi, f’din il-kawża, il-proċedura ta’ notifika tal-PNA emendat skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 u li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda awtorità teżamina u tiċħad it-talba għal korrezzjoni fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116 abbażi tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, il-fatt jibqa’ li, essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata, kif tinqara’ fid-dawl tal-motivi ewlenin tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni espliċita fuq din it-talba u ċaħditha bħala inammissibbli.

47      La l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li hija ma ddeċidietx fuq il-korrezzjoni inkwistjoni, u lanqas dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett tal-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata fuq id-dispożittiv tagħha, ma jikkontestaw din l-evalwazzjoni, li barra minn hekk ġie wkoll irrikonoxxut mill-Kummissjoni fis-seduta. Fil-fatt, meta jiċċara l-portata kemm tal-Artikolu 2 u kif ukoll tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li ma fihomx il-korrezzjoni mitluba fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116, il-premessa 3 tikkostitwixxi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, is-sostenn meħtieġ mhux biss tal-Artikolu 2, iżda wkoll tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, dispożizzjonijiet li flimkien jiddeterminaw il-limitu tal-istruzzjoni korrettiva mogħtija lill-amministratur ċentrali u li għandhom jinqraw fid-dawl tal-imsemmija premessa.

48      Minn dan isegwi li l-motivi ta’ annullament invokati insostenn tar-rikors huma rilevanti u li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004

49      Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, ir-Région wallonne jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tiċħad il-korrezzjoni mitluba dwar l-installazzjoni Nru 116, u li tibbażha fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, li l-portata tagħha hija interpretata ħażin. B’differenza għal li jingħad fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(2) ta’ dan l-istess regolament, applikabbli għall-perijodu ta’ allokazzjoni mill-2005 sal-2007, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax iċ-ċaħda ta’ korrezzjoni fit-tabella “PNA” għar-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni, jiġifieri l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-korrezzjoni inkwistjoni mal-metodi deskritti fil-PNA.

50      Fil-kuntest tat-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-Région wallonne rrileva li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ korrezzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu fit-tabella “PNA”, jiġifieri, minn naħa, fl-ewwel subparagrafu, il-korrezzjonijiet ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-PNA mhux miċħuda mill-Kummissjoni, u li tirriżulta fit-titjib fid-data, u, min-naħa l-oħra, fir-raba’ subparagrafu, dawk li jinvolvu emenda fil-PNA u għalhekk jeħtieġu eżami skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Skont ir-Région wallonne, il-korrezzjoni mitluba fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116 hija bbażata fuq il-PNA Belġjan, mingħajr ħtieġa ta’ emenda skont it-tieni metodu ta’ korrezzjoni previst fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 216/2004. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat, essenzjalment, li mill-Anness Va tal-PNA Belġjan jirriżulta b’mod ċar li l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-installazzjoni Nru 116 ser tkun “kif u skont l-alimentazzjoni tar-riżerva”, u huwa dan li jagħmel possibbli l-allokazzjoni gradwali tal-kwoti, fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji u tal-istat tar-riżerva, b’mod partikolari meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għeluq eventwali ta’ installazzjonijiet eżistenti u t-twettiq effettiv ta’ proġetti industrijali mħabbra.

51      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ta’ annullament huwa infondat.

52      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li t-tabella “PNA” tista’ titqies li hija bbażata fuq il-PNA jekk tkun ibbażata fuq il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni pprovduti mill-imsemmi PNA, u mhux fuq metodi oħra li ma humiex previsti. Skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li l-korrezzjoni mitluba tkun ibbażata fuq il-PNA u li tirriżulta minn titjib fid-data, li ma kienx il-każ f’din il-kawża. Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni minħabba l-korrezzjoni fil-kawża inkwistjoni ma kinitx ibbażata fuq il-PNA Belġjan peress li kienet tinkludi l-motiv ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri previsti mill-imsemmi PNA. Għalhekk, hija setgħet tibbaża d-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-korrezzjoni kkontestata fuq l-inkompatibbiltà ta’ din il-korrezzjoni mal-metodi speċifikati mill-PNA Belġjan.

