Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2012 minn Moises Bermejo Garde kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta' Settembru 2012 fil-Kawża F-41/10, Bermejo Garde vs KESE

(Kawża T-530/12 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Moises Bermejo Garde (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: L. Levi. avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Settembru 2012 fil-Kawża F-41/10 ;

konsegwentement, tagħti lill-appellant il-benefiċċju tat-talbiet tiegħu tal-ewwel istanza u, għalhekk,

tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-KESE Nru 88/10 A tat-3 ta' Marzu 2010 li tiċħad it-talba mressqa mill-appellant fis-7 ta' Diċembru 2009 u li tiddeċiedi li terġa' tittrasferih;

tannulla l-parti miżjuda tad-Deċiżjoni Nru 88/10, tal-25 ta' Marzu 2010;

tannulla d-Deċiżjoni Nru 133/10 A tal-24 ta' Marzu 2010 dwar it-tmiem tal-funzjonijiet tal-appellant bħala kap tad-Diviżjoni tas-Servizz legali b'effett immedjat u t-trasferiment tiegħu mill-ġdid bħala kap ta' diviżjoni u bil-post tiegħu f'dipartiment ieħor mis-6 ta' April 2010;

tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-KESE Nru 184/10 A tat-13 ta' April 2010 li tittrasferixxi mill-ġdid lill-appellant għad-Direttorat tal-Loġistika, fejn din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ mis-6 ta' April 2010;

tikkundanna lill-appellat għall-ħlas ta' EUR 17 500 bħala danni;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-appellant, ikkunsidra li dan tal-aħħar kien ġarrab dannu minħabba l-fatt li l-komunikazzjoni ta' informazzjoni lill-ġerarkija tiegħu, sa fejn huwa kien iċaħħad mill-funzjonijiet tiegħu bħala kap tas-Servizz legali, iżda li dan id-dannu ma jirriżultax minn ksur tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-kunċett ta' att li jikkawża preġudizzju kif ukoll fuq żnaturament tal-proċess (li jikkonċerna essenzjalment il-punti 44 sa 64 tas-sentenza appellata).

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (li jikkonċerna l-punti 114 sa 118 tas-sentenza appellata).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 12a , 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u żnaturament tal-proċess (li jikkonċerna essenzjalment il-punti 133 et seq tas-sentenza appellata).

Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' eżekuzzjoni tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll fuq żnaturament tal-proċess u ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni (li jikkonċerna essenzjalment il-punti 75 sa 78 tas-sentenza appellata)

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-kompetenza tal-attur tal-att kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 72 tar-Regolament Intern tal-KESE (li jikkonċerna essenzjalment il-punti 70 u 71tas-sentenza appellata).

____________