Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Marzu 2012 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-135/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, J. Gstalter u J. Rossi, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 9403 finali, tal-20 ta' Diċembru 2011, li tiddikkjara kompatibbli mas-suq intern, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil France Télécom dwar ir-riforma tal-metodu ta' finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat marbuta ma' France Télécom [għajnuna mill-Istat Nru C 25/2008 (ex NN 23/2008)].

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, magħmul minn żewġ partijiet, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-riforma tal-metodu ta' finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma' France Télécom kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti ssosnti li:

il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li t-tnaqqis tal-korrispettiv li kellu jitħallas lill-Istat minn France Télécom ma jeħlisx lil France Télécom mill-iżvantaġġ strutturali li batiet din l-impriża wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-1990 u li l-miżura tagħti vantaġġ lil din l-impriża;

sussidjarjament, il-Kummissjoni kkunsidrat, żbaljatament, li France Télécom ibbenefikat minn vantaġġ sa mill-1996 minħabba l-ħlas ta' kontribuzzjoni f'somma f'daqqa eċċezzjonali minn din l-impriża.

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE sa fejn il-Kummissjoni ssuġġettat il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni għall-osservanza tal-kundizzjoni imposti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan it-tieni motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(c) TFUE meta kkunsidrat li r-rata ta' ekwità ta' kompetizzjoni ma kinitx intlaħqet f'dan il-każ minħabba n-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kalkolu tal-korrispettiv imħallas minn France Télécom wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-1996.

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(c) meta rrifjutat li tevalwa l-insuffiċjenza tar-rata ta' ekwità ta' kompetizzjoni fir-rigward tal-ħlas ta' kontribuzzjoni f'somma f'daqqa eċċezzjonali minn France Télécom u meta kkonkludiet li din l-impriża ma kinitx tqegħdet f'sitwazzjoni ta' ekwivalenza kompleta mal-kompetituri tagħha sal-2043.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni peress li l-Kummissjoni rrifjutat li tqis ir-rata ta' 7 % bħala rata ta' attwalizzazzjoni tal-kontribuzzjoni f'somma f'daqqa eċċezzjonali.

____________