Language of document : ECLI:EU:T:2012:172

Kawża T-336/07

Telefónica, SA
et
Telefónica de España, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Swieq Spanjoli tal-aċċess għall-internet permezz tal-broadband — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet — Definizzjoni tas-swieq — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet — Effetti tal-abbuż — Kompetenza tal-Kummissjoni — Drittijiet tad-difiża — Sussidjarjetà — Proporzjonalità — Ċertezza legali — Kooperazzjoni leali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Multi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Replika — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Atti annessi mar-rikors jew mar-replika

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi — Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

4.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji — Servizzi ta’ provvista bl-ingrossa għall-aċċess għall-high speed internet

(Artikolu 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03)

5.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Aġir fis-suq iddominat li jinċidi fuq suq viċin tiegħu — Applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE

(Artikolu 82 KE)

6.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Eżistenza eventwali ta’ kompetizzjoni fis-suq — Effett

(Artikolu 82 KE)

7.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Kunċett — Kapaċità li jiġu imposti żidiet fil-prezz b’mod regolari — Element mhux indispensabbli

(Artikolu 82 KE)

8.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

9.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Effett ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet — Ugwaljanza tal-opportunitajiet — Assenza

(Artikolu 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni — Effett potenzjali

(Artikolu 82 KE)

11.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Applikazzjoni mill-Kummissjoni — Limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni mill-qafas leġiżlattiv relatat mas-suq tat-telekomunikazzjonijiet — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Portata

(Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 11-16)

13.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Twettiq b’intenzjoni jew b’negliġenza — Kunċett

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

14.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Natura abbużiva ta’ prattika ta’ prezzijiet — Aġir awtonomu ta’ impriża fis-suq

(Artikolu 82 KE)

15.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Settur irregolat tat-telekomunikazzjonijiet — Inklużjoni

(Artikolu 82 KE)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Portata

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A)

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Interdipendenza tat-tliet kriterji msemmija espressament mil-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni — Klassifikazzjoni ta’ ksur bħala serju ħafna

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa — Effett dissważiv ġenerali — Ksur tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Żieda fl-ammont inizjali tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet fl-intensità tal-ksur — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Approvazzjoni jew tolleranza tal-ksur fid-dritt nazzjonali jew mill-awtoritajiet nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

1.      Mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, sa fejn dawn jinkludu punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati ċerti motivi sostnuti fir-rikors, elementi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tiegħu jew għall-inqas ikunu identifikati b’mod ċar f’din in-nota. B’hekk, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu hija bbażata l-azzjoni, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. L-annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw raġuni deskritta sommarjament fir-rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors.

Konsegwentement, l-annessi tar-rikors u tar-replika ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ħlief sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tal-atti tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi, li jkunu jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti.

(ara l-punti 58-61, 63)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument lil impriża jammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk din tal-aħħar ma turix, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-ilment ikun jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk ikunu jeżistu provi oħra dokumentarji li l-partijiet kienu jafu bihom fil-proċedura amministrattiva li jsaħħu speċifikament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala mezz ta’ prova tad-dokument inkriminanti mhux ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti kieku kellu jiġi eliminat bħala mezz ta’ prova dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża.

(ara l-punt 78)

3.      Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontra dik l-impriża, bħall-fatti kkontestati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha. Dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tallegax kontra l-persuni kkonċernati ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li tagħhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni.

Id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tkun ifformulat.

B’hekk, id-drittijiet tad-difiża ma jiġux irrispettati minħabba diverġenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali biss jekk l-ilment imressaq f’din id-deċiżjoni ma jkunx ġie espost fl-imsemmija komunikazzjoni b’mod suffiċjenti sabiex jippermetti lid-destinatarji jiddefendu ruħhom. Dan ma huwiex il-każ meta l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss aġir li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti kkonċernati diġà kienu spjegaw ruħhom u li, għalhekk, ma jkunux relatati ma’ lment ġdid.

