Language of document : ECLI:EU:T:2007:81

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

8 ta’ Marzu 2007(*)

“Kompetizzjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Kooperazzjoni leali mal-qrati nazzjonali – Kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Motivazzjoni – Proporzjonalità – Motiv ġdid - Inammissibbiltà”

Fil-kawża T‑340/04,

France Télécom SA, stabbilita f' Parġi (Franza), irrappreżentata minn C. Clarenc u J. Ruiz Calzado, avukati,

rikorrenti,

kontra

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u O. Beynet, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1929, tat-18 ta' Mejju 2004, fil-każ COMP/C 1/38.916, li ordnat lill-France Télécom SA kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluża Wanadoo SA u l-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minn Wanadoo SA, sabiex jissottomettu lilhom infushom għal spezzjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1)

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 8 ta' Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-paragrafi 1 u 6 ta' l-Artikolu 11 (intitolat "Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri") tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprovdu li:

"Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f'kooperazzjoni [mill-qrib].

[…]

L-inizjazzjoni mill-Kummissjoni tal-proċeduri għall-[adozzjoni] ta' deċiżjoni taħt Kapitolu III tirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Membri mill-kompetenzi tagħhom li japplikaw l-Artikoli 81u 82 tat-Trattat [KE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru qed taġixxi diġà fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali."

2        Skond l-Artikolu 13 (intitolat "S[o]spensjoni jew it-tmiem tal-proċeduri") tar-Regolament Nru 1/2003:

"1. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ iktar min Stati Membr[u wieħed] irċievew ilment jew qed jaggixxu fuq l-iniżjattiva tagħhom taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat [KE] kontra l-istess ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika, il-fatt li awtorità waħda qed tieħu ħsieb tal-każ ikun ta’ bażi suffiċjenti għal oħrajn biex jiss[o]spendu l-proċeduri [li hemm quddiemhom] jew [jiċħdu l-]ilment. Il-Kummissjoni tista’ bl-istess mod [tiċħad] ilment fuq bażi li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ xi Stat Membru qed tieħu ħsieb il-każ

2. Fejn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni [jirċevu] xi lment kontra xi ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika li diġa ħadet ħsieba awtorità tal-kompetizzjoni oħra, hi tista' [tiċħadha]"

3        Skond l-Artikolu 20 (intitolat "Is-setgħa ta' spezzjoni tal-Kummissjoni") tar-Regolament Nru 1/2003:

"1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji [kollha ta' impriżi u ta' assoċċjazzjonijiet ta' impriżi],

2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mi[l]l-Kummissjoni [sabiex] jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa [...]:

a)      li jidħlu f'kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta' [impriżi u ta' assoċċjazzjonijiet ta' impriżi]

b)      li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif [inhuma] maħżuna;

c)      li jieħ[d]u jew jiks[bu] f'kwalunkwe forma: kopji ta' jew estratti min[n] dawn il-kotba jew rekords

d)      li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perijodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni

e)      li [j]istaqs[u] lil kwalunkwe rappreżentant jew membru [ta' l-i]staff ta' [impriżi jew ta' assoċċjazzjonijiet ta' impriżi] spjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni biex [j]irrekordja[w i]r-risposti.

3. L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni [għandhom] jeżerċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li [t]ispeċifika[...]s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni u l-pieni previsti mill-Artikolu 23 f'każ li [...] l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun[u prodotti b'mod] inkomplet jew fejn [ir-]risposti għad-domandi mistoqsija taħt [il-]paragrafu 2 tal-preżenti Artikolu jkun[u] inkorret[i] jew qarrieq[a]. F'ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni [għandha] tagħti notifikazzjoni ta' l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4. Impriżi jew assoċjazzjonijiet [ta' impriżi] huma rikjesti li jissottomettu [ruħhom] għall-ispezzjonijiet ordnati b'deċiżjoni mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni [għandha] tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni, [tiffissa] d-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 u d-dritt [għal] reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni [għandha] tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni

5. Uffiċjali ta'[,] kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mi[nn,] l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni [għandhom], mat-talba ta' din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, [j]assist[u] b'mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mi[l]l-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma [għandhom i]gawdu mill-poteri speċifikati [fil-]paragrafu 2.

6. Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat [għandu] jagħtihom l-assistenza neċessarja, [...] fejn hu [meħtieġ,] l-assistenza tal-puliżija jew ta' [awtorità oħra b'poter] ekwivalenti, [s]abiex [ikunu jistgħu] jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom

7. Jekk l-assistenza prevista mill-paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta' xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid [issir applikazzjoni] għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista' [tintalab] ukoll [...] bħala miżura ta' prekawzjoni

8. Fejn [tintalab] l-awtorizzazzjoni [msemmija] fil-paragrafu 7 [...], l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali [għandha tistħarreġ] li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta' sfurzar maħsuba [la huma arbitrarji] u lanqas eċċessivi [meta mqabbla ma]s-suġġett ta' l-ispezzjoni. [Fl-istħarriġ] tal-proporzjonalità tal-miżuri ta' sfurzar, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta' l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b'mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE], kif ukoll għas-serjetà tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta' involviment ta' l-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali [la tista' tikkuntesta] n-neċessità ta' l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Il-[...] legali[tà] tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [għandha] tkun suġġetta għar-reviżjoni biss mill-Qorti tal-Ġustizzja"

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

4        F'deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 [KE] (każ COMP/38.233 – Wanadoo Interactive) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003"), il-Kummissjoni kkostatat li bejn Marzu 2001 u Ottubru 2002 Wanadoo Interactive, dak iż-żmien sussidjara b'99.9 % ta' Wanadoo SA, min-naħa tagħha sussidjarja ta' France Télécom SA, li kellha bejn 70 u 72.2 % tal-kapital fil-perijodu kkonċernat minn din id-deċiżjoni, kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja intiżi għall-klientela residenzjali billi applikat, għas-servizzi eXtense et Wanadoo ADSL tagħha, prezzijiet predatorji u imponiet fuq Wanadoo Interactive multa ta' EUR10.35 miljun.

5        Permezz ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat ukoll lill-Wanadoo Interactive sabiex:

–        tastjeni, fil-kuntest tas-servizzi eXtense u Wanadoo ADSL, minn kull imġiba li jista' jkollha għan jew effett identiku jew li jixbaħ dak tal-ksur;

–        tibgħat lill-Kummissjoni, fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja, u sas-sena finanzjarja 2006 inkluża, il-kont ta' l-operat tas-servizzi ADSL differenti tagħha (Asymmetric Digital Subscriber Line, linja diġitali assimetrika ta' l-abbonat), li juri d-dħul kontabbli, l-ispejjeż ta' l-operat u l-ispejjeż ta' l-akkwist tal-klijentela.

6        Fil-11 ta' Diċembru 2003, wara opinjoni favorevoli mill-Awtorità Franċiża li tirregola t-telekomunikazzjoni (iktar ‘il quddiem l-“ART”), il-Ministru Franċiż ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija approva tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa ta' France Télécom applikati għall-aċċess u l-ġbir IP/ADSL, magħrufa wkoll bħala "għażla 5". Bosta fornituri ta' l-aċċess għall-Internet, fosthom Wanadoo, iddeċidew li japplikaw dan it-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa fuq l-offerti bl-imnut tagħhom.

7        Fit-12 ta' Diċembru 2003, Wanadoo ħabbret l-ewwel tnaqqis tat-tariffi bl-imnut tagħha, applikabbli kemm għall-abbonati antiki kif ukoll għall-abbonati ġodda, għas-servizzi b'veloċità għolja tagħha (offerta "eXtense 512k" illimitata, "eXtense 512k Fidélité" illimitata, "eXtense 1024k" illimitata u "eXtense 1024k Fidélité" illimitata), b'effett mis-6 ta' Jannar 2004. It-tariffa ta' l-offerta "eXtense 128k" illimitata baqgħat ma tbiddlitx.

8        Fid-9 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Wanadoo, fejn fakkritha t-termini ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 u talbitha tindikalha jekk, wara l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, hija kinitx introduċiet tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi koperti mill-imsemmija deċiżjoni jew jekk hija kellhiex l-intenzjoni li tagħmel dan. Il-Kummissjoni ppreċiżat li f'każ ta' tweġiba pożittiva hija kienet ser tibgħat lil Wanadoo talba għal informazzjoni formali fuq id-dettalji ta' dan it-tnaqqis fil-prezz. Il-Kummissjoni, minbarra dan, talbet li tiġi informata dwar id-data tat-tmiem tas-sena finanzjarja ta' Wanadoo u dwar il-mument li fih kienet ser tintbagħtilha l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003.

9        Fit-12 ta' Jannar 2004, AOL France SNC u AOL Europe Services SARL (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, "AOL") ippreżentaw ilment quddiem il-Conseil de la concurrence français (iktar 'il quddiem il-"Kunsill tal-Kompetizzjoni") kontra l-prassi ta' prezzijiet predatorji mħaddna minn Wanadoo fir-rigward ta' l-erba' offerti ġodda mħabbra minn din ta' l-aħħar fit-12 ta' Diċembru 2003, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 82 KE u L 420‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż. Ma' dan l-ilment saret talba għal miżuri kawtelatorji intiżi b'mod partikolari għas-sospensjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn l-offerti, magħmula abbazi ta' l-Artikolu L 464‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż.

10      Permezz tad-deċiżjoni Nru 263012, tad-19 ta' Jannar 2004, il-Conseil d’État Franċiż (iktar 'il quddiem il-"Kunsill ta' l-Istat"), li kien ġie interpellat mill-kumpannija T Online France sabiex, permezz ta' proċedura sommarja ta' urġenza, jiddeċiedi dwar talba ta' sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Ministru ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija Franċiż li tikkonferma t-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5, ċaħad din it-talba billi b'mod partikolari indika li l-ART kien "osserva, in sostenn ta' l-opinjoni favorevoli tiegħu għall-offerta tarrifarja ta' France Telecom, wara analiżi dettaljata, in-nuqqas ta' effetti antikompetittivi ta' natura tali li jistgħu jostakolawha"

11      Fid-29 ta' Jannar 2004, Wanadoo ħabbret l-introduzzjoni, b’effett mit-3 ta' Frar 2004, ta' offerta "eXtense 128k Fidélité" illimitata u ta' erba' offerti b'rata fissa (hekk imsejħa "personalizzati"), jiġifieri "eXtense 128k/20h", "eXtense 128k/20h Fidélité", "eXtense 512k/5Go" u "eXtense 512k/5Go Fidélité"

12      Permezz ta' l-ittra tat-30 ta' Jannar 2004, Wanadoo rrispondiet l-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2004 billi infurmat lill din ta' l-aħħar bil-ħruġ ta' offerti ġodda ta' abbonament ADSL f'Jannar, b'tariffi iktar attraenti, u bil-ħruġ, iktar 'il quddiem, ta' offerti ġodda fi Frar.

13      Fl-24 ta' Frar 2004, AOL ikkompletat l-ilment tagħha quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni billi żiedet miegħu l-offerti mħabbra minn Wanadoo fit-3 ta' Frar 2004 u billi ma' dan l-ilment għamlet ukoll talba għal miżuri kawtelatorji intiżi b'mod partikolari għas-sospensjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ltaqgħet ma kompetituri ta' Wanadoo li ġibdulha l-attenzjoni li, fl-opinjoni tagħhom, il-preżż il-ġdid tas-sejħiet telefoniċi għal aċċess għal 128 kbit/s kien iġib miegħu tnaqqis tal-prezzijiet fuq il-livell tas-suq bl-imnut.

15      Fil-bidu ta' Marzu 2004, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni informa lill-Kummissjoni bl-impent ippreżentat minn AOL.

16      Fil-15 ta' Marzu 2004, skond l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, Wanadoo bagħtet lill-Kummissjoni l-kontijiet ta' l-operat tagħha għas-sena finanzjarja 2003.

17      Fit-22 ta' Marzu 2004, matul laqgħa bejn id-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Kompetizzjoni" tal-Kummissjoni u r-relatur inkarigat mill-kwistjoni fil-Kunsill tal-Kompetizzjoni (iktar 'il quddiem ir-"relatur"), irriżulta, minn analiżi sommarja bbażat fuq il-metodu ta' kalkolu li l-Kummissjoni użat fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 u fuq l-abbozz tal-mudell ekonomiku stabbilit minn Wanadoo, aġġustat, fejn meħtieġ, permezz ta' l-estimi tar-relatur, li wħud mit-tariffi l-ġodda ta' Wanadoo huma predatorji, b'mod partikolari fid-dawl ta' pjan li juri l-intenzjoni li jiġu eliminati l-kompetituri. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ir-relatur ippropona lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni sabiex jadotta miżuri kawtelatorji intiżi sabiex iġegħlu lil Wanadoo tneħħi l-offerti in kwistjoni.

18      Fit-2 ta' April 2004, aġenti tad-DĠ "Kompetizzjoni" iltaqgħu ma AOL.

19      Matul l-istess perijodu l-Kummissjoni kellha diversi kuntatti telefoniċi mar-relatur u, fil-21 ta' April 2004, hija kellha t-tieni laqgħa ma dan ta' l-aħħar.

20      Fil-11 ta' Mejju 2004, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 04‑D‑17 tiegħu dwar l-ilment u t-talba għal miżuri kawtelatorji ppreżentati minn AOL, li permezz tagħha huwa ċaħad din it-talba u rrinvija l-ilment għal investigazzjoni (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni").

