Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2012 minn Moises Bermejo Garde mis-sentenza mogħtija fil-25 ta' Settembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-51/10, Bermejo Garde vs KESE

(Kawża T-529/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Moises Bermejo Garde (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

Talbiet tal-appellanti

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Settembru 2012 fil-Kawża F-51/10 sa fejn (i) tiċħad, bħala inammissibbli, it-talbiet intiżi għal annullament tad-deċiżjonijiet kollha meħudin fuq il-bażi tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-KESE Nru 43/09, (ii) ma tiddiċiedix fuq it-talbiet intiżi għall-kundanna tal-konvenut għall-ħlas ta' EUR 1000 bħala danni u (iii) ma tiddiċiedix fuq il-motivi fuq il-mertu mqajma insostenn tal-ewwel talbiet intiżi għal annullament tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-KESE Nru 43/09;

b'konsegwenza,

tagħti lill-appellant il-benefiċċju tat-tieni u t-tielet talbiet fl-ewwel istanza u, għalhekk,

tannulla d-deċiżjonijiet kollha meħudin fuq il-bażi tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-KESE Nru 43/09;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' EUR 1000 bħala danni;

tagħti lir-rikorrent il-benefiċċju tal-ewwel talbiet tiegħu fl-ewwel istanza fuq il-bażi wkoll tal-motivi fuq il-mertu li qajjem u, għalhekk, tannulla l-avviż ta' pożizzjoni vakanti Nru 43/09 tal-KESE minħabba wkoll dawn il-motivi fuq il-mertu;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tal-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża mressqa qabel u ta' ksur tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad bħala inammissibbli t-talbiet prinċipali tar-rikorrent intiżi għal annullament tad-deċiżjonijiet kollha meħudin fuq il-bażi tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-KESE Nru 43/09.

It-tieni aggravju bbażat fuq ċaħda ta' ġustizzja, ta' ksur ta' dritt fundamentali ta' aċċess għall-qorti u ta' ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq it-talbiet prinċipali tar-rikorrent intiżi għad-danni.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u ta' ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx iddeċieda fuq il-motivi fuq il-mertu mqajma fl-ewwel istanza insostenn tat-talbiet prinċipali tar-rikorrent intiżi għal annullament tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-KESE Nru 43/09.

____________