(ara l-punti 80-82, 84, 85)

4.      Għall-finijiet tal-eżami tal-pożizzjoni, possibbilment dominanti, ta’ impriża f’settur ta’ suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ suq li jiġbor il-prodotti kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adatti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli ma’ prodotti oħra. Barra minn hekk, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni sservi sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola kompetizzjoni effettiva u li jkollha mġieba, b’mod kunsiderevoli, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u tal-konsumaturi, wieħed ma jistax, għal dawn il-finijiet, jeżamina biss il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni, iżda għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u tal-provvista fis-suq.

Il-kunċett ta’ suq ikkonċernat jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti kollha li jifformaw parti mill-istess suq.

Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità, jirriżulta li suq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkunsidrati bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom. Minn perspettiva ekonomika, għal definizzjoni tas-suq inkwistjoni, is-sostituzzjoni minn naħa tat-talba hija l-fattur tad-dixxiplina l-iktar immedjat u l-iktar effettiv fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott partikolari, b’mod partikolari li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, is-sostitwibbiltà minn naħa tal-offerta tista’ wkoll tiġi kkunsidrata sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni fit-tranżazzjonijiet fejn din is-sostitwibbiltà jkollha effetti ekwivalenti għal dawk tas-sostitwibbiltà minn naħa tat-talba f’dak li jirrigwarda immedjatezza u effettività. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-fornituri jerġgħu jorjentaw il-produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti inkwistjoni u jikkumerċjalizzawhom fi żmien qasir, mingħajr ma jinkorru spejjeż jew riskji supplimentari sostanzjali, bħala reazzjoni għall-varjazzjonijiet ħfief, iżda permanenti, tal-prezzijiet relattivi.

B’hekk, fir-rigward tas-swieq bl-ingrossa tal-aċċess għall-internet tal-broadband, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkonkludi, fid-dawl tal-investimenti neċessarji għall-passaġġ minn offerta bl-ingrossa nazzjonali għal offerta bl-ingrossa reġjonali, kif ukoll minn offerta bl-ingrossa reġjonali għal aċċess mhux marbut mal-loop lokali, u fid-dawl tal-ħin neċessarju għal din il-migrazzjoni, din tal-aħħar ma hijiex għażla vijabbli għat-territorju nazzjonali kollu u teħtieġ li jkollha massa kritika minima, u peress li jeżistu differenzi funzjonali bejn l-offerti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali u l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali ma jaqax taħt l-istess suq bħal dak tal-offerta bl-ingrossa nazzjonali jew tal-offerta bl-ingrossa reġjonali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista’ wkoll ġustament tikkonkludi li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma jaqgħux taħt l-istess suq, peress li, fir-rigward tal-ispejjeż assoċjati mal-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali għall-prodott bl-ingrossa reġjonali, ikun ftit probabbli, u illoġiku minn perspettiva ekonomika, li l-operaturi, li diġà investew fil-bini ta’ netwerk, ibatu l-ispiża li ma jintużax dan in-netwerk u jiddeċiedu li jużaw il-prodott bl-ingrossa nazzjonali, li ma jagħtihomx l-istess possibbiltajiet f’termini ta’ kontroll fuq il-kwalità tas-servizz tal-prodott bl-imnut meta kkomparat mal-prodott bl-ingrossa reġjonali.

(ara l-punti 111-113, 116, 127, 134, 139, 143)

5.      In-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implementata minn impriża vertikalment integrata f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa rilevanti u li twassal għal kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq bl-imnut ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar. Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti ta’ impriża fil-forma ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li dik l-impriża kienet tiddisponi minn pożizzjoni dominanti kemm fis-suq bl-ingrossa u kif ukoll fis-suq bl-imnut.

(ara l-punt 146)

6.      L-eżistenza eventwali ta’ kompetizzjoni fis-suq hija ċirkustanza rilevanti għall-finijiet li tiġi analizzata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni, anki ħajja, f’suq partikolari, ma teskludix li jkun hemm xi pożizzjoni dominanti f’dan l-istess suq, fejn l-imsemmija pożizzjoni dominanti tkun essenzjalment ikkaratterizzata mill-kapaċità li l-impriża, fl-istrateġija tagħha fis-suq, taġixxi mingħajr ma tagħti każ ta’ din il-kompetizzjoni u mingħajr, b’daqshekk, ma ssofri xi effetti dannużi minħabba din l-attitudni.