21      Fit-18 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2004) 1929, fil-każ COMP/C‑1/38.916, fejn ordnat lil France Télécom kif ukoll lill-impriżi kollha li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, inkluża Wanadoo u l-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minn Wanadoo, sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

22      Din id-deċiżjoni tgħid, fl-ewwel u fit-tielet sat-tlettax-il premessa tagħha:

"Il-Kummissjoni […] rċeviet informazzjoni li tindika li Wanadoo tapplika tariffi ta' aċċess għall-Internet permezz ta' l-ADSL għall-pubbliku in ġenerali fi Franza li xi uħud minnhom ma jkoprux l-ispejjeż varjabbli filwaqt li oħrajn huma inqas mill-ispejjeż totali. Skond l-informazzjoni disponibbli, dawn it-tariffi jagħmlu parti minn pjan li l-intenzjoni tiegħu hija l-eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq. Barra minn hekk, l-informazzjoni li waslitilha tindika li l-marġni ekonomiku mnaqqas bejn it-tariffi bl-imnut ikkonċernati u l-offerti bl-ingrossa […] (għażla 5) ta' France Télécom jiġġenera pressjoni fuq it-tariffi fil-konfront ta' [l-]operaturi kompetituri li jixtiequ jipproponu l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali fuq il-bażi ta' l-għażla 5 ta' France Télécom.

[…]

Wanadoo ħabbret li l-ewwel tnaqqis tat-tariffi tagħha ta' aċċess għall-internet permezz ta' l-ADSL intiż għall-pubbliku in ġenerali kellu jkun applikabbli b'effett mill-5 ta' Jannar 2004. Dan it-tnaqqis seħħ permezz ta' l-introduzzjoni ta' l-offerti "eXtense" mingħajr limiti, jiġifieri żewġ offerti ta' 128 kbits/s, l-ewwel waħda b'perijodu kuntrattwali ta' 24 xahar bil-prezz ta' EUR 24.90 fix-xahar u t-tieni waħda b'perojodu kuntrattwali ta' 12-il xahar bil-prezz ta' EUR 29.90 fix-xahar, żewġ offerti ta' 512 kbits/s, l-ewwel waħda b'perijodu kuntrattwali ta' 24 xahar bil-prezz ta' EUR 29.90 fix-xahar u t-tieni waħda b'perojodu kuntrattwali ta' 12-il xahar bil-prezz ta' EUR 34.90 fix-xahar, żewġ offerti ta' 1024 kbit/s, l-ewwel waħda b'perijodu kuntrattwali ta' 24 xahar bil-prezz ta' EUR 39.90 fix-xahar u t-tieni waħda b'perojodu kuntrattwali ta' 12-il xahar bil-prezz ta' EUR 44.90 fix-xahar

Fit-28 ta' Jannar 2004, Wanadoo introduċiet ukoll erba' offerti msejħa "personalizzati" (jiġifieri żewġ offerti ta' 128 kbit/s limitati għal 20 siegħa fix-xahar, l-ewwel waħda b'perijodu kuntrattwali ta' 24 xahar bil-prezz ta' EUR 14.90 fix-xahar u t-tieni waħda b'perojodu kuntrattwali ta' 12-il xahar bil-prezz ta' EUR 19.90 fix-xahar, u żewġ offerti ta' 512 kbit/s limitati għal 5 Gb fix-xaħar, l-ewwel waħda b'perijodu kuntrattwali ta' 24 xahar bil-prezz ta' EUR 24.90 fix-xahar u t-tieni waħda b'perojodu kuntrattwali ta' 12-il xahar bil-prezz ta' EUR 29.90 fix-xahar. Din l-ispezzjoni tirrigwarda speċifikatament dawn l-għaxar offerti ġodda.

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, analiżi fuq il-bażi tad-data ta' previżjoni turi li minn ta’ lanqas tlieta mill-offerti msemmija iktar ‘il fuq (iż-żewġ offerti 'personalizzati' ta' 128 kbit/s u l-offerta 'personalizzata' ta' 512 kbit/s għal 24 xahar) ma jkoprux l-ispejjeż varjabbli tagħhom. Minn ta’ lanqas żewġ offerti oħra ta' 512 kbit/s (l-offerta 'personalizzata' ta' 12-il xahar u l-offerta illimitata ta' 24 xahar) ma jkoprux l-ispejjeż kollha tagħhom,

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll informazzjoni li tindika li l-offerti kkonċernati jagħmlu parti minn strateġija li tillimita u li tbiegħed lill-kompetituri.

Barra minn hekk, skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, minkejja t-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5 li seħħ f'Jannar 2004, il-marġni ekonomiku bejn it-tariffi ta' l-imnut ġodda applikati minn Wanadoo u l-għażla 5 huwa insuffiċjenti u jwaqqaf lill-operaturi kompetituri li jibbażaw l-offerta tagħhom fuq l-għażla 5 milli jikkompetu ma' Wanadoo f'kundizzjonijiet ġusti.

Fid-deċiżjoni tagħha […] tas-16 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonludiet li Wanadoo kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq Franċiż ta' l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali. L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha tindika li din il-konklużjoni tibqa' valida llum.

Huwa probabbli ħafna li l-offerti mogħtija minn Wanadoo, li huma iktar baxxi mill-ispejjeż, u l-marġni mnaqqas bejn dawn l-offerti u t-tariffi ta' l-għażla 5 illimitaw id-dħul fis-suq ta' kompetituri – Franċiżi jew kompetituri stabbiliti fi Stati Membri oħra – u pperikolaw dawk li huma diġà preżenti. Skond l-informazzjoni disponibbli, il-parti l-kbira tal-kompetituri ta' Wanadoo kellhom jadattaw ruħhom għall-offerti l-ġodda u s-suq kollu ta' l-ADSL fi Franza attwalment jirreġistra marġni negattiv.

Prassi bħal dik deskritta iktar 'il fuq tammonta għal impożizzjoni ta' prezzijiet tal-bejgħ li mhumiex ġusti. Jekk l-eżistenza tagħha tkun murija, tali prassi tammonta għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti u b'hekk għal ksur ta' l-Artikolu 82 [KE].

Sabiex tkun f'pożizzjoni li tevalwa l-fatti kollha rilevanti dwar il-prassi ssuspettata u l-kuntest ta' l-abbuż issuspettat, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003

Skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, huwa probabbli ħafna li l-informazzjoni kollha relatata mal-prassi msemmija, b'mod partikolari l-elementi ta' informazzjoni li abbażi tagħhom jista' jiġi stabbilit il-livell ta' kopertura ta' l-ispejjeż u dawk li jikkonċernaw l-istrateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, ġew ikkomunikati biss lil xi membri tal-persunal ta' France Télécom u/jew ta' Wanadoo. Huwa probabbli ħafna li d-dokumentazzjoni eżistenti dwar il-prassi ssuspettata hija limitata għall-minimu u hija miżmuma f'postijiet u f'forma li tiffaċilita l-ħabi, it-trażżin jew id-distruzzjoni tagħha f'każ ta' investigazzjoni.

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità ta' l-ispezzjoni preżenti, huwa għalhekk essenzjali li titwettaq mingħajr ma jiġu avżati minn qabel l-impriżi destinatarji tad-[d]eċiżjoni preżenti. Għalhekk, hemm lok li tiġi adottata [d]eċiżjoni skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li tordna lill-impriżi sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni.”

23      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li:

"France Télécom […] u Wanadoo […]:

huma marbuta li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar preżunta impożizzjoni ta' prezzijiet tal-bejgħ li mhumiex ġusti fil-qasam ta' l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali, li hija kuntrarja għall-Artikolu 82 [KE], bl-intenzjoni li jillimitaw u li jbiegħdu lill-kompetituri. L-ispezzjoni tista' titwettaq fil-postijiet kollha ta' l-impriżi […]

France Télécom […] u Wanadoo […] għandhom jippermettu lill-aġenti u lill-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni u lill-aġenti ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-aġenti awtorizzati jew inkarigati minnha li jassistuhom, sabiex ikollhom aċċess għall-uffiċċji, il-postijiet u l-mezzi ta' trasport kollha tagħhom fil-ħinijiet normali ta' l-uffiċċju. Dawn l-impriżi għandhom jipprovdu l-kotba u dokumenti professjonali oħra, irrispettivament mill-forma li fihom huma maħżuna, mitluba minn dawn l-aġenti u persuni oħra u għandhom jippermettu lil dawn sabiex jivverifikaw fuq il-post dawn il-kotba u dokumenti professjonali oħra, kif ukoll li jieħdu jew jiksbu, taħt kwalunkwe forma, kopja jew estratt. Huma għandhom jipprovdu immedjatament, fuq il-post, kull spjegazzjoni orali mitluba mill-imsemmija aġenti u persuni oħra fuq fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni u għandhom jippermettu lil kull rappreżentant jew membru tal-persunal li jfornu dawn l-ispjegazzjonijiet. Huma għandhom jippermettu [lill-imsemmija] aġenti u persuni oħra sabiex jirreġistraw tali spjegazzjonijiet, fi kwalunkwe forma."

24      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża, fl-Artikolu 2 tagħha, id-data tal-bidu ta' l-ispezzjoni. Fl-aħħar parti ta' dan l-artikolu, hija tindika ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tista' timponi fuq kull impriża destinatarja ta' din id-deċiżjoni multi u perijodi għal pagament tal-pieni, skond l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003, u tindika li, meta impriża destinatarja topponi l-ispezzjoni ordnata, l-Istat Membru interessat għandu jagħti lill-aġenti u lill-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni l-assistenza neċessarja sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni ta' spezzjoni tagħhom, skond l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Hija ssemmi wkoll il-possibbiltà li jsir rikors kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tinkludi, fl-anness, ċerti estratti tar-Regolament Nru 1/2003.

25      Fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet l-assistenza ta' l-awtoritajiet Franċiżi skond l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz ta' talba għal investigazzjoni tal-25 ta' Mejju 2004, il-Ministru Franċiż ta' l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta' l-Industrija ordna lid-direttur tad-direttorat nazzjonali ta' investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni, tal-konsum u tal-ġlieda kontra l-frodi sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji għat-twettiq ta' l-investigazzjoni definita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, dan ta' l-aħħar adixxa lill-juge des libertés et de la détention fit-Tribunal de Grande Instance ta' Nanterre (iktar 'il quddiem l-"imħallef tal-libertajiet") sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni li jwettaq jew li jqabbad lil min iwettaq spezzjoni ta' France Télécom u ta' Wanadoo u li jassisti lill-Kummissjoni. Dan ir-rikors kien akkumpanjat mid-deċiżjoni kkontestata.

26      Permezz ta' digriet tas-28 ta' Mejju 2004, l-Imħallef tal-libertajiet ta' l-awtorizzazzjoni mitluba li, b'mod partikolari, tippermetti lill-investigaturi Franċiżi li kellhom jiġu maħtura sabiex jeżerċitaw il-poteri mogħtija lilhom mill-Artikoli L 450‑4 u L 470‑6 tal-kodiċi tal-kummerċ Franċiż.

27      L-ispezzjoni nbdiet fit-2 ta' Ġunju 2004 fil-postijiet tar-rikorrenti u baqgħet għaddejja sat-3 ta' Ġunju 2004. Fil-waqt li kkooperat, ir-rikorrenti esprimiet riżervi fir-rigward tal-fondatezza ta' din l-ispezzjoni. Wanadoo kienet is-suġġett tal-verifiki tat-2 u ta' l-4 ta' Ġunju 2004.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Awwissu 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

29      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti, li rrispondietha fit-terminu preskitt.

30      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta bil-miftuħ tat-8 ta' Ġunju 2006.

31      Ir-rikorrenti titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Sabiex issostni r-rikors tagħha r-rikorrenti tressaq erba' motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali ma’ l-istituzzjonijiet nazzjonali, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u fuq il-ksur, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwrok ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar 'il quddiem il-"Komunikazzjoni"), u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, fejn dan l-aħħar motiv ġie mqajjem għall-ewwel darba fir-replika.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

34      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret b'erba' modi l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha abbażi ta' l-Artikolu 253 KE, tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-ġurisprudenza. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermettilha li tifhem għal liema raġuni hija kienet suġġetta għall-ispezzjoni, it-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata fir-rigward ta' wħud mill-elementi kuntestwali, it-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq id-dubji, esposti fid-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw t-tariffi ta' l-għażla 5 u, ir-raba' nett, id-deċiżjoni kkontestata ma ppermettietx li l-Imħallef tal-libertajiet ikun jista' jeżerċita l-obbligu ta' stħarriġ li huwa għandu.

