Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2022 – Crown Holdings u Crown Cork & Seal Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-587/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Crown Holdings, Inc. (Yardley, Pennsylvania, l-Istati Uniti), Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH (Seesen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Burnside, C. Graf York von Wartenburg, A. Kidane u D. Strohl, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2022) 4761 final tat-12 ta’ Lulju 2022 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Kawża AT.40.522 – Metal Packaging) safejn din tapplika għar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji Ġermaniż (iktar ‘il quddiem l-“FCO”) b’tali mod li tbegħdet mir-regoli ta’ prattika kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi Ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni, billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża mill-FCO, kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet ser tikkonforma mar-regoli ta’ prattika stabbiliti.

It-tielet motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni, billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża fi stadju daqshekk tardiv tal-proċedimenti tal-FCO, kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża mill-FCO diversi snin wara l-iskadenza ta’ perijodu inizjali ta’ allokazzjoni ta’ xahrejn.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni, billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża wara l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ allokazzjoni ta’ xahrejn, naqset milli tibbilanċja b’mod xieraq l-għanijiet tal-eżekuzzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u dawk ta’ ċertezza legali, aspettattivi leġittimi, u d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, dan bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni, billi aċċettat id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża mill-FCO wara l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ allokazzjoni ta’ xahrejn, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

____________