(ara l-punt 162)

7.      Jekk il-kapaċità li timponi żidiet fil-prezz b’mod regolari tammonta bla dubju għal prova li tista’ tindika l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, hija bl-ebda mod ma tikkostitwixxi prova indispensabbli, peress li l-indipendenza li tgawdi impriża dominanti fil-qasam tal-prezzijiet tirrigwarda iktar il-kapaċità li tiffissa dawn tal-aħħar mingħajr ma jkollha tikkunsidra r-reazzjoni tal-kompetituri, klijenti u fornituri milli l-kapaċita li żżidhom.

(ara l-punt 166)

8.      Ma jistax jiġi rikjest, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, li l-prezz bl-ingrossa fatturat għall-kompetituri għall-prodott tal-input ikun eċċessiv jew li l-prezz bl-imnut għall-prodott derivat ikollu natura predatorja. Il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet għas-servizzi bl-ingrossa u dawk għas-servizzi bl-imnut u mhux mil-livell ta’ dawn il-prezzijiet bħala tali. B’mod partikolari, din il-kompressjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn prezz li jkun baxx b’mod anormali fis-suq bl-imnut iżda wkoll minn prezz li jkun għoli b’mod anormali fis-suq bl-ingrossa.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li t-test adegwat sabiex tiġi stabbilita l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk kompetitur li għandu l-istess struttura tal-ispejjeż bħal dik tal-attività downstream tal-impriża vertikalment integrata ikunx f’pożizzjoni li joffri servizzi downstream mingħajr ma jirreġistra telf jekk l-imsemmija impriża vertikalment integrata kellha tħallas il-prezz ta’ aċċess upstream iffatturat lill-kompetituri tagħha, b’riferiment għall-ispejjeż imġarrba mill-kumpanija inkwistjoni, mingħajr ma jsir studju tal-marġni ta’ operaturi prinċipali alternattivi fis-suq ikkonċernat.

Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija kienet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji.

Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat għaliex huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti jippermettulha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti jkollha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju, hija ma tkunx taf x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha. Min-naħa l-oħra, abbuż ta’ esklużjoni jaffettwa wkoll lill-kompetituri potenzjali tal-impriża dominanti, li l-prospetti ta’ nuqqas ta’ profittabbiltà jistgħu jiddisswaduhom milli jidħlu fis-suq.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika tariffarja inkwistjoni. Madankollu, huwa biss meta ma jkunx possibbli, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jsir riferiment għall-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq.

(ara l-punti 186, 187, 190-194)

9.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li teżamina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għal kull prodott tal-impriża kkonċernata, meħuda b’mod separat, peress li l-operaturi alternattivi jużaw taħlita tajba ħafna tal-prodotti, li tippermetti ekonomiji tal-ispejjeż, meta dawn il-prodotti ma jifformawx parti mill-istess suq bħas-suq ikkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi b’mod partikolari li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq partikolari twettaq prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ ħruġ mis-suq għall-kompetituri tagħha kemm effettivi, attwali jew potenzjali. L-eżami ta’ pożizzjoni bħal din jeħtieġ evalwazzjoni tal-possibbiltajiet tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq li jiġbor fih il-prodotti kollha li, abbażi tal-karatteristiċi tagħhom, ikunu adatti b’mod partikolari sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u jkunu ftit interkambjabbli ma’ prodotti oħra, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni sservi sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li xxekkel kompetizzjoni effettiva fl-imsemmi suq.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li operatur alternattiv jista’ jikkumpensa telf subit minħabba kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-livell ta’ prodott bl-ingrossa permezz ta’ dħul provenjenti mill-użu, f’ċerti żoni ġeografiċi li jiġġeneraw iktar profitti, ta’ prodotti oħra tal-impriża kkonċernata li ma jkunux suġġetti għal kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u li jkunu jaqgħu taħt suq ieħor. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu żgurati opportunitajiet indaqs bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Issa, opportunitajiet indaqs jimplikaw li impriża dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effiċjenti jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni fis-suq bl-imnut. Dan ma jkunx il-każ jekk il-prezzijiet tal-prodotti bl-ingrossa mħallsa mill-operaturi alternattivi lill-imsemmija impriża ma jkunux jistgħu jiġu riflessi fil-prezzijiet bl-imnut tagħhom sakemm dawn tal-aħħar ma jiġux offruti b’telf.