 Fuq l-ewwel ilment, li jirrigwarda l-impossibbiltà li r-rikorrenti ssir taf ir-raġuni li għaliha hija kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u għalfejn kienet suġġetta għall-ispezzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

35      F'termini ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 253 KE tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni jiddependi fuq in-natura ta' l-att in kwistjoni u fuq il-kuntest li fih dan l-att ġie adottat. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiddeskrivi b'mod ċar u preċiż is-suġġett u l-għan ta' spezzjoni li hija tiddeċiedi li tordna u l-preżunzjonijiet li hija trid tivverifika. Issa, f'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta' motivazzjoni li ma ppermettiex li r-rikorrenti tkun tista' tevalwa s-suġġett eżatt, il-firxa u l-karattru ġġustifikat ta' l-ispezzjoni ordnata. Minħabba dan il-fatt hija ma kelliex il-possibbiltà li tkun taf il-portata ta' l-obbligu ta' kollaborazzjoni tagħha u d-drittijiet tad-difiża tagħha ma ġewx imħarsa. Fil-fatt, hija ma kinitx f'pożizzjoni li tkun taf b'mod ċar, la l-preżunzjonijiet tal-Kummissjoni u lanqas il-portata ta' l-implikazzjoni li ġiet attribwita lilha fil-kuntest ta' l-allegat abbuż ta' pożizzjoni dominanti.

36      Id-deċiżjoni kkontestata tpoġġi fuq Wanadoo r-responsabbiltà għall-allegati prattiċi li fuqhom hija bbażata l-ispezzjoni, b'mod konformi mal-pożizzjoni adottata fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, fejn il-Kummissjoni għarfet li Wanadoo kienet awtonoma mir-rikorrenti fir-rigward tal-politika tagħha ta' ffissar ta' prezzijiet fis-suq franċiż tas-servizzi ta' aċċess għall-internet b'veloċità għolja intiżi għall-klijentela residenzjali. Għalhekk is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata huwa l-verifika ta' prattiċi li r-responsabbiltà għalihom tpoġġiet fuq kumpannija sussidjarja awtonoma mir-rikorrenti, li topera f'suq li fih din ta' l-aħħar mhijiex preżenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha, sabiex tirrispetta l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha, tesponi r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti kienet personalment ikkonċernata minn spezzjoni intiża sabiex jiġu vverifikati l-preżunzjonijiet ta' ksur previsti fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li r-rikorrenti ssir taf jekk il-Kummissjoni tikkunsidrax li hija hija preżunta bħala personalment implikata fl-implementazzjoni ta' l-allegati prattiċi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u jekk hija hijiex, għalhekk, issuspettata li personalment kisret l-Artikolu 82 KE, u dan jikser l-eżiġenza, stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 2002, Roquette Frères (C-94/00, Ġabra p. I-9011), li tgħid li l-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod kif l-impriża kkonċernata mill-miżuri ta' infurzar hija preżunta bħala implikata fil-ksur.

38      Il-fatt li fl-2004 ir-rikorrenti akkwistat il-kapital kollu ta' Wanadoo ma jiġġustifikax il-pożizzjoni li l-Kummissjoni adottat fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tindika li l-prezzijiet ikkonċernati minn din id-deċiżjoni huma l-prezzijiet ta' offerti maħruġa f'Jannar 2004, meta hija kellha biss madwar 70 % tal-kapital ta' Wanadoo peress li l-akkwist tal-kapital kollu ta' din ta' l-aħħar seħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-preżunzjoni li tgħid li kumpannija sussidjarja hija suġġetta b'mod determinanti għall-influenza tal-kumpannija prinċipali tingħeleb fil-każ li din il-kumpannija sussidjarja tiddetermina l-politika tagħha b'mod awtonomu. F'dan il-każ, l-awtonomija ta' Wanadoo ġiet stabbilita fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003. Il-Kummissjoni ma setgħetx terġa lura minn din il-konstatazzjoni biss minħabba r-raġuni impliċita ta' żieda fis-sehem li r-rikorrenti kellha fil-kapital ta' Wanadoo wara l-iffissar tal-prezzijiet ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

39      Iktar minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija kuntradittorja. Fil-fatt, l-attitudni tal-Kummissjoni, sa' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u l-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni jikkonfermaw li l-offerti u l-prezzijiet miżmuma minn Wanadoo kienu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-politika ta' din l-aħħar impriża u mhux taħt politika ta' grupp.

40      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrispondi billi telenka l-eżiġenzi imposti fuqha mill-ġurisprudenza f'dak li jirrigwarda motivazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' spezzjoni. L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandu jkun hemm fil-motivazzjoni ta' deċiżjoni li tordna spezzjoni billi jipprovdi li din tkun tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni. Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza ġie stabbilit, f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, l-ewwel Regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli [81 KE] u [82] (ĠU 1962, 13, p. 204), li l-kliem tiegħu huwa essenzjalment riprodott mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-Kummissjoni la hija obbligata li tibgħat lid-destinatarju ta' deċiżjoni ta' verifikazzjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha fir-rigward tal-preżunt ksur u lanqas mhija obbligata li, b'mod dettaljat, tikkwalifika legalment dan il-ksur, iżda li hija għandha tidentifika b'mod ċar il-preżunzjonijiet li hija trid tivverifika. Id-deċiżjoni kkontestata rrispettat dawn ir-rekwiżiti.

41      F'dak li jirrigwarda l-ewwel ilment magħmul mir-rikorrenti, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti hija l-kumpannija prinċipali tal-grupp Wanadoo, li tiegħu hija kellha 95.94 %tal-kapital qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li r-rikorrenti hija persuna legali distinta minn Wanadoo bl-ebda mod ma jfisser li hija hija impriża distinta fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Meta impriża jkollha l-kapital kollu ta' impriża oħra, teżisti preżunzjoni li tgħid li l-ewwel waħda teżerċita kontroll fuq it-tieni u, konsegwentement, preżunzjoni li hija tkun implikata fil-każ li t-tieni waħda twettaq ksur. Il-Kummissjoni ma kelliex għalfejn tispjega dawn l-elementi fid-deċiżjoni tagħha għaliex l-obbligu ta' motivazzjoni ma jeżiġix li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti. Barra minn hekk, ir-referenzi li r-rikorrenti tagħmel għad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 mhumiex rilevanti peress li wara din id-data r-rikorrenti żiedet is-sehem tagħha fil-kapital ta' Wanadoo.

42      Barra minn hekk, għalkemm iż-żieda fl-ishma tar-rikorrenti fil-kapital ta' Wanadoo kienet għadha ma seħħitx meta nħarġu l-offerti l-ġodda f'Jannar 2004, is-swieq kienu qedin jistennew l-integrazzjoni ta' Wanadoo fi ħdan il-grupp France Télécom. Il-Kummissjoni setgħet ġustament tissupponi li l-proċess ta' integrazzjoni ta' Wanadoo kien diġà, minn ta' lanqas, fl-istadju ta' tħejjija meta nħarġu l-offerti l-ġodda u li, f'dan l-istadju, ir-rikorrenti kellha interess li tikkontrolla iktar mill-qrib id-deċiżjonijiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha f'dak li jirrigwarda tariffi. Barra minn hekk, huwa x'aktarx minnu li, wara deċiżjoni li tiddikjara illegali l-politika ta' prezzijiet ta' kumpannija sussidjarja, il-kumpannija prinċipali timplika ruħha iktar mill-qrib fl-iffissar tal-prezzijiet ta' din ta' l-aħħar.

43      It-tieni nett, sabiex tagħmel spezzjoni l-Kummissjoni mhemmx għalfejn ikollha ċ-ċertezza li l-impriża suġġetta għall-ispezzjoni hija direttament implikata fl-allegat ksur jew tkun f'pożizzjoni li tindika r-rwol preċiż li kull impriża spezzjonata kellha f'dan il-ksur. Peress li r-rikorrenti hija l-kumpannija prinċipali ta' Wanadoo u peress li l-ksur imwettaq minn din ta' l-aħħar huwa espliċitu, ir-raġuni li għaliha r-rikorrenti hija kkonċernata hija evidenti. Għalhekk, huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li wħud mill-elementi mfittxija setgħu jinsabu ukoll fil-postijiet tar-rikkorrenti.

44      Il-fatt li, f'dak li jirrigwarda l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, mill-ebda wieħed mill-elementi ma rriżulta li Wanadoo kienet imxiet fuq istruzzjonijiet tal-kumpannija prinċipali tagħha mhuwiex rilevanti peress li din il-konstatazzjoni ma setgħetx tkun valida għal sitwazzjonijiet futuri.

45      It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar b'liema mod ir-rikorrenti hija preżunta implikata fil-ksur allegat. Il-prassi ta' tariffi deskritti, jekk dawn jiġu pprovati, ikunu ekwivalenti għall-impożizzjoni ta' prezzijiet ta' bejgħ mhux ekwi fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE, li jistgħu jiġu kkwalifikati, fil-każ ta' grupp ta' imprizi bħal dak ikkonċernat f'dan il-każ, kemm bħala prezzijiet predatorji kif ukoll bħala pressjoni fuq it-tariffi. Kwalifikazzjoni legali eżatta tal-ksur preżunt jew l-indikazzjoni tal-perijodu li matulu dan il-ksur twettaq mhumiex meħtieġa. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta' l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjara lill-kumpannija prinċipali mhijiex rilevanti f'dan il-każ.

46      Fl-aħħar nett, u f'kull każ, il-Kummissjoni tista' tordna spezzjoni meta hija tista' ġustament tikkunsidra li elementi rilevanti għall-investigazzjoni tagħha jinsabu fil-postijiet ta' impriża, anke jekk iktar tard jirriżulta li l-impriża in kwistjoni mhijiex direttament implikata fil-ksur allegat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

47      Preliminarjament, għandhom jiġu mfakkra l-prinċipji li jirregolaw l-obbligu ta' motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha meta hija tadotta deċiżjoni li tordna spezzjoni abbażi ta' l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

48      L-obbligu tal-motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali, li jirriżulta b'mod ġenerali mill-Artikolu 253 KE, għandu bħala għan li jippermetti lill-qorti Komunitarju li teżerċita s-setgħa ta' stħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex eventwalment ivvizzjata b'difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha, peress li ġie ppreċiżat li l-portata ta' dan l-obbligu jiddependi fuq in-natura ta' l-att in kwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1984, Instituut Electronenmicroscopie, 185/83, Ġabra p. 3623, punt 38, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T 349/03, Ġabra p. II-2197, punti 62 u 63).

49      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw spezzjoni, l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jidhru f'deċiżjoni bħal din billi timponi fuq il-Kummissjoni li din għandha timmotivha billi tispeċifika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni, tiffissa d-data li fiha għandha tibda, tindika l-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 ta' l-imsemmi regolament u d-dritt [għal] reviżjoni ta' tali deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

50      Għalhekk, l-għan tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni huwa li juri n-natura ġġustifikata ta' l-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati, kif ukoll li tqiegħed lil dawn ta' l-aħħar f'pożizzjoni li jagħrfu l-portata tad-dover tagħhom ta' kollaborazzjoni filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża ta' dawn l-impriżi (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. I-2859, punt 29, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punt 47)

51      L-Ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni jikkostitwixxi, fil-fatt, garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati u, konsegwentment, il-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta' kunsiderazzjonijiet marbuta ma' l-effikaċja ta' l-investigazzjoni. F'dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni mhijiex marbuta la li tikkomunika lid-destinatarju ta' tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha li hija għandha fir-rigward tal-ksur preżunt, la li tiddefinixxi preċiżament is-suq in kwistjoni, la li twettaq kwalifikazzjoni ġuridika eżatta ta' dan il-ksur u lanqas li tindika l-perijodu li fih allegatament twettaq dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika, b'kemm jista' jkun preċiżjoni, il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li fuqhom għandha tikkonċentra l-ispezzjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. I-3137, punt 10; Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 50 supra, punt 41, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punt 48).

52      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hija wkoll marbuta li, f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, tipprovdi deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq preżunt in kwistjoni u n-natura tar-restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni ssuspettati, spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod li fih l-impriża kkonċernata mill-ispezzjoni hija preżunta li hija implikata fil-ksur, dak li qiegħed jiġi mfittex u l-elementi li fuqhom għandha ssir il-verifika, kif ukoll il-poteri mogħtija lill-investigaturi Komunitarji (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 26, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punti 81, 83 u 99).

53      Sabiex tiġi stabbilita n-natura ġustifikata ta' l-ispezzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, turi b'mod dettaljat li hija għandha elementi u indizji materjali serji li wassluha sabiex tissuspetta l-ksur mill-impriża li ser tiġi spezzjonata (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punti 55, 61 u 99).

54      F'dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata hija redatta f'termini ġenerali, hija madankollu fiha l-elementi essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza.

55      Għalhekk, mit-termini essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotti fil-punti 22 sa 24 iktar 'il fuq, jirriżulta li hija tindika s-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni billi turi l-katatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, billi tidentifika s-suq preżunt in kwistjoni – jiġifieri l-aċċess għall-Internet b'veloċità għolja għall-klijentela residenzjali fi Franza –, tindika n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati fil-konfront tar-rikorrenti,– jiġifieri prassi ta' tariffi kuntrarja għall-Artikolu 82 KE, billi tindika l-importanza tat-tariffi ta' l-għażla 5 tar-rikorrenti fid-determinazzjoni ta' l-eżistenza ta' dan il-ksur –, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod kif Wanadoo hija preżunta li hija implikata fil-ksur u r-rwol li r-rikorrenti seta' kellha – hija setgħet kienet tkun taf jew seta' jkollha ċerti elementi li kienu jippermettu li jiġi stabbilit il-ksur issuspettat –, tindika dak li huwa mfittex u l-elementi li fuqhom għandha tikkonċentra l-ispezzjoni – jiġifieri informazzjoni relatata ma' din il-prassi, b'mod partikolari elementi li jippermettu li jiġi stabbilit il-livell ta' kopertura ta' l-ispejjeż ta' Wanadoo u relatati ma' strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, li setgħu ġew ikkomunikati biss lil xi membri tal-persunal tar-rikorrenti jew ta' Wanadoo, li kellhom jiġu mfittxija f'kull post tal-kumpannija, fil-kotba u f'dokumenti professjonali oħra kemm ta' Wanadoo kif ukoll tar-rikorrenti u, eventwalment, oralment – tindika s-setgħat mogħtija lill-investigaturi Komunitarji, id-data li fiha kellha tibda l-ispezzjoni – jiġifieri t-2 ta' Ġunju 2004 –, il-pieni previsti fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-possibbiltà li jsir rikors kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Barra minn hekk, f'dak iż-żmien, fi Franza kien fatt magħruf li r-rikorrenti kienet il-kumpannija prinċipali ta' Wanadoo.

