Language of document : ECLI:EU:T:2011:216

Kawża T-1/08

Buczek Automotive sp. z o.o.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka — Irkupru ta’ krediti pubbliċi — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Kriterju ta’ kreditur privat”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Iffissar tal-ammonti li jridu jiġu rkuprati mingħand diversi benefiċjarji

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Vantaġġ li jirriżulta mill-astensjoni tal-awtoritajiet li jitolbu, sabiex jiġu rkuprati l-krediti pubbliċi, id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ impriża li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Irkupru ta’ krediti pubbliċi mingħand impriża li għandha diffikultajiet finanzjarji

(Artikolu 87(1) KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Karatterizzazzjoni tal-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Sempliċi repetizzjoni tal-kliem tal-Artikolu 87(1) KE — Motivazzjoni insuffiċjenti

(Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

1.      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti jkollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna kkonstata li l-ħlas lura tagħha, impriża għandha interess sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn fiha l-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ ammont mingħandha. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li hija għandha wkoll interess fl-annullament totali tad-deċiżjoni dwar l-iffissar tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand benefiċjarji oħra tal-għajnuna.

(ara l-punti 34, 35, 37, 38)

2.      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) E, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, billi dan jinkludi mhux biss provvisti pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Barra minn hekk, l-Artikolu 87 KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom.

Fil-każ ta’ impriża f’diffikultà finanzjarji, debitriċi ta’ kredituri pubbliċi, il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jagħżlux li jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-impriża, u jillimitaw ruħhom li jsegwu, minkejja li b’diliġenza, il-proċeduri legali ta’ rkupru ta’ krediti pubbliċi, jista’ jikkostitwixxi vantaġġ. Fil-fatt, kull proċedura ta’ falliment, kemm jekk tirriżulta fl-irkupru tal-kumpannija falluta, u kemm fl-istralċ tagħha, mill-inqas, għandha bħala għan li jitwettaq clearance tal-passiv tal-imsemmija kumpannija. F’dan il-kuntest, il-libertà li tiddisponi minnha l-kumpannija falluta fil-ġestjoni kemm tal-assi u kemm tal-attività tagħha hija limitata. Għaldaqstant, billi jonqsu milli jitolbu dikjarazzjoni ta’ falliment tal-impriża, l-awtoritajiet jippermettu lil din il-kumpannija sabiex tiddisponi minn perijodu ta’ żmien, li fih hija tista’ tagħmel użu liberu tal-assi tagħha u li tkompli l-attività tagħha, u b’hekk jagħtuha vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 68, 69, 77)

3.      Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjara tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għal dan il-għan, fir-rigward tal-krediti pubbliċi mhux irkuprati, il-korpi pubbliċi inkwistjoni għandhom jiġu mqabbla ma’ kreditur privat li jfittex li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet finanzjarji.

Meta impriża li tkun ikkonfrontata b’deterjorament kbir tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tipproponi ftehim, jew sensiela ta’ ftehim, għall-arranġament tad-dejn lill-kredituri tagħha sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni tagħha u jiġi evitat l-istralċ tagħha, kull kreditur għandu jagħmel għażla fir-rigward tal-ammont offrut lilu fil-kuntest tal-ftehim propost, minn naħa, u tal-ammont li jidhirlu li jkun jista’ jirkupra fi tmiem l-istralċ eventwali tal-impriża, min-naħa l-oħra. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħall-kwalità tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, privileġġjat jew ordinarju, in-natura u l-portata tal-garanziji li jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ tiġi fuq saqajha kif ukoll il-qligħ li jagħmel f’każ ta’ stralċ. Isegwi li hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, għal kull korp pubbliku inkwistjoni, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi ċċitati iktar ’il fuq, jekk ir-remissjoni tad-dejn li jkun ta kienet manifestament ikbar minn dik li kienet tingħata minn kreditur privat ipotetiku li jinsab, fir-rigward tal-impriża, f’sitwazzjoni simili għal dik tal-korp pubbliku kkonċernat u li jfittex li jirkupra s-somom dovuti lilu. F’każ fejn l-ebda ftehim għall-arranġament tad-dejn ma ġie konkluż, kreditur privat ipotetiku jiġi kkonfrontat b’għażla, fir-rigward, minn naħa, tar-riżultat prevedibbli tal-proċedura legali ta’ rkupru tad-dejn u min-naħa l-oħra, tal-ammont li huwa jqis li jista’ jirkupra fit-tmiem tal-proċedura ta’ falliment tal-kumpannija.

Peress li, ma jeżisti l-ebda obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali, li jfittxu li jirkupraw xi krediti pubbliċi, li jużaw il-metodi ta’ rkupru kollha li jiddisponu minnhom, l-uniku obbligu li huma suġġetti għalih, sabiex l-intervent tagħhom ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, huwa li jadottaw l-aġir ta’ kreditur privat, fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq.

Meta jeżistu diversi metodi ta’ rkupru, huwa neċessarju li jsir paragun tal-merti rispettivi tad-diversi metodi sabiex jiġi ddeterminat dak li kien jagħżel kreditur privat u l-Kummissjoni, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tingħata, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, ma tistax teżenta lilha nnifisha milli tiġġustifika l-konklużjoni li hija tiddikkjara li waslet għaliha wara dan il-paragun permezz ta’ provi materjali rilevanti.

Fil-fatt, minkejja li l-istħarriġ tagħha huwa limitat, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa.

(ara l-punti 70, 82-85, 87, 89)

4.      Għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jkunu indikati r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat u d-distorsjoni jew it-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, sunt qasir tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa suffiċjenti. Ma hijiex il-Kummissjoni li għandha twettaq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tal-oqsma kkonċernati, tal-parti tas-suq tar-rikorrenti, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti ta’ kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi inkwistjoni bejn l-Istati Membri, peress li hija esponiet kif l-għajnuna kkontestata twettaq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, anki fil-każ fejn, miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna jirriżulta li hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, xorta hija l-Kummissjoni li għandha tevoka dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha.

Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija insuffiċjentement motivata fis-sens tal-Artikolu 253 KE, meta, fir-rigward tal-fatt li kummerċ bejn l-Istati jiġi affettwat u tad-distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija tipprovdi sempliċement repetizzjoni tal-kliem tal-Artikolu 87(1) KE, u ma fiha l-ebda sunt, lanqas qasir, tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, lanqas fil-kuntest tad-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom din l-għajnuna ngħatat.

(ara l-punti 101, 102, 105-107)