53      Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, il-Kummissjoni tirrileva, essenzjalment, li l-allokazzjoni tal-kwoti mitluba favur l-installazzjoni Nru 116 tmur kontra l-metodi previsti mill-PNA Belġjan, li jipprovdi li, għall-operaturi ġodda kollha, il-ħruġ tal-kwoti se jiġi deċiż sal-aħħar tal-perijodu mill‑2008 sal‑2012. Barra minn hekk, skont l-imsemmi PNA, l-installazzjoni Nru 116 ma tibbenefikax mill-aċċess għar-riżerva, iżda tingħata kwoti biss “kif u skont l-alimentazzjoni tar-riżerva”. Issa, dan il-metodu ta’ allokazzjoni ma għandux jiġi interpretat li jagħti xi setgħa diskrezzjonali lill-awtorità kompetenti sabiex tistabbilixxi kull sena l-ammont ta’ kwoti li tkun bi ħsieba talloka lill-installazzjoni kkonċernata. Minflok, għandhom jiġu interpretati l-metodi kollha ta’ allokazzjoni previsti mill-PNA Belġjan b’mod koerenti u “bħala li tobbliga lill-awtorità kompetenti biex tagħti lill-installazzjoni [Nru 116,] għall-perijodu kollu [mill-]2008 [sal-]2012 [,] kwoti li l-ammont globali u l-ammont annwali jistgħu jkunu inqas minn dawk previsti fl-Anness Va tal-PNA Belġjan, skont l-istat tar-riżerva.”

54      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-evalwazzjoni hija konformi mal-ispirtu tad-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari mal-Artikolu 9(1) tagħha, li jgħid li l-PNA għandhom josservaw il-kriterji tal-Anness III, speċjalment il-kriterji 5 u 6 fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-impriżi u l-obbligu li jiżguraw l-aċċess għal operaturi ġodda fl-iskema ta’ skambju. F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq l-iddifferenzjar bejn l-operaturi ġodda “tal-ewwel prijorità”, li jkunu l-uniċi suġġetti għar-regoli tat-taqsima 5 tal-PNA Belġjan, u dawk “tat-tieni prijorità”, li jkunu suġġetti għar-regola tal-allokazzjoni addizzjonali, jiġifieri l-allokazzjoni “kif u skont l-alimentazzjoni tar-riżerva” ma jistax jirnexxi, peress li r-regoli ġenerali tal-imsemmija taqsima għandhom japplikaw għall-operaturi l-ġodda, inklużi dawk “tat-tieni prijorità”. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, jekk ir-riżerva ma tkunx biżżejjed biex tippermetti l-għoti ta’ kwoti lill-operaturi ġodda “tat-tieni prijorità”, u li din ir-riżerva ma tkunx rifornita, dawn l-operaturi ġodda ma jirċievu l-ebda kwota, u dan skont ir-regola ta’ “min jasal l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. Il-Kummissjoni minn dan tikkonkludi li, skont ir-regola ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu kollu mill-2008 sal-2012, operatur ġdid “tat-tieni prijorità”, bħalma hija l-installazzjoni Nru 116, għandu jingħata kwoti għas-snin 2008 sal‑2012, u mhux għal sena jew sentejn biss. In-numru ta’ kwoti li jiġu allokati għandu jiġi ddeterminat minn qabel għal dan il-perijodu kollu — u mhux annwalment u b’mod diskrezzjonali — sal-ammont tan-numru eżistenti ta’ kwoti, fir-riżerva rifornita, skont ir-regola li tipprojbixxi l-użu tar-riżerva sabiex isiru aġġustamenti ex post tal-allokazzjoni inizjali riċevuta mill-installazzjonijiet ikonċernati. Għalhekk, f’din il-kawża, kienu disponibbli biss 700 000 kwota għall-installazzjoni Nru 116 għall-imsemmi perijodu kollu kemm hu.