(ara l-punti 200-204)

10.    Għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa suffiċjenti li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jkollu t-tendenza li jillimita l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir ikun ta’ natura li jkollu, jew jista’ jkollu, effett bħal dan. B’hekk, l-effett antikompetittiv ta’ prattika tariffarja fis-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jintwera effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jipprekludi lill-kompetituri effettivi għall-inqas daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward ma jistax jiġi sostnut li, fid-dawl tal-medda ta’ żmien li għaddiet bejn il-bidu tal-aġir inkriminanti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni, ma huwiex xieraq li jsir test tal-effetti probabbli, peress li l-Kummissjoni għandha ż-żmien neċessarju sabiex turi l-materjalità tal-allegati effetti antikompetittivi marbuta mal-aġir inkwistjoni.

(ara l-punti 268, 272)

11.    L-eżistenza tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, bl-ebda mod ma jeffettwa l-kompetenza li l-Kummissjoni tikseb direttament mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u, sa mill-1 ta’ Mejju 2004, tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tikkonstata l-ksur fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Ir-regoli li jirrigwardaw il-kompetizzjoni previsti mit-Trattat KE jikkompletaw, permezz tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ex post, il-qafas leġiżlattiv adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu rregolati ex ante s-swieq tat-telekomunikazzjonijiet.

(ara l-punt 293)

12.    Fir-rigward tar-relazzjonijiet li jiġu stabbiliti fil-kuntest tal-proċeduri mħejjija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-metodi ta’ implementazzjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, u li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri, ġew ippreċiżati b’mod partikolari fl-Artikoli 11 sa 16 tar-Regolament Nru 1/2003, taħt il-Kapitolu IV intitolat “Koperazzjoni”. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux speċifikament l-obbligu għall-Kummissjoni li tikkonsulta l-aworitajiet regolatorji nazzjonali.

(ara l-punt 312)

13.    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk twettaqx ksur intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk għandhiex, għalhekk, tiġi ssanzjonata b’multa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma tkunx tista’ tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat. Impriża tkun konsapevoli tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha meta hija tkun taf b’elementi fattwali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq kif ukoll l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż ta’ din il-pożizzjoni.

F’dan ir-rigward, bħala operatur ekonomiku diliġenti, impriża li jkollha pożizzjoni dominanti għandha tkun familjari mal-prinċipji li jirregolaw id-definizzjoni tas-swieq fil-kawżi ta’ kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. F’dan ir-rigward huma mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm. Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm dubju, għal operatur ekonomiku prudenti, li l-pussess ta’ ishma kbar mis-suq, jekk dan ma huwiex neċessarjament u fil-każijiet kollha l-uniku indizju determinanti tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, għandu madankollu importanza kunsiderevoli li għandu neċessarjament jitqies minnu f’dak li jirrigwarda l-aġir eventwali tiegħu fis-suq. F’dan ir-rigward, operatur storiku u proprjetarju tal-unika infrastruttura sinjifikattiva għall-provvista tal-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali, ma jistax jinjora li huwa għandu pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti. B’hekk, l-importanza tal-ishma mis-swieq ta’ tali operatur fis-swieq ikkonċernati jimplikaw li l-konvinzjoni tiegħu li huwa ma jokkupax pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq setgħet tkun biss ir-riżultat ta’ eżami insuffiċjenti tal-istruttura tas-swieq li fihom jopera jew ta’ rifjut li tikkunsidra dawn l-istrutturi.