56      Fir-rigward tan-natura ġġustifikata ta' l-ispezzjoni, id-deċiżjoni kkontestata turi b'mod iddetteljat li l-Kummissjoni, fil-fajl tagħha, kellha elementi u indizji serji li jippermettula li tissuspetta ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni minn Wanadoo, kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti, u setgħet tissuspetta li wħud mill-elementi, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, setgħu kienu intbagħtu lil ċerti membri tal-persunal tar-rikorrenti.

57      Għalhekk jidher li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata fid-dawl ta' l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest li fih din ġiet adottata, l-elementi msemmija mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan l-ilment mhumiex ta' natura tali li jikkuntestaw din il-konklużjoni.

58      L-ewwel nett, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tindika speċifikament li s-suġġett ta' l-ispezzjoni huma l-għaxar offerti ta' Wanadoo li hemm imsemmijin fiha. Abbażi ta' dan, kif jirriżulta mill-punt 55 iktar 'il fuq, huma wkoll esposti r-raġuni li għaliha r-rikorrenti ġiet indikata bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġuni għall-implikazzjoni personali tagħha fl-ispezzjoni ordnata, jiġifieri, il-fatt li l-Kummissjoni kienet tissuspetta li wħud mill-elementi setgħu kienu jinsabu fil-postijiet tar-rikorrenti jew li din setgħet kienet ġiet infurmata bl-istrateġija tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti nfisha tammetti li huwa element rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha, din il-preċiżazzjoni hija suffiċjenti sabiex tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tas-suġġett u ta' l-għan ta' l-ispezzjoni in kwistjoni.

59      Minn naħa, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet, meta ġraw il-fatti, il-kumpannija prinċipali ta' Wanadoo u li hija ma setgħetx ma tkunx taf li l-kumpannija sussidjarja tagħha kienet ġiet ikkundannata permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 talli kienet kisret l-Artikolu 82 KE. Għalhekk il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tissuspetta li wħud mill-elementi ta' prova setgħu kienu jinsabu fil-postijiet tar-rikorrenti.

60      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 jirriżulta li diġà f'dik il-kawża r-rikorrenti kienet is-suġġett ta' talbiet għall-informazzjoni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni hija bbażata, b'mod partikolari għall-finijiet ta' l-analiżi tagħha ta' l-istrateġija ta' approprjazzjoni tas-suq tas-servizzi ta' aċċess għall-internet b'veloċità għolja minn Wanadoo, fuq elementi kuntestwali li jixhdu strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri kif ukoll il-pożizzjoni dominanti ta' Wanadoo li uħud minnhom ġew mir-rikorrenti u oħrajn ġew ipprovduti minn Wanadoo. F'dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni tindika wkoll elementi li juru l-politika globali ta' France Télécom fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u ġustament tenfasizza li l-istrateġija segwita minn kumpannija sussidjarja ma tistax tiġi kompletament distinta mill-għanijiet tal-kumpannija prinċipali.

61      Għalhekk, fid-dawl, b'mod partikolari, tar-rwol li ċerti dokumenti tar-rikorrenti diġà kellhom u ta' l-istrateġija ta' grupp segwita mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit ksur min-naħa tal-kumpannija sussidjarja tagħha anke meta l-indipendenza ta' din ta' l-aħħar f'dak li jirrigwarda ffissar tal-prezzijiet bl-imnut ma kinetx ikkontestata, in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-għażla tar-rikorrenti bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u fir-rigward ta' l-implikazzjoni personali tagħha fl-ispezzjoni magħmula f'dan il-każ, mhuwiex stabbilit.

62      L-ammont eżatt ta' ishma li r-rikorrenti kellha fil-kapital ta' Wanadoo mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward, peress li f'kull każ dan kien suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet tabilħaqq, meta seħħew il-fatti in kwistjoni, il-kumpannija prinċipali ta' Wanadoo. Sussidjarjament, Il-Qorti tal-Prim'Istanza min-naħa l-oħra tikkonstata li mir-risposta tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li, fit-28 ta' April 2004, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kellha, direttament jew indirettament, 95.25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha Wanadoo.

63      Lanqas mhija rilevanti l-eventwali impossibbiltà li l-imġieba anti kompetittiva ta' Wanadoo, la darba stabbilita, tiġi imputata fuq ir-rikorrenti. Din tista' fil-fatt tirriżulta minn analiżi fil-fond ta' kwistjoni iżda ma tippermettix li tiġi pprojbita spezzjoni fil-postijiet tal-kumpannija prinċipali peress li din l-ispezzjoni hija ġustament intiża sabiex tiddetermina r-rwol eżatt li l-impriżi kkonċernati kellhom fil-ksur in kwistjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teżiġix li f'deċiżjoni li tordna spezzjoni ssir kwalifikazzjoni ġuridika ddettaljata (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 51 supra, punt10). Iktar minn hekk, diġà ġie kkonstatat li f'dan il-każ id-deċiżjoni kkontestata kienet iġġustifikata, a suffiċjenza tad-dritt, mill-fatt li l-Kummissjoni setgħet ġustament tissuspetta li ċerti elementi ta' prova rilevanti setgħu kienu jinsabu fil-postijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkuntestat l-awtonomija ta' l-imġieba ta' Wanadoo fis-suq ikkonċernat mill-ispezzjoni, li ġiet rikonoxxuta fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003.

64      It-tieni nett, fir-rigward ta' l-argument li jgħid li l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni ma ppermettiex lir-rikorrenti li ssir taf jekk hija kelliex tqis ruħha bħala personalment implikata fil-ksur, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif ġie osservat preċedentement, li kemm il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-kuntest li fih din ġiet adottata jindikaw b'mod ċar b'liema mod ir-rikorrenti hija preżunta implikata fil-ksur.

65      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda kuntradizzjoni mal-pożizzjoni preċedenti tal-Kummissjoni, li kienet tkun teħtieġ motivazzjoni partikolari. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni lment, li jirrigwarda n-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' ċerti elementi kuntestwali

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li tagħmel l-ispezzjoni in kwistjoni fid-dawl tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, tal-proċedura li kien hemm quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

67      Minn naħa, il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-ispezzjoni, l-istess bħar-referenza għar-riskju ta' ħabi jew ta' distruzzjoni ta' elementi, kellhom jiġu ġġustifikati fid-dawl ta' l-eżistenza ta' l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003.

68      Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni kienet tqis li l-ispezzjoni kienet meħtieġa minkejja l-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u ċ-ċaħda, ta' dan ta' l-aħħar, tat-talba ta' miżuri kawtelatorji ppreżentata minn AOL, il-Kummissjoni kellha tispjega u tiġġustifika dan, a fortiori f'dak li jirrigwarda l-ispezzjoni ordnata fil-postijiet tar-rikorrenti.

69      In-nuqqas tal-Kummissjoni milli tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni rriferiet, fost l-elementi kuntestwali ppreżentati fir-risposta tad-difiża tagħha, għad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, għall-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija s-segwitu ta' din l-aħħar deċiżjoni, għall-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u għad-deċiżjoni tagħha li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu.

70      F'kull każ, l-ispjegazzjonijiet li hija pprovdiet iktar tard fir-risposta ta' difiża tagħha ma jistgħux itaffu n-nuqqas ta' motivazzjoni li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata. L-obbligu ta' motivazzjoni kien jimponi lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-preżunzjoni ta' ksur li kien hemm indikat fiha kienet tirriżulta mill-iskambji li kellha ma l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-fażi investigattiva rigwardanti t-talba ta' AOL u li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirriżulta mid-deċiżjoni preċedenti tagħha li titratta din it-talba fuq il-mertu. F'dan il-każ in-nuqqas huwa ħafna iktar gravi peress li, skond il-punt 34 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kellha tinforma lir-rikorrenti li kienet iddeċidiet li titratta l-kawża fuq il-mertu.

71      L-ewwel nett il-Kummissjoni tikkonfuta, fir-rigward tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 u tal-miżuri ta' stħarriġ imposti fiha, li fid-deċiżjoni kkontestata jissemma li hija rċeviet informazzjoni li kienet tindika li l-offerti kkonċernati kienu jagħmlu parti minn strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri. Il-ksib ta' tali elementi ma jistax isir sempliċement permezz ta' domanda għall-informazzjoni fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni kienet tissuspetta, abbażi ta' informażżjoni, l-eżistenza ta' ksur ġdid ta' l-Artikolu 82 KE, minkejja l-istħarriġ imwaqqaf permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, u dan jimplika li kien hemm riskju serju li l-elementi li Wanadoo pprovdiet fil-kuntest ta' dan l-istħarriġ ma kinux kompluti jew ma kinux eżatti.

72      Barra minn hekk, in-nuqqas ta' referenza għad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' kompetizzjoni u għal-proċedura mibdija quddiem dan ta' l-aħħar ma jistax jikkonstitwixxi vizzju, veru u propju, ta' motivazzjoni peres li n-nuqqas li jissemmew dawn l-elementi ma satax ikun ta' dannu għar-rikorrenti. Il-Kummissjoni lanqas mhija obbligata li, f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, tindika s-sorsi tagħha. Sussidjarjament, Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma ċaħadx it-talba ta' miżuri kawtelatorji għal raġunijiet li jirrigwardaw il-mertu tal-preżunt ksur, iżda għal-raġunijiet marbuta mal-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' miżuri proviżjorji. F'kull każ, ir-rikorrenti ma tippruvax b'liema mod il-fatt li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma ppermettewliex li tifhem l-għan u s-suġġett ta' l-ispezzjoni ordnata.

73      Fl-aħħar nett, l-argument li jirrigwarda l-indikazzjoni, fir-risposta tad-difiża, ta' elementi ta' informazzjoni li ma kinux iddettaljati fid-deċiżjoni kkontestata mhuwiex rilevanti. B'mod partikolari, il-fatt li ma kinitx taf li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu ma kienx neċessarju sabiex tifhem is-suġġett u l-għan ta' l-ispezzjoni jew tal-firxa ta' dak li kien qiegħed jiġi mfittex. Min-naħa l-oħra l-punt 34 tal-Komunikazzjoni ma jobligax lill-Kummissjoni li tinforma lill-impriża kkonċernata permezz ta' deċiżjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

74      Mill analiżi li saret fil-punti 47 sa 57 iktar 'il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu ġenerali ta' motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, f'dan il-każ, il-Kummissjoni għandiex madankollu, sabiex tissodisfa dan l-oibbligu, timmotiva wkoll id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta' l-elementi li r-rikorrenti ssemmi f'dan l-ilment.

75      F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti kienet taf dwar id-diversi elementi kuntestwali li hija invokat peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata lilha u peress li l-ispezzjoni seħħet. Għalhekk in-nuqqas li dawn jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħax ikollu l-effett li jkun ta' dannu għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

76      It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja dawn l-inġunzjonijiet, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li kienet tagħtiha x'tissuspetta li kien hemm ksur ta' l-Artikolu 82 Ke min-naħa ta' Wanadoo. Fi kliem ieħor, fil-fajl tagħha l-Kummissjoni kellha elementi li kienu jindikaw li Wanadoo ma kinitx qiegħdha tikkonforma ruħha ma dawn l-inġunzjonijiet. Barra minn hekk, l-ispezzjoni kienet ukoll intiża sabiex tikseb elementi li jixkfu l-intenzjoni ta' eliminazzjoni tal-kompetituri, liema elementi, anke li kieku kienu koperti mill-inġunzjonijiet in kwistjoni, mhuwiex probabbli wisq li kienu jiġu spontanjament ipprovduti lill-Kummissjoni, kemm mir-rikorrenti kif ukoll minn Wanadoo, fil-kuntest ta' dawn l-inġunzjonijiet. Għalhekk, l-eżistenza ta' l-inġunzjonijiet li jisabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 ma kellha l-ebda effett fuq l-opportunità li ssir l-ispezzjoni ordnata mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li timmotiva speċifikatament id-deċiżjoni fir-rigward tagħhom.

77      It-tielet nett, f'dak li jirrigwarda r-referenza għar-risku ta' ħabi jew ta' distruzzjoni ta' elementi, din mhijiex ta' natura tali li turi li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha. Fil-fatt, huwa paċifiku li, fost l-elementi mfittxija, b'mod partikolari dawk li setgħu jikxfu strateġija ta' limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, kien hemm elementi li huma ġeneralment suġġetti għal-ħabi jew li huma esposti għar-riskju ta' distruzzjoni f'każ ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat iktar 'il fuq, kien ukoll raġjonevoli li l-Kummissjoni tikkunsidra li elementi bħal dawn ma kinux, f'kull każ, ser jiġu pprovduti spontanjament fil-kuntest ta' l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003.