55      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi għal żewġ kriterji kumulattivi għal korrezzjoni li tista’ ssir fit-tabella “PNA”, mingħajr ma għandha ssir il-proċedura ta’ notifika ta’ PNA emendat skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa waħda, din il-korrezzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-PNA, kif innotifikat lill-Kummissjoni u li ma ġiex miċħud minnha, u, min-naħa l-oħra, għandha tirriżulta minn “titjib fid-data”. Barra minn hekk, meta dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni hija obbligata, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2), fl-aħħar nett, tar-Regolament Nru 2216/2004, li tinkariga lill-amministratur ċentrali biex idaħħal il-korrezzjoni inkwistjoni fit-tabella “PNA”.

56      Fir-rigward tal-ewwel mill-imsemmija kriterji, għandu jiġi evalwat jekk il‑Kummissjoni ppruvatx li hija setgħet ġustament tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li jiġi inkarigat l-amministratur ċentrali biex idaħħal fit-tabella “PNA” Belġjan il-korrezzjoni mitluba fir-rigward tal-installazzjoni Nru 116, minħabba li din il-korrezzjoni ma kinitx “ibbażata fuq il-[PNA] innotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud [minnha].”

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata hija strettament ibbażata fuq l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, il-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni hija limitata għal konstatazzjoni, essenzjalment, li t-talba għal korrezzjoni fuq l-installazzjoni Nru 116 hija inammissibbli, peress li ma hjiex “skont il-metodoloġija stabbilita fil-[PNA Belġjan]”, li hija motivazzjoni li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dak ipprovdut mill-Artikolu 38(2) tal-istess regolament, li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ għaliex jirrigwarda perijodu ta’ allokazzjoni li jibda mill‑2005 sal‑2007.

58      Sussegwentement, anki jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kriterju applikat minnha f’din il-kawża, jiġifieri dak ibbażat fuq il-“metodoloġija stabbilita fil-[PNA]”, huwa l-istess bħal dak li jgħid li t-talba għal korrezzjoni għandha tkun “ibbażata fuq il-[PNA]”, ir-raġuni għall-korrezzjoni mitluba fl-installazzjoni Nru 116 ma hijiex ibbażata fuq il-PNA Belġjan, kif innotifikat lill-Kummissjoni u li ma ġiex miċħud minnha, fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, la tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-pożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża.

59      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Anness Va tal-PNA Belġjan intitolat “Operaturi ġodda li diġà ġew ikkunsidrati fil-[PNA]” u “Operaturi ġodda li għad trid issir l-allokazzjoni tagħhom tal-2008”, jinkludi tabella li fiha, bin-numru 11, tissemma’ l-installazzjoni ta’ “Arcelor-Mittal kalkara tal-funderija 6”. Il-partijiet qablu unanimament, b’risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li din l-installazzjoni taqbel ma’ dik ta’ “Arcelor — Cockerill Sambre_HF6_Seraing” li kienet, minn naħa, bl-istess numru, fit-tabella tal-Anness VI tal-imsemmi PNA, u, min-naħa l-oħra, bin-Nru 116 fit-talba għall-korrezzjoni kontenzjuża tat-tabella “PNA” Belġjan, kif indirizzata lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tar-Renju tal-Belġju fit-18 ta’ Frar 2009, li pprovdiet ammont ta’ 700 000 kwota għal din l-installazzjoni kemm għall-2008 u kif ukoll għall-perijodu ta’ allokazzjoni sħiħ mill-2008 sal-2012 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq).

60      Huwa wkoll paċifiku li t-tabella fl-Anness Va tal-PNA Belġjan tipprovdi, għall-perijodu mill-2008 sal-2012, kwantità totali ta’ 12 949 538 għal “Arcelor-Mittal kalkara tal-funderija 6”, maqsuma kull sena, suddiviż f’700 000 għall-2008, 1 000 000 għall-2009 u 3 749 846 għal kull sena rispettiva bejn l-2010 u l-2012 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), liema tqassim madankollu ma jidhirx fit-tabella tal-Anness VI tal-PNA Belġjan, li fiha, fil-kaxxi għas-snin 2008 sal-2012, jidhru biss il-kelmiet “[o]peratur [ġ]did” (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