(ara l-punti 319, 320, 323-325)

14.    L-Artikolu 82 KE jkopri biss aġir antikompetittiv li jkun ġie adottat mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk aġir antikompetittiv jiġi impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, l-Artikolu 82 KE ma huwiex applikabbli. F’sitwazzjoni bħal din, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 82 KE jista’ japplika jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja l-preżenza ta’ tali leġiżlazzjoni, jekk impriża li għandha pożizzjoni dominanti u integrata vertikalment tiddisponi minn marġni ta’ manuvra sabiex temenda anki biss il-prezzijiet bl-imnut, hija tista’, minħabba din ir-raġuni biss, tkun responsabbli għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-prattiki tal-prezzijiet ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet f’pożizzjoni dominanti, jekk jiġi preżunt li tnaqqis tal-prezzijiet jirrikjedi l-intervent tal-awtorità nazzjonali ta’ regolazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet u ma jistax jiġi liberament deċiż minn dik l-impriża, hija dik l-impriża, fil-kuntest tar-responsabbiltà partikolari li taqa’ fuqha bħala impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, li għandha tippreżenta lil dik l-awtorità talbiet ta’ modifika tat-tariffi tagħha meta dawn għandhom l-effett li jippreġudikaw kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni.

(ara l-punti 328-330, 335)

15.    L-osservanza, minn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ma tipproteġix lill-dik l-impriża mill-intervent tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 82 KE.

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ deroga speċifika f’dan is-sens, id-dritt tal-kompetizzjoni huwa applikabbli għas-setturi rregolati. B’hekk, l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni ma ġietx eskluża, peress li d-dispożizzjonijiet settorjali kkonċernati jħallu l-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni ta’ kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi.

(ara l-punti 339, 340)

16.    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiġix imposta multa f’ċerti deċiżjonijiet minħabba n-natura relattivament ġdida tal-ksur ikkonstatat ma tagħtix immunità lill-impriżi li sussegwentement iwettqu l-istess tip ta’ ksur. Fil-fatt, huwa fil-kuntest partikolari ta’ kull każ li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddeċiedi dwar kemm huwa opportun li timponi multa sabiex tissanzjona l-ksur ikkonstatat u tippreżerva l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 357)

17.    Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tipproċedi b’eżami tal-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jiġi kkwantifikat.

(ara l-punt 389)

18.    Il-portata tas-suq ġeografiku jirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti, skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti, in-natura tal-ksur għandha rwol primordjali. Min-naħa l-oħra, il-portata tas-suq ġeografiku ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li huwa biss il-ksur li jirrigwarda ħafna Stati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jitqies li huma biss restrizzjonijiet estiżi ħafna ġeografikament li jistgħu jiġu kklassifikati b’dan il-mod. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikklassifika l-ksur bħala “serju ħafna”, anki jekk id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni jkun limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

(ara l-punt 413)

19.    Sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, l-iktar għat-tipi ta’ ksur partikolarment ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni. Id-dissważjoni għandha tkun kemm speċifika kif ukoll ġenerali. Filwaqt li tikkundanna ksur individwali, il-multa taqa’ wkoll fil-kuntest ta’ politika ġenerali ta’ osservanza mill-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni nkiser minħabba s-sempliċi fatt li l-multa imposta fuq impriża mill-Kummissjoni, ikkalkolata fid-dawl tas-sitwazzjoni proprja ta’ dik l-impriża, jista’ wkoll ikollha effett dissważiv ġenerali fir-rigward tal-impriżi l-oħra li jikkunsidraw li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 433)

20.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li ż-żieda fl-ammont ta’ multa fuq il-bażi tat-tul issir bl-applikazzjoni ta’ ċerta perċentwali mal-ammont inizjali ta’ din il-multa li huwa ddeterminat skont il-gravità tal-ksur kollu, u għalhekk diġà tirrifletti d-diversi intensitajiet tal-ksur, ma hemmx lok għalhekk li tiġi kkunsidrata għaż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba t-tul tal-ksur varjazzjoni fl-intensità tal-ksur matul il-perijodu kkonċernat.

(ara l-punt 450)

21.    Jekk ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, qafas ġuridiku nazzjonali jew aġir tal-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jammontaw għal ċirkustanzi attenwanti, l-approvazzjoni jew it-tolleranza tal-ksur min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan meta l-impriżi inkwistjoni jkollhom mezzi neċessarji sabiex jiksbu tagħrif ġuridiku preċiż u korrett.

(ara l-punt 458)