78      Ir-raba' nett, f'dak li jirrigwarda l-proċedura li kienet għaddeja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u taċ-ċaħda ta' dan ta' l-aħħar li jilqa' t-talba ta' miżuri kawtelatorji ppreżentata minn AOL, bħala prinċipju d-dritt Komunitarju ma jeżiġix li l-Kummissjoni għandh tiġġustifika deċiżjoni li tagħmel ispezzjoni fid-dawl tal-proċeduri nazzjonali paralleli li jista' jkun hemm. Iktar minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kumsill tal-Kompetizzjoni hija fil-verità ta' sostenn għall-miżura ta' investigazzjoni ordnata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f'dik id-deċiżjoni għalkemm il-Kunsill tal-Kompetizzjoni osserva li "jidher li la s-settur u lanqas l-impriżi li jiffurmawħ ma subew dannu gravi u immedjat wara l-prassi ta' tariffi ta' Wanadoo, huwa madankollu kkunsidra li "ma jistax jiġi eskluż li uħud mill-pratiċi ta' tariffi implementati minn Wanadoo jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni […] ta' l-Artikolu 82 [KE] peress li dawn jeffetwaw parti sostanzjali tat-territorju nazzjonali". Għalhekk il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba ta' miżuri kawtelatorji permezz tan-nuqqas ta' dannu gravi u immedjat tas-settur jew ta' l-impriżi tas-settur u n-nuqqas ta' dannu immedjat fuq il-konsumatur, fi kliem ieħor permezz tan-nuqqas ta' urġenza u mhux minħabb li l-kwistjoni li kellu quddiemu kienet manifestament nieqsa mill-fondatezza. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tiddeċidix fuq il-pożizzjoni li r-rikorrenti kellha jew ma kelliex tadotta fir-rigward tal-ksur li bih il-kumpannija sussidjarja tagħha kienet issuspettata. Għalhekk din id-deċiżjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ispezzjoni ordnata mid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx rilevanti u, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li timmotiva speċifikatament id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-proqedura li kienet għaddeja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jew tad-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar.

79      Il-ħames nett, lanqas mhuwa rilevanti l-fatt li dawn l-elementi ssemmew fir-risposta tad-difiża li l-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Il-kontenut ta' risposta tad-difiża huwa intiż, b'mod partikolari, sabiex jiċċara, lill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni li ġiet immresqa quddiema, kuntest li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata u li, bil-kontra tal-partijiet fil-kawża, l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx taf. In-nuqqas, f'deċiżjoni li hija s-suġġett ta' rikors għal annullament, ta' elementi kuntestwali li iktar tard jittresqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-preżentazzjoni, minn waħda mill-partijiet, taċ-ċirkustanzi li fihom żvolġiet il-kwistjoni ppreżentata quddiema għalhekk ma jistax, bħala tali, jipprova li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata min-nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

80      Is-sitt nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonsultat ma' l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti qabel m’għamlet l-ispezzjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tindika, f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-elementi kollha li hija għandha fir-rigwart tal-ksur preżunt. Fl-aħħar nett, għalkemm il-punt 34 tal-Komunikazzjoni jindika li "[j]ekk kwistjoni terġa tintbgħat lura fi ħdan in-netwerk [ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni], l-impriżi kkonċernati […] għandhom jiġu infurmati b'dan mill-iktar fis possibbli". Madankollu, il-punt 5 ta' din l-istess Komunikazzjoni jipprovdi espliċitament li "kull membru tan-netwerk iżomm id-diskrezzjoni li jagħżel jekk ikomplix jew le jinvestiga kwistjoni" u l-punti 4 u 31 tagħha jipprovdu, rispettivament, li "[il-konsultazzjonijiet u l-iskambji fi ħdan in-netwerk huma kwistjon ta' bejn l-awtoritajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku" u li "l-attribuzzjoni tal-kwistjonijiet ma jagħtix lill-impriżi implikati fil-ksur […] dritt individwali sabiex jaraw li l-kwistjoni tiġi ttrattata minn awtorità partikolari". Għalhekk il-Kummissjoni tibqa ġġustifikata li tagħmel l-ispezzjoni ordnata u, ikun x'ikun il-kontenut tar-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni, in-nuqqas li jiġi sodisfatt l-obbligu ta' motivazzjoni allegat mir-rikorrenti fir-rigward tal-punt 34 tal-Komunikazzjoni mhuwiex stabbilit.

81      Minn dan isegwi li t-tieni lment ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq it-tielet ilment, li jirrigwarda l-impossibblità li r-rikorrenti tifhem id-dubji li l-Kummissjoni esprimiet fir-rigward tat-tariffi ta' l-għażla 5

–       L-argumenti tal-partijiet

82      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta' motivazzjoni u d-drittijiet ta' difiża billi tinkludi fost il-motivi tagħha l-għażla 5 u tgħid li din għandha l-effett li tiġġenera pressjoni fuq it-tariffi mingħajr ma tinkludi l-għażla 5 jew it-tnaqqis tal-prezzijiet ta' din l-għażla fil-parti dispożittiva tagħha. Għalhekk l-ispezzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet ordnata sabiex tivverifika preżunzjoni ta' ksur fil-konfront tar-rikorrenti u l-Kummissjoni naqset milli b'mod ċar u regolari tindika s-suspetti tagħha fil-konfront tat-tariffi l-ġodda ta' l-għażla 5 tagħha.

83      F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, is-suspett rigwardanti l-pressjoni fuq il-prezzijiet, dan huwa kontradittorju kemm fir-rispett ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-rispett tar-raba' premessa tagħha. Il-Kummissjoni kienet issuspettat u vverifikat l-eżistenza ta' prassi ta' tariffi, it-tariffi ta' l-għażla 5 tar-rikorrenti, li abbażi ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex ikkunsidrata bħala suspetta u li skond ir-raba' premessa ta' din id-deċiżjoni hija eskluża mill-kamp ta' verifikazzjoni.

84      Barra minn hekk, teżisti differenza fundamentali bejn, minn naħa, il-fatt li t-tariffi ta' l-għażla 5 jiġu meħuda in kunsiderazzjoni bħala elementi analitiċi sabiex jiġi vverifikat, fir-rigward ta' l-ispejjeż u tat-tariffi, in-nuqqas ta' azzjoni predatorja fil-prezzijiet ta' l-offerti bl-imnut ta' Wanadoo u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn it-tarifi jiġu fihom infishom ikkunsidrati bħala li huma suspetti, ħaġa li ssir fid-deċiżjoni kkontestata.

85      Iktar minn hekk, mid-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 jirriżulta li ma kien hemm l-ebda suspett ta' pressjoni fuq il-prezzijiet fil-konfront tar-rikorrenti minħabba l-prezzijiet bl-ingross ta' l-għażla 5 tagħha fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut miżmuma minn Wanadoo, peress li dawn il-prezzijiet kienu prezzijiet ta' impriżi distinti u awtonomi li joperaw fi swieq differenti. Lanqas ma tista' tiġi suspettata l-legalita tat-tariffi ta' l-għażla 5 u , fl-istess ħin, jintużaw bħala bażi legali għas-suspett ta' prezz predatorju min-naħa ta' Wanadoo. Barra minn hekk, il-liċeità ta' l-għażla 5 ma tistax tiġi suġġetta għal-ivell tal-prezzijiet bl-imnut miżmuma mill-fornituri li jipprovdu għaċċess għall-internet, fosthom dawk miżmuma minn Wanadoo. Abbażi ta' dan, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni fuq dan il-punt essenzjali, li għalhekk juri nuqqas li jiġi sodisfatt l-obbligu ta' motivazzjoni.

86      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħti l-wieħed x'jifhem li t-tariffi ta' l-għażla 5 huma għoljin wisq iżda fl-istess hin tesponi dubju fuq it-tnaqqis ta' dawn il-prezzijiet li seħħ f'Jannar ta' l-2004.

87      Barra minn hekk, id-dubji li l-Kummissjoni tesprimi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5 mhumix suffiċjentement motivati. Il-Kummissjoni kienet taf, qabel adottat id-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx ħielsa li tbiddel dawn it-tariffi u li dan it-tnaqqis fit-tariffi kien ġi kkonvalidat mill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti.

88      Għalhekk id-dubji espressi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tariffi ta' l-għażla 5 kellhem jiġu speċifikament spjegati u ġġustifikati. B'mod partikolari r-rikorrenti tosserva li t-tlett awtoritajiet Franċiżi kkonsultati matul il-proċess ta' approvazzjoni tat-tariffi l-ġodda kienu eskludew l-effett ta' pressjoni fuq it-tariffi f'dak li jirrigwarda dawn it-tariffi. AOL kienet ukoll irrapurtat dawn it-tariffi bħala li jagħmlu pressjoni fuq il-prezzijiet, iżda l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma kienx ikkunsidra li dan l-element kien, prima facie, probatorju.

89      Il-Kummissjoni tikkonfuta li l-ewwel nett id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax it-tariffi ta' l-għażla 5 b'mod iżolat iżda tirrigwarda t-tariffi l-ġodda għall-aċċess għall internet permezz ta' l-ADSL intiż għall-pubbliku in ġenerali Franċiż, u għaldaqstant it-tariffi bl-imnut iffissati minn Wanadoo u/jew France Télécom. Jekk ir-relazjoni ta' bejn dawn il-prezzijiet u t-tariffi ta' l-għażla 5 tikkostitwixxi element indispensabbli ta' l-analiżi, l-azzjoni predatorja jew il-pressjoni fuq il-prezzijiet ma jistgħux jiġu esklużi biss minħabba l-fatt li t-tariffi ta' l-għażla 5 kienu ġew approvati minn awtorità pubblika. Għalhekk l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. B'mod partikolari, il-fatt li l-ART kienet ikkonvalidat it-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5 ma jeskludix li France Télécom, in kwantu grupp, tista' tikser l-Artikolu 82 KE permezz ta' effett ta' pressjoni fuq il-prezzijiet perezz li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut mhuwiex irregolat.

90      Ir-rikorrenti tagħmel konfużjoni bejn il-prattiċi li jmorru kontra l-kompetizzjoni, li huma s-suġġett tas-suspetti tal-Kummissjoni, indikati b'mod ċar fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li jidefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u t-tariffi u elementi oħra ta' fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivverifika matul l-ispezzjoni. Fi ħdan il-kategorija legali tal-prezzijiet mhux ekwi, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tivverifika, l-ewwel nett, l-eżistenza ta' eventwali azzjoni predatorja u, it-tieni nett, l-eżistenza ta' pressjoni fuq it-tariffi, verifiki fir-rigward ta' liema t-tariffi bl-ingross huma element indispensabbli ta' l-analiżi. Is-suspetti tal-Kummissjoni għalhekk ma jikkonċernawx it-tariffi ta' l-għażla 5 fihom infushom iżda t-tnaqqis tad-differenza ekonomika bejn l-għażla 5 u t-tariffi bl-imnut permezz ta' tnaqqis fit-tariffi bl-imnut. Konsegwentement mhemm l-ebda kuntradizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 1 tagħha.

91      Barra minn hekk, fil-kuntest ta' deċiżjoni ta' spezzjoni, mhemmx għalfejn tiġi pprovata l-eżistenza ta' ksur iżda biss li jkun hemm suspetti ta' ksur. Issa, ir-rikorrenti la tipprova li l-Kummissjoni ma setgħetx raġjonevolment tissuspetta l-eżistenza ta' ksur, u lanqas b'liema mod il-konvalidazzjoni suċċessiva tat-tariffi ta' l-għażla 5 fuq livell nazzjonali kienet neċessarja sabiex id-deċiżjoni kkontestata tkun immotivata kif jitlob id-dritt.

92      Iktar minn hekk, ir-referenza għad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 mhijiex rilevanti. Il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li, matul il-proċess ta' integrazzjoni ta' Wanadoo fi ħdan ir-rikorrenti u, għaldaqstant, matul il-perijodu ta' validita ta' l-offerti kkonċernati, Wanadoo setgħet tilfet il-kapaċità tagħha li tifissa t-tariffi bl-imnut tagħha b'mod awtonomu fir-rispett tar-rikorrenti.

93      Fl-aħħar nett, la darba l-eżiġenzi ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tesponi b'mod eżawrjenti l-elementi kollha li hija għandha, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' konvalidazzjonijiet nazzjoniali tat-tariffi ta' l-għażla 5. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti kienet taf b'dawn l-elementi u n-nuqqas li dawn jissemmew ma kienx ta' natura tali li jeffettwa d-drittijiet tad-difiża.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

94      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat it-tariffi ta' l-għażla 5 bħala suspetti mingħajr, madankollu, ma esponiet b'mod ċar is-suspetti li hija kellha f'dan ir-rigward u mingħajr ma ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Lulju 2003 u ta' diversi deċiżjonijiet nazzjonali.