61      B’hekk, l-ammont ta’ 700 000 kwota maħsuba għall-installazzjoni Nru 116 għall-2008, li huwa s-suġġett tat-talba għal korrezzjoni kkontestata fit-tabella tal-“PNA” Belġjan, jikkorrispondi manifestament u preċiżament ma’ dak previst fit-tabella tal-Anness Va tal-PNA Belġjan. Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax din il-koinċidenza, u lanqas il-fatt li hija ma tikkontestax il-kontenut ta’ dan il-PNA fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

62      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement issostni, essenzjalment, li dawn is-700 000 kwota għandhom jitqiesu li huma l-ammont massimu disponibbli għall-installazzjoni Nru 116 għall-perijodu ta’ allokazzjoni sħiħ mill-2008 sal-2012 u mhux għall-2008 biss (ara l-punt 54 fl-aħħar nett, iktar ’il fuq). Tali interpretazzjoni hija ċertament ikkorroborata mill-qari tal-aħħar kolonna tat-tabella “PNA” Belġjan emendat, kif innotifikat mir-Renju tal-Belġju fit-18 ta’ Frar 2009, li fiha tidher, b’ripetizzjoni tal-ammont tal-kwoti fl-ewwel kolonna għall-2008, il-volum totali ta’ 700 000 kwota għall-perijodu kollu mill‑2008 sal‑2012. Madankollu, dan il-fatt fih innifsu probabbilment ma jsostnix l-oġġezzjoni prinċipali tal-Kummissjoni, li permezz tagħha t-talba għal korrezzjoni kontenzjuża ma hijiex ibbażata fuq il-PNA Belġjan, kif innotifikat u mhux miċħud, fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, iżda pjuttost jikkonferma li l-volum totali ta’ kwoti għall-installazzjoni Nru 116, mitluba għal dan l-istess perijodu kollu kemm hu, kien b’mod ċar taħt il-limitu ta’ kwoti previst fit-tabella Va tal-PNA Belġjan. Għalhekk, fil-mori tal-kawża, il-Kummissjoni ma tistax tilmenta li r-Renju tal-Belġju ppreżenta talba għal korrezzjoni intiża li temenda l-volum ta’ kwoti li tkun disponibbli biss għall-2008 u mhux għas-snin li jiġu wara l-perijodu ta’ allokazzjoni kkonċernat.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għamlet żball dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 meta ddikjarat, essenzjalment, li t-talba għal korrezzjoni kontenzjuża li tikkonċerna l-installazzjoni Nru 116 ma kinitx ibbażata fuq il-PNA Belġjan kif innotifikat lill-Kummissjoni li ma ġiex miċħud minnha. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk din it-talba tirrigwardax “titjib fid-data”, aspett li dwaru l-Kummissjoni wkoll ma esprimietx ruħha, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-atti tagħha.

64      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tikkontesta din l-evalwazzjoni, bl-argument li t-talba għall-korrezzjoni kontenzjuża kienet madankollu inkonsistenti mal-PNA Belġjan peress li, min-naħa, hija ma tissodisfax il-metodi previsti fl-imsemmi PNA u li, min-naħa l-oħra, kif il-Kummissjoni fuq kollox spjegat fis-seduta, skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, in-numru massimu ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi ġodda kollha għandu jiġi ddeterminat minn qabel u għall-perijodu ta’ allokazzjoni inkwistjoni kollu kemm hu.

65      Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, it-tabella tal-Anness Va tal-PNA Belġjan tinkludi dispożizzjoni li tinsab f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li fiha hemm iddikjarat li l-installazzjonijiet elenkati f’din it-tabella “ser jiġu allokati kif u skont l-alimentazzjoni tar-riżerva.” Issa, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni għal dan matul il-proċedura ta’ stħarriġ tal-PNA Belġjan skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, u lanqas ikkontestat, fil-mori tal-kawża, li din id-dispożizzjoni kienet ta’ “metodu ta’ allokazzjoni” partikolari ta’ kwoti favur operaturi ġodda “tat-tieni prijorità” (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif spjega r-Région wallonne, u dan ma ġiex ikkontestat bħala tali mill-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jallokaw kwoti lill-installazzjonijiet ikkonċernati sal-ammont annwali massimu previst fl-imsemmija tabella biss sa fejn ir-riżerva hija suffiċjentement alimentata għal dan l-għan. Għalhekk, sa fejn it-talba għal korrezzjoni fuq l-installazzjoni Nru 116 hija effettivament ibbażata fuq dan il-metodu ta’ allokazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax issostni l-inkompatibbiltà tagħha mal-PNA Belġjan (ara, b’mod partikolari, il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li dan il-metodu ta’ allokazzjoni ma jistax jiġi interpretat li jagħti diskrezzjoni lill-awtorità kompetenti li tistabbilixxi kull sena l-ammont ta’ kwoti li tkun bi ħsieba talloka għall-installazzjoni kkonċernata huwa irrilevanti, peress li t-talba għall-korrezzjoni kontenzjuża hija limitata b’mod speċifiku għat-talba għall-inklużjoni fit-tabella “PNA” Belġjan, tal-istess ammont ta’ kwoti għall-installazzjoni Nru 116 għall-2008 kif previst fit-tabella fl-Anness Va tal-PNA Belġjan kif ukoll għal ammont ta’ kwoti ferm taħt il-limitu previst fl-imsemmija tabella għall-perijodu kollu mill‑2008 sal‑2012.

66      Fir-rigward tat-tieni argument, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti li jirrikjedu li l-Istat Membru jiddetermina minn qabel l-ammont massimu ta’ kwoti disponibbli għall-installazzjonijiet ikkonċernati matul il-perijodu kollu ta’ allokazzjoni, għandu jiġi osservat li dan l-argument ma jsib ebda sostenn fid-deċiżjoni kkontesta. Barra minn hekk, kif jirriżulta diġà mill-punt 62 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wrietx li, f’din il-kawża, l-għoti ta’ 700 000 kwota għall-installazzjoni Nru 116, kemm għas-sena 2008 biss, kif previst mill-ewwel kolonna tat-tabella fl-Anness Va tal-PNA Belġjan, kif ukoll għall-perijodu kollu mill-2008 sal-2012, kif previst fl-aħħar kolonna ta’ dik it-tabella, imur kontra għal dawn il-prinċipji ġenerali. Ċertament, minħabba r-regola ġenerali li tirrikjedi, skont l-Artikolu 11(2), li jinqara flimkien mal-kriterji ta’ allokazzjoni msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jiġi ffissat bil-quddiem l-ammont totali ta’ kwoti disponibbli matul il-perijodu ta’ allokazzjoni kkonċernat, il-kriterji kumulattivi ta’ “korrezzjoni” u ta’ “titjib fid-data” għandhom jingħataw, bħala eċċezzjonijiet, interpretazzjoni restrittiva, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tal-proċedura ta’ notifika skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, hija biss interpretazzjoni restrittiva li tista’ tiggarantixxi stħarriġ minn qabel sħiħ, fir-rigward tal-imsemmija kriterji ta’ allokazzjoni, ta’ emendi sussegwenti mitluba mill-Istat Membru. Issa, skont dak li ġie spjegat fil-punt 62 iktar ’il fuq, jirriżulta biss li t-talba għall-korrezzjoni kontenzjuża għandha tiġi interpretata li tkopri l-perijodu kollu mill‑2008 sal‑2012.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tiċħad it-talba għall-korrezzjoni kontenzjuża dwar l-installazzjoni Nru 116, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħra mqajma mir-Région wallonne.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-Région wallonne.

      Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

      taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2009 li tagħti struzzjoni lill-amministratur ċentrali biex idaħħal korrezzjoni fit-tabella “Pjan Nazzjonali ta’ Allokazzjoni” Belġjan fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, sa fejn tirrifjuta li tagħti struzzjoni lill-imsemmi amministratur li jdaħħal korrezzjoni ta’ allokazzjoni ta’ kwoti favur l-installazzjoni 116 imsejħa “Arcelor-Cockerill Sambre_HF6_Seraing”, kif mitlub mir-Renju tal-Belġju fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Frar 2009, hija annullata.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Martins Ribeiro

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.