95      Issa, hekk kif jirriżulta mit-termini prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punti 22 u 23 iktar 'il fuq, fir-rigward ta' l-għażla 5 din tgħid li d-differenza ekonomika mnaqsa bejn it-tariffi bl-imnut ta' Wanadoo u dawk ta' l-għażla 5 tar-rikorrenti joħolqu pressjoni fuq il-prezzijiet fil-konfront tal-kompetituri ta' Wanadoo li jibbażaw l-offerti tagħhom fuq l-għażla 5, u dan minkejja t-tnaqqis fit-tariffi ta' l-għażla 5 li seħħ f'Jannar 2004. Hija tesponi wkoll li din id-differenza mnaqqsa rrestrinġiet d-dħul fis-suq ta' kompetituri ġodda ta' Wanadoo u pperikolat dawk li kienu diġà joperaw fih. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tindika li Wanadoo żżomm prezzijiet li huma inqas mill-ispejjeż tagħha u tikkonkludi li dawn il-prattiċi tal-prezzijiet huma ekwivalenti għall-impożizzjoni ta' prezzijiet ta' bejgħ mhux ekwi.

96      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b'mod ċar u li din ma tesponi l-ebda suspett ta' ksur ta' l-Artikolu 82 KE fil-konfront tar-rikorrenti f'dak li jirrigwarda t-tariffi ta' l-għażla 5 tagħha. Barra minn hekk, huwa ġġusitifikat li t-tariffi ta' l-għażla 5 tar-rikorrenti jissemmew fil-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr, madankollu, ma jiġu elenkati fost l-elementi li, skond l-Artikolu 1 tagħha, għandhom ikunu s-suġġett ta' l-ispezzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tillimità ruħha li tirreferi għal dawn it-tariffi bħala punt ta' referenza li jservi sabiex juri, minn naħa, in-natura eventwalment predatorja tal-prezzijiet bl-imnut ta' Wanadoo, peress li sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta' Wanadoo għandhom jiġu kkunsidratti t-tariffi ta' l-għażla 5, u min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta' eventwali pressjoni fuq it-tariffi li tirriżulta mill-prezzijiet bl-imnut baxxi wisq ta' Wanadoo. Kif diġà ġie kkonstatat, min-naħa l-oħra l-ġurisprudenza tipprovdi li, fl-istadju ta' spezzjoni, li huwa l-uniku perijodu kkonċernat f'din il-kawża, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tagħmel kwalifikazzjoni ġuridika eżatta tal-ksur suspettat (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punt 45).

97      Il-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx tista' eventwalment, fi stadju ulterjuri tal-proċedura, tistabbilixxi l-eżistenza ta' pressjoni fuq il-prezzijiet mhuwiex rilevanti. Minn naħa, din il-kwistjoni tiddependi fuq analiżi fuq il mertu li ssir abbażi ta' l-elementi miġbura matul l-ispezzjoni in kwistjoni u għalhekk m'għandiex tiġi eżaminata fil-kuntest ta' l-istħarriġ tar-rispett, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li din ta' l-aħħar għandha. Min-naħa l-oħra, f'kull każ il-Kummissjoni mhijiex marbuta, matul l-analiżi tagħha fuq il-mertu ta' l-elementi miġbura, mill-kwalifikazzjoni ġuridika li hija setgħet tagħat lil ċertu ksur f'deċiżjoni li tordna spezzjoni, peress li l-uniku obbligu li hija għandha f'dan ir-rigward huwa li l-probabbiltà li l-ksur suspettat kien seħħ tkun suffiċjenti sabiex, fid-dawl ta' l-elementi indikati fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, tiġġustifika l-użu ta' spezzjoni. Issa. mill-analiżi li saret iktar 'il fuq, partikolarment fil-punti 55 sa 63, jirriżulta li f'dan il-każ dan l-obbligu ġie sodisfatt.

98      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha billi ostakolatha milli tifhem ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-legalità tat-tariffi ta' l-għażla 5, mhumiex fondati peress li l-ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni esponiet tali dubji. Minn dan isegwi wkoll li l-omologazzjoni tat-tariffi ta' l-għażla 5 mill-awtoritajiet Franċiżi m'għandu l-ebda effett fuq l-obbligu ta' motivazzjoni tal-Kummissjoni.

99      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' lment, li jirrigwarda l-impossibbiltà li l-Imħallef tal-libertajiet jagħmel l-istħarriġ li huwa obbligat li jagħmel qabel ma jawtorizza l-ispezzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Ir-rikorrenti ssostni li l-qorti nazzjonali għandha tistħarreġ il-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-prinċipju tal-protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati ta' l-awtorità pubblika fl-ambitu ta' l-attivitajiet privati ta' persuna legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Abbażi ta' dan il-prinċipju, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha teżamina jekk il-miżuri ta' infurzar previsti ma jkunux arbitrarji jew eċċessivi, meta mqabbla mas-suġġett tal-verifika, u jekk jeżistux indizji li huma suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi suspettat li l-impriża kkonċernata wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-qorti nazzjonali għandu jkollha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista' twettaq dan l-istħarriġ. Haġa li f'dan il-każ ma seħħitx.

101    Minn naħa, l-elementi pprovduti mhumiex suffiċjenti u la jistabbilixx suspetti preċiżi u lanqas l-eżistenza oġġettiva ta' indizji kontra r-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata la ssemmi l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003, la l-proċedura li kien hemm quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u lanqas il-fatt li t-tnaqqis fit-tariffi ta' l-għażla 5 kien is-suġġett ta' opinjoni favorevoli ta' l-ART u li kien ġie omologat u iktar tard ikkonfermat mill-Conseil d’État. Issa, dawn huma elementi rilevanti u neċessarji sabiex l-imħallef tal-libertajiet ikun jista' jagħmel l-istħarriġ tiegħu li, li kieku ġew indikati lilu, setgħu jwassluħ sabiex jikkunsidra li l-ispezzjoni ordnata kienet arbitrarja u sproporzjonata jew, f'kull każ, sabiex jitlob spjegazzjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003.

102    Il-fatt li d-deċiżjoni ta' l-imħallef tal-libertajiet ma ġietx implementata ma tipproduċi l-ebda effett f'dan il-każ, peress li l-obbligu ta' motivazzjoni u ta' kooperazzjoni leali mal-qorti nazzjonali huwa obbligu oġġettiv li l-Kummissjoni għandha meta tadotta d-deċiżjoni ta' spezzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax teżenta ruħha, a posteriori, min-nuqqas ta' motivazzjoni u ta' kooperazzjoni leali mal-qorti nazzjonali minħabba li l-awtorizzazzjoni tagħha ma kellha l-ebda applikazzjoni prattika. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni imposta kontra r-rikorrenti kellha tkun fattur deċiżiv ta' l-imġieba tagħha fil-kuntest ta' l-ispezzjoni.

103    Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti naqset milli tikkontesta l-legalità tad-digriet ta' l-imħallef tal-libertajiet quddiem il-qrati Franċiżi ma jistax jeffettwa l-portata ta' l-argument li hija tagħmel f'dan il-każ. Fil-prattika, in-nuqqas ta' motivazzjoni allegat kontra l-Kummissjoni ċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tikkontesta b'mod utli l-legalità ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-imħallef tal-libertajiet. Fil-fatt dan ta' l-aħħar ma jistax jiġi kkritikat talli għamel evalwazzjoni irregolari abbażi ta' informazzjoni li huwa ma kellux. Ir-rikorrenti tiddikjara wkoll li hija kienet ressqet appell, li iktar tard hija rtirat, kontra d-digriet ta' l-Imħallef tal-libertajiet.

104    L-ewwel nett il-Kummissjoni tikkonfuta li dan l-iment mhuwiex rilevanti. Jekk id-digriet ta' l-imħallef tal-libertajiet kien effetwa d-drittijiet tar-rikorrenti, din kellha tikkontesta dan quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Il-fatt li r-rikorrenti ressqet appell kontra dan id-digriet mhuwiex rilevanti. Barra minn hekk, anke li kieku l-qorti nazzjonali kellha tikkunsidra li ma kelliex biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' twettaq l-istħarriġ tagħha, dan ma jistax jeffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li din setgħet tiġi mistħarrġa biss minn qorti Komunitarja.

105    Il-fatt li d-digriet tal-qorti nazzjonali seta jkun fattur deċiżiv tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lanqas mhuwa konklużiv peress li l-ispezzjonijiet deċiżi mill-Kummissjoni huma onerużi indipendentement minn kull digriet nazzjonali u r-rifjut li wieħed jissuġġetta ruħu għalihom jista' jwassal għall-impożizzjoni ta' multi sostanzjali, skond l-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

106    Il-Kummissjoni żżid li dan id-digriet ma ġiex implementat u li, konsegwentement, l-iżviluppi li r-rikorrenti tagħmel fuq din il-parti huma irrilevanti peress li r-rikorrenti aċċettat li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjoni ta' spezzjoni u peress li l-ispezzjoni seħħet esklużivament taħt il-kappa tad-dritt Komunitarju.

107    F'kull każ, ir-rwol tal-qorti nazzjonali f'każ bħal dan mhuwiex dak li jawtorizza l-ispezzjoni ordnata abbażi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 iżda biss li tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali jimplementaw mezzi ta' infurzar fil-każ li l-impriża kkonċernata tirrifjuta li tissuġġetta ruħha għall-ispezzjoni.

108    Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kkontestata hija, f'kull każ, immotivata biżżejjed sabiex l-Imħallef tal-libertajiet ikun jista' jwettaq l-istħarriġ tiegħu tal-proporzjonalità.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

109    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm f'xi partijiet ir-rikors huwa fformulat b'mod ħażin, madankollu minnu jirriżulta li r-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità tad-digriet ta' l-Imħallef tal-libertajiet u lanqas ma ssostni li dan ta' l-aħħar ma kellux l-elementi meħtieġa sabiex ikun jista' jevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata, b'tali mos li l-imħallef tal-libertajiet ma kienx f'pożizzjoni li jwetteq l-istħarriġ li huwa għandu jagħmel skond l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003.

110    Issa, għalkemm huwa minnu li skond l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 hija l-qorti nazzjonali, li quddiema fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(7) ta' l-istess Regolament titressaq il-kwistjoni, li għandha tistħarreġ li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni hija awtentika u li l-miżuri ta' infurzar previsti sabiex tiġi eżegwita l-ispezzjoni ma jkunux la arbitrarji u lanqas eċċessivi fir-rispett tas-suġġett ta' din l-ispezzjoni u li l-Kummissjoni hija, għal dan il-għan, obbligata li tipprovdilha ċerta informazzjoni, madankollu mill-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, punt 37 supra) jirriżulta wkoll li dawn l-elementi jistgħu jidhru f'postijiet oħra, minn barra fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, jew inkella l-Kummissjoni tista' tipprovdilu dawn l-elementi permezz ta' att separat minn din id-deċiżjoni.

111    Ir-raba' ilment magħmul mir-rikorrenti għalhekk mhuwiex rilevanti safejn l-għan persegwit mill-obbligu ta' motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha mhuwiex dak li jassigura li l-qorti nazzjonali, li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun mitluba fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda dak li l-impriża kkonċernata mill-ispezzjoni tkun tista' tifhem il-portata tal-kollabborazzjoni tagħha filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża.

112    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-allegat nuqqas ta' rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni mill-Kummissjoni mhuwiex stabbilit u li, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċhud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dover ta' kooperazzjoni leali ma l-istituzzjonijiet nazzjonali.

 L-argumenti tal-partijiet

113    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet ksur doppju ta' l-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni leali ma l-istituzzjonijiet Franċiżi u li dan il-ksur għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

114    L-ewwel nett, hija kisret l-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni ma' l-imħallef tal-libertajiet interpellat sabiex jawtorizza l-ispezzjoni ordnata fil-postijiet ta' France Télécom, obbligu li huwa bbażat fuq l-Artikolu 10 KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li għandu jirregola u huwa neċessarju għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003. L-eżiġenza imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali b'indikazzjonijiet li jippermettulha twettaq l-istħarriġ li hija obbligata tagħmel, tikkostitwixxi obbligu essenzjali mhux biss fir-rigward ta' l-eżiġenzi ta' motivazzjoni iżda wkoll fir-rigward ta' l-eżiġenza ta' kooperazzjoni leali mal-qorti kompetenti. Il-fatt li l-Kummissjoni ma rreferitx għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Lulju 2003, għal proċedura li kienet għaddeja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u għad-deċiżjoni tal-Conseil d’État tad-19 ta' Jannar 2004, jikkostitwixxi ksur gravi tad-dover tagħha ta' kooperazzjoni leali ma' l-imħallef tal-libertajiet.

115    It-tieni nett, il-Kummissjoni kisret id-dover tagħha ta' kooperazzjoni leali mal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, stabbilit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u ddettaljat permezz ta' l-Artikoli 11(6), 13(1) u tal-premessa 18 ta' dan l-istess Regolament, billi addottat id-deċiżjoni kkontestata filwaqt li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien ġie interpellat u kien iddeċieda li jiċħad il-miżuri kawtelatorji mitluba. F'dan il-każ il-Kummissjoni ma kkonsultatx mal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 imsemmijin hawn fuq jirriżulta li, jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun diġà qiegħdha tippresjedi kwistjoni, il-Kummissjoni tista' tibda l-proċedura biss wara li tkun ikkonsultat ma din l-awtorità. Fl-aħħar nett, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex taġixxi li għandha titratta l-ilment u, fid-dawl tat-tliet kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jinsab f'pożizzjoni aħjar minn tal-Kummissjoni sabiex ikun jista' jeżamina l-preżunzjonijiet ta' ksur.

116    Il-Kummissjoni l-ewwel nett tikkonfuta li, f'dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta' kooperazzjoni ma' l-imħallef tal-libertajiet, dan il-motiv fil-prattika jirrepeti, f'forma differenti, l-argument li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta' rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, li għliħ hija diġà rrispondiet. Safejn jirrigwarda l-allegat nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, dan il-motiv juri interpretazzjoni ħażina tar-Regolament Nru 1/2003. Fis-sistema stabbilita mit-Trattat KE u mir-Regolament Nru 1/2003, il-kompetenzi ta' applikazzjoni huma paralleli u r-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdi l-ebda kriterju għat-tqassim tal-każijiet jew tal-kompetenzi. L-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti sabiex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE sakemm il-Kummissjoni ma tkunx nediet proċedura skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, u l-kompetenza li l-Kummissjoni għandha li tintervjeni f'kull mument kontra ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE tibqa.

117    Barra minn hekk, ċerti elementi kienu jixhdu favur li l-kwistjoni tiġi trattata mill-Kummissjoni.

118    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel spezzjoni u li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu kienet is-suġġett ta' konsultazzjoni mill-qrib ma l-awtoritajiet Franċiżi, kif previst mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

119    F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-diver ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, il-Qorti tal-Prim'Istamza tosserva li r-regoli dettaljati li jimplementaw l-obbligu ta' kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE u li jorbot lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma' l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 37, u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1990, Zwartveld et, C-2/88 IMM, Ġabra p. I-3365, punt 17) ġew, fir-rigward tar-relazzjonijiet li huma stabbiliti fil-kuntest ta' l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex jinsab ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ippreċiżati permezz ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar kif il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jikkooperaw meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq spezzjoni fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

120    Għalhekk, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjonijiet, jew fuq produzzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub, skond il-paragrafu 3 ta' dan l-artikolu, jew abbażi ta' deċiżjoni li tobbliga lill-impriżi li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, skond il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu. Jekk twettaq spezzjoni skond l-Artikolu 20(3) il-Kummissjoni hija marbuta, skond dan il-paragrafu, li tavża, f'ħin utli qabel l-ispezzjoni, lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-ispezzjoni. Jekk il-Kummissjoni twettaq spezzjoni skond il-paragrafu 4, din hija obbligata tikonsulta ma' l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-ispezzjoni qabel ma tadotta d-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni

121    Skond l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, l-assistenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali hija neċessarja għat-twettieq ta' l-ispezzjoni meta l-impriża kkonċernata minn din l-ispezzjoni topponi għaliha u, meta din l-assistenza teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta' awtorità ġudizzjarja, din għandha tintalab skond il-paragrafu 7. Skond il-paragrafu 8, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali hija għalhekk inkarigata sabiex tistħarreġ li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni hija awtentika u li l-miżuri ta' infurzar previsti sabiex titwettaq l-ispezzjoni la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi meta mqabbla ma' l-għan ta' din l-ispezzjoni, filwaqt li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa, madankollu, rriżervat għall-qrati Komunitarji.

122    Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, b'mod partikolari, minn naħa, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u, min-naħa l-oħra, it-talba għal assistenza ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali skond il-paragrafu 7 ta' dan l-istess Artikolu.

123    Għalkemm il-qrati Komunitarji biss huma kompetenti sabiex jistħarrġu l-legalità ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi ta' l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-aħħar parti tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, min-naħa l-oħra, hija biss il-qorti nazzjonali li mingħandha tintalab l-awtorizzazzjoni sabiex jiġu implementati miżuri ta' infurzar skond l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, eventwalment assistita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' rinviju preliminari, u suġġett għall-eventwali rimedji nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din it-talba tippermettilhiex li twettaq l-istħarriġ mistenni minnha skond l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk tqiegħdha f'pożizzjoni li tippronunzja ruħha b'mod utli fuq it-talba ppreżentata lilha [ara, f'dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punti 39, 67 u 68].

124    L-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003 għandha, skond il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu u l-ġurisprudenza (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra), is-setgħa li titlob spjegazzjonijiet mingħand il-Kummissjoni, b'mod partikolari fuq il-motivi li wassluha sabiex tissuspetta ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, fuq il-gravità tal-ksur issuspettat u fuq in-natura ta' l-involviment ta' l-impriża kkonċernata. Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim'Istanza li, għas-saħħa ta' l-argument, jista' jwassal għall-konstatazzjoni ta' insuffiċjenza ta' l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni lil din l-awtorità, ikun jimplika evalwazzjoni mill-ġdid mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-evalwazzjoni, diġà magħmula minn din l-awtorità, tan-natura suffiċjenti ta' din l-informazzjoni. Issa, dan l-istħarriġ ma jistax jiġi ammess peress li l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali hija suġġetta biss għall-istħarriġ li jirriżulta mir-rimedji interni disponibbli fil-konfront tad-deċiżjonijiet ta' din l-awtorità.

125    Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti in sostenn tat-tieni motiv tagħha għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala ineffettivi inkwantu, safejn jikkontestaw il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-obbligu ta' kooperazzjoni leali li l-Kummissjoni għandha, huma jimplikaw evalwazzjoni mill-ġdid, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-evalwazzjoni li saret mill-Imħallef tal-libertajiet, fil-kuntest ta' l-Artikolu 20(8) tar-Regolament Nru 1/2003, tan-natura suffiċjenti ta' l-informazzjoni ppreżentata lilu mill-Kummissjoni sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni mitluba abbażi ta' l-Artikolu 20(7) tar-Regolament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex kompetenti sabiex tistħarreġ kif l-Imħallef nazzjonali adit fil-kuntest ta' din id-dispożizzjoni wettaq il-kompitu mogħti lilu mill-Artikolu 20(8).

126    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-legalità ta' att għandha tiġi evalwata abbażi ta' l-elementi ta' dritt u ta' fatt li jeżistu fid-data li fiha dan l-att ġie adottat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Lulju 2004, Valenzuela Marzo vs Il-Kummissjoni, T-384/02, Ġabra SP p. I-A-235 u II-1035, punt 98). Għaldaqstant, l-użu li kien sar minn deċiżjoni li tordna spezzjoni, jew l-evalwazzjoni ta' l-elementi li jinsabu f'din id-deċiżjoni mwettqa mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fil-kuntest ta' talba magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, m'għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni.

127    Għalhekk, fil-kuntest tal-motiv preżenti, huwa biss fid-dawl ta' l-elementi meħtieġa mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretat mill-ġurisprudenza, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk humiex fondati l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta l-obbligu ta' kooperazzjoni leali tagħha ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Issa, mill-analiżi ta' l-ewwel motiv jirriżulta li ma ġie stabbilit l-ebda ksur ta' l-Artikolu 20(4) fir-rigward tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-ewwel parti ta' l-argument li r-rikorrenti tagħmel sabiex isostni t-tieni motiv tagħha għandha tiġi miċħuda.

128    F'dak li jirrigwarda, it-tieni nett, id-dover ta' kooperazzjoni leali ma' l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif jirriżulta mid-diversi dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi regola ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkollaboraw mill-qrib, madankollu huwa ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tagħmel spezzjoni li tirrigwarda kwistjoni li biha tkun adita b'mod parallel awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

129    Minn din id-dispożizzjoni lanqas ma jista' jiġi dedott li, la darba awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun bdiet tinvestiga fuq fatti partikolari, il-Kummissjoni hija awtomatikament prekluża milli tiġi adita bil-kwistjoni jew li tinteressa ruħha fiha b'mod preliminari. Bil-kontra ta' dan, mill-eżiġenza ta' kollaborazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn iż-żewġ awtoritajiet jistgħu, minn ta' lanqas fl-istadji preliminari bħal mhuma investigazzjonijiet, jaħdmu b'mod parallel. Għalhekk, mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, invokat mir-rikorrenti, jirriżulta li l-prinċipju ta' kollaborazzjoni jimplika li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu, minn ta' lanqas fl-istadji preliminari tal-kwistjonijiet li bihom ikunu aditi, jaħdmu b'mod parallel. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tipprovdi li, suġġett għal sempliċi konsultazzjoni ma' l-awtorità nazzjonali kkonċernata, il-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li tniedi proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjoni anke jekk awtorità nazzjonali tkun diġà qiegħdha titratta l-kwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha, a fortiori, tkun tista' twettaq spezzjoni bħal dik li hija ordnat f'dan il-każ. Fil-fatt, deċiżjoni li tordna spezzjoni tikkostitwixxi biss att preparatorju għall-kunsiderazzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni, li ma ġġibx magħha l-ftuħ formali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, tali deċiżjoni ta' spezzjoni ma tindikax, fiha nfisha, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fuq il-mertu (ara, f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 16). Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1/2003 tgħid, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata sabiex twettaq spezzjonijiet li huma neċessarji sabiex jinkixef il-ksur ta' l-Artikolu 82 KE, u l-Artikolu 20(1) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi speċifikament li, sabiex tissodisfa d-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji.

130    It-tieni nett, mill-Artikolu 13(1) u mill-premessa 18, li tintroduċi dan l-Artikolu, tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni tkun qed tittratta kwistjoni jagħti biss il-fakultà li awtorità oħra kkonċernata tissuspendi l-proċeduri jew tiċħad l-ilment. Għalhekk dan huwa sempliċi motiv li jippermetti lil awtorità oħra li tissospendi l-proċedura tagħha jew li tiċħad l-ilment li jitressaq quddiema. Minn danma jirriżultax li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li ma tinvestigax meta awtorità oħra tkun diġà implikata fit-trattament ta' l-istess kwistjoni. Lanqas ma jista' jiġi kkunsidrat li l-kliem użat f'dan l-Artikolu jistabbilixxi kriterju ta' attribuzzjoni jew ta' tqassim tal-kwistjonijiet jew tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali eventwalment ikkonċernati mill-affari in kwistjoni.

131    It-tielet nett, f'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet ikkonsultat il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, bil-kontra ta' dan, fil-premessi tagħha d-deċiżjoni kkontestata ssemmi li l-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat kienet ġiet ikkonsultata skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, fid-dawl tal-preżunzjoni ta' legalità marbuta ma' l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-15 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48), li timplika li hija l-persuna li ssostni l-illegalità ta' att bħal dan li għandha ġġib il-prova ta' dan, u peress li r-rikorrenti ma ressqitx elementi li juru li effettivament l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni ma ġietx ikkonsultata, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

132    Ir-raba' nett, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tippermettix li jiġi sostnut li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni f'dan il-każ kien jinsab f'pożizzjoni aħjar minn dik tal-Kummissjoni sabiex jeżamina l-preżunzjonijiet in kwistjoni. Fil-fatt din il-premessa tillimita ruħha li tesponi l-prinċipji li għandhom jirregolaw l-applikazzjoni, fl-istess ħin, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni, mingħajr ma tittratta l-kwistjoni ta' l-identifikazzjoni ta' liema awtorità tal-kompetizzjoni tkun tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżamina l-kwistjoni. Għalhekk, din mhijiex rilevanti għal-każ in kwistjoni.

133    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kisret l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti li jirrigwardaw id-dover ta' kooperazzjoni leali li hija għandha ma' l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-ebda argument li r-rikorrenti tagħmel sabiex issostni t-tieni motiv tagħha ma jista' jiġi milqugħ u li, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, abbażi tal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-atti ta' l-instituzzjonijiet Komunitarji m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa xieraq jew neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, u dan ifisser li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel dik lanqas restrittiva fosthom.

135    B'mod ġenerali r-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta' motivazzjoni espost fil-kuntest ta' l-ewwel motiv jagħmilha impossibbli li tiġi mistħarrġa l-proporzjonalità. F'kull każ, l-ispezzjoni in kwistjoni mhijiex mezz xieraq u raġjonevoli sabiex il-Kwistjoni tkun tista' tivverifika l-preżunzjonijiet tagħha u dan għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

136    L-ewwel nett, din hija evidentement sproporzjonata fid-dawl tal-kuntest tal-każ in kwistjoni. Qabel xejn, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dubji li l-Kummissjoni esponiet fir-rigward tat-tnaqqis tat-tariffi ta' l-għażla 5 li seħħ f'Jannar 2004 ma jiġġustifikawx spezzjoni kontra r-rikorrenti bl-iskop li tinkiseb informazzjoni fuq dan it-tnaqqis tat-tariffi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet kisbet diversa informazzjoni mingħand ir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2003 mingħajr ma kellha għalfejn tispezzjoni l-uffiċji tagħha. L-Artikolu 3 ta' dik id-deċiżjoni ppermettiela wkoll li tkun tista' tivverifika l-prezzijiet ta' Wanadoo. Għalhekk l-ispezzjoni ma kinitx miżura assolutament neċessarja sabiex tinkiseb informazzjoni fuq allegata prassi ta' prezzijiet ta' bejgħ mhux ekwi. Fl-aħħar nett, il-proċedura quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni kienu jimponu lill-Kummissjoni li ma tagħmilx spezzjoni u li tagħmel użu, fejn meħtieġ, minn miżuri inqas restrittivi.

137    It-tieni nett, fid-dawl tan-nuqqas ta' elementi li jippruvaw l-eżistenza ta' riskju reali ta' distruzzjoni jew ħabi tal-provi, l-ispezzjoni hija evidentement sproporzjonata. Barra minn hekk, fil-passat ir-rikorrenti kienet ikkooperat lealment mal-Kummissjoni. Id-dokument ikkonfiskat mill-Kummissjoni, li jikkonferma r-rilevanza tas-suspetti tagħha rigwardanti l-ħabi, mhuwiex konklużiv. Iktar minn hekk, l-informazzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet tinsab f'dokumenti li kumpannija kkwotata fil-borża u kkontrollata ma tkunx tista' taħbi mingħajr ma twettaq irregolaritajiet serji ta' kontabbiltà u azzjonarji.

138    It-tielet nett, l-użu ta' proċedura ta' verifika fejn, a titolu kawtelatorju, tintalab l-assistenza tas-setgħa pubblika huwa iktar u iktar sproporzjonat minħabba l-fatt li l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna lill-aġenti mibgħuta mill-Kummissjoni biss fil-każ fejn impriża topponi ruħha għall-ispezzjoni. Għalkemm l-Artikolu 20(7) jipprovdi li l-għajnuna tista' tintalab a titolu kawtelatorju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din għandha tintalab biss fejn ikun hemm raġunijiet li jagħtu lill-wieħed x'jifhem li ser ikun hemm oppożizzjoni għal-verifika u li l-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fuq dan il-punt lill-qorti nazzjonali adita. Dan ma kienx il-każ f'dan il-każ.

139    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv mhuwiex fondat. L-ewwel nett, peress li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien ġabar biss estimi li kien iqishom bħala, parzjalment, mhux realistiċi wisq, wieħed ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li hija setgħet tkun ċerta li tikseb informazzjoni eżatta biss billi twettaq ispezzjoni. Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni lanqas ma telimina s-suspetti ta' ksur u lanqas ma tindika għalfejn ispezzjoni tkun sproporzjonata. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, bil-kontra tal-Kummissjoni, ma kellux elementi li jirrigwardaw l-eventwali intenzjoni ta' limitazzjoni jew ta' tbegħid u mhuwiex realistiku li wieħed jippretendi li impriża tipprovdihom volontarjament.

140    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni talbet u kisbet informazzjoni permezz ta' talba għall-informazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, matul proċedura mibdija fl-2001, ma jistax inaqqas is-setgħa ta' investigazzjoni li l-Kummissjoni għandha abbażi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 fl-2004.

141    Fl-aħħar nett, peress li s-suspetti tal-Kummissjoni ma kinux jirrigwardaw it-tariffi ta' l-għażla 5 tar-rikorrenti, ma kienx hemm għalfejn tiġi ġġustifikata n-natura proporzjonata ta' l-ispezzjoni fir-rigward tagħhom.

142    It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tnax-il premessa tad-deċiżjoni kkontestata kienet tindika b'mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li kien hemm riskju li elementi utli jiġu meqruda.

143    Barra minn hekk, il-fatt li impriża tista' tikkopera meta din tirrispondi għal talbiet ta' informazzjoni ma jeskludix li din tista' taħbi elementi utli għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-riskji oġġettivi huma, skond l-esperjenza tal-Kummissjoni, kunsiderevoli f'każ bħal dak in kwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-elementi li nstabu matul l-ispezzjoni. Il-fatt li huwa diffiċli li ċerti dokumenti tal-kontabbiltà jiġu meqruda mhuwiex rilevanti peress li f'dan il-każ ma kinux qegħdin jiġu mfittxa biss dokumenti ta' dan it-tip.

144    Għalhekk miċ-ċirkustanzi u min-natura ta' l-elementi mfittxa jirriżulta li l-ispezzjoni kienet il-mezz ta' investigazzjoni li kien joffri l-iktar probabbilitajiet li jinkisbu elementi li jistgħu jippruvaw intenzjoni ta' eliminazzjoni mis-suq..

145    It-tielet nett, l-allegat nuqqas ta' motivi suffiċjenti sabiex l-imħallef tal-libertajiet jintalab jawtorizza l-implementazzjoni ta' miżuri ta' infurzar mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

146    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument ġenerali tar-rikorrenti li jgħid li n-nuqqas ta' motivazzjoni jagħmilha impossibbli li tiġi mistħarġa l-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, iktar 'il fuq ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma naqsitx milli tirrispetta l-obbligu ta' motivazzjoni li hija għandha. F'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta' għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel lanqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi maħluqa m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet mixtieqa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-180/00, Ġabra p. I-6603, punt 103).

147    Fil-qasam ikkonċernat minn dan il-każ partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità tissupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla ma' l-għanijiet ta' l-ispezzjoni in kwistjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punt 76). Madankollu, l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn l-ispezzjoni mwettqa fuq sempliċi mandat u l-ispezzjoni ordnata permezz ta' deċiżjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi bħal mhuma l-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta' diskrezzjoni assoluta, iżda mill-bżonnijiet ta' investigazzjoni adegwata, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari ta' każ partikolari. Għalhekk, meta deċiżjoni ta' spezzjoni tkun sempliċement intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-eżistenza eventwali ta' ksur tat-Trattat, ma jistax jingħad li tali deċiżjoni ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi National Panasonic vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 52 supra, punti 28 sa 30, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punt 77).

148    Hija l-Kummissjoni li fil-prinċipju għandha tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista' jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra elementi ta' prova dwar l-eżistenza ta' ksur, il-Kummissjoni tista' leġittimament tqis neċessarju li tordna verifiki addizzjonali sabiex tkun tista' tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul ta' żmien li dan dam għaddej (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. I-3283, punt 15, u Roquette Frères, iċċitata f'punt 37 supra, punt 78).

149    Barra minn hekk, l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Neu 1/2003, li jirrigwardaw, rispettivament, it-talbiet ta' informazzjoni u s-setgħat tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda spezzjonijiet, jistabbilixxu żewġ proċeduri awtonomi minn xulxin u l-fatt li verifika abbażi ta' wieħed minn dawn l-Artikoli tkun diġà seħħet bl-ebda mod ma jnaqqas is-setgħat ta' investigazzjoni li l-Kummissjoni għandha abbażi ta' l-Artikolu l-ieħor (ara, fir-rigward ta' l-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17, is-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, punt 148 supra, punt 14).

150    F'dan il-każ, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-prassi ta' prezz implementata minn Wanadoo, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza eventwali ta' ksur tat-Trattat KE u, għal dan il-għan, tissuġġetta lir-rikorrenti għall-isppezzjoni ordnata, b'mod partikolari, peress li l-Kummissjoni kienet tissuspetta li ċerti elementi rilevanti sabiex tiġi stabbilita din il-prassi setgħu kienu jinsabu fil-postijiet tar-rikorrenti . Huwa minnu li fid-deċiżjoni kkontestat huwa indikat li l-Kummissjoni kellha diġà ċerta informazzjoni dwar dan. Madankollu, skond il-ġurisprudenza, hija kellha d-dritt li tipprova tiġbor informazzjoni addizzjonali sabiex tistabbilixi l-eżistenza tal-ksur issuspettat. Barra minn hekk, l-elementi mfittxija f'dan il-każ kienu jinkludu wkoll informazzjoni dwar strateġija sabiex jiġu llimitati u mbiegħda l-kompetituri li setgħat kienet ġiet mibgħuta lir-rikorrenti, il-kumpannija prinċipali ta' l-impriża ssuspettata bil-ksur in kwistjoni, u li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li setgħet, jekk veru teżisti, tasal fil-pussess tal-Kummissjoni b'xi mod ieħor ħlief permezz ta' spezzjoni. It-tieni nett, peress li l-informazzjoni mfittxija tinkludi elementi li jiżvelaw intenzjoni eventwali ta' eliminazzjoni tal-kompetituri mis-suq u sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti setgħetx kienet infurmata b'ban, kien aċċettabbli, għall-finijiet ta' investigazzjoni adegwata tal-kwistjoni, li tiġi ordnata l-ispezzjoni permezz ta' deċiżjoni, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità ta' din l-ispezzjoni. It-tielet nett, l-ispezzjoni ordnata mid-deċiżjoni kkontestata kienet limitata għall-postijiet ta' l-impriża, filwaqt li r-Regolament Nru 1/2003 jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu spezzjonati postijiet oħra, inklużi r-residenza ta' ċerti membri tal-persunal ta' l-impriża kkonċernata. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ma jidhirx li l-Kummissjoni aġixxiet, fil-każ preżenti, b'mod sproporzjonat fir-rigward ta' l-għan mixtieq b'tali mod li naqset milli tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li r-rikors għall-ispezzjoni ordnata permezz tad-deċiżjoni kien adegwat fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari ta' dan il-każ partikolari.

151    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jannullawx din il-konklużjoni.

152    L-ewwl nett, l-ispezzjoni ordnata ma tidhirx li hija sproporzjonata fir-rigward tal-kuntest tagħha. L-ewwel nett, peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma esprimiet l-ebda dubbju fuq il-legalità tat-tariffi ta’ l-għażla 5 u peress li d-deċiżjoni kkontetata ma ġietx adottata sabiex tiġi vverifikata l-legalità ta’ dawn it-tariffi, din id-deċiżjoni ma tistax tkun sproporzjonata f’dan ir-rigward.

153    It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni kisbet, matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2003, informazzjoni mingħand ir-rikorrenti permezz ta’ mezzi oħra apparti spezzjoni lanqas mhuwa pertinenti, peress li, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula iktar ‘il fuq, l-għażla li jsir użu minn spezzjoni ma kinitx sproporzjonata. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bġala marbuta minn metodu ta’ ġbir ta’ provi li hija tkun adottat fir-rigward ta’ impriza partikolari fi proċedura preċedenti. Barra minn hekk, minn ta’ lanqas uħud mill-elementi mfittxija, bħal dawk li jirrigwardaw strateġija ta’ limitazzjoni u ta' tbegħid tal-kompetituri, li potenzjalment setgħu jikxfu l-intenzjoni li jitwettaq ksur u li setgħu jinsabu fil-postijiet tar-rikorrenti, ma kinux ġew mgħoddija volontarjament lill-Kummissjoni.

154    It-tielet nett, l-inġunzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 lanqas ma kienu jippermettu li tinġabar l-informazzjoni kollha mfittxa mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni.

155    Ir-raba’ nett, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tindika li wħud mill elementi dwar l-ispejjez li Wanadoo pprovdiet fil-kuntest ta’ l-ilment li bih huwa kien ġie adit ma kinux jidhru affidabbli wisq u ma kienu jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar is-sehem li r-rikorrenti eventwalment kellha fil ksur li bih hija ssuspettata l-kumpannija sussidjarja tagħha.

156    Għalhekk, minn dan ma jistax jiġi dedott li d-deċiżjoni li jsir użu minn spezzjoni kienet sproporzjonata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar ukoll li, diġà fil-kwistjoni li wasslet għad-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2003, l-istrateġija ta’ grupp tar-rikorrenti kienet ġiet analizzata u kkunsidrata bħala element kuntestwali rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha Wanadoo u li din id-deċiżjoni tirreferim fil-kuntest ta’ l-għanaliżi tagħha, għal diversi dokumenti li ġejjin mir-rikorrenti jew ippreżentati minn din ta’ l-aħħar. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kienet tipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħmel użu minn ispezzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

157    It-tieni nett, l-argument li jirrigwarda n-nuqqas ta’ element li jikkonferma l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ distruzzjoni jew ta’ ħabi ta’ provi, b’mod partikolari minħabba l-fatt li fl-imgħoddi r-rikorrenti kienet ikkooperat lealment mal-Kummissjoni, mhuwiex konkludenti. Minn naħa, din ma kinitx l-unika raġuni li mmotivat d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq ispeżżjoni, peress li r-raġuni prinċipali kienet it-tfitxija ta’ elementi li setgħu, b’mod partikoari, jikxfu strateġija ta’ limitazzjoni u ta’ tbegħid tal-kompetituri, li setgħu kienu jinsabu kemm għand ir-rikorrenti kif ukoll għand il-kumpannija sussidjarja tagħha u li, kif diġà ġie enfasizzat, huma ġeneralment suġġetti għal ħabi jew esposti għar-riskju ta’ distruzzjoni fil-każ ta’ inkjesta. Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti hija kumpannija kkwotata fil-borża jew suġġetta għal regoli tal-kontabbiltà u finanzjarji stretti mhuwiex rilevanti, Anke jekk jiġi meqjus li l- kienu mfittxijia elementi li jirrigwardaw il-prezzijiet tad-diversi servizzi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk tar-rikorrenti, dan bl-ebda mod ma jfisser li, skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu qedin jiġu mfittxa wkoll elementi li kellhom jikxfu l-intenzjoni ta’ eliminazzjoni tal-kompetituri. Issa, elementi bħal dawn ma jinsabux fost dawk li għandhom jiġu ppreżervati għal finijiet ta’ kontabbiltà jew finanzjarji.

158    It-tielet nett, il-fatt li, a titolu kawtelatorju, ġie mitlub l-intervent tas-setgħa pubblika lanqas m’għandu l-ebda effett fuq il-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata, minn ta’ lanqas peress li bħal ma diġà indikat fil-punt 126 iktar ‘il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni tista’ tiġi evalwata biss skond l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu jeżistu fid-data ta’ meta dan l-att ġie adottat u huwa stabbilit li l-awtorizzazzjoni sabiex isir użu mis-setgħa pubblika intalbet biss wara li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

159    Minn dak li ntqal iktar ‘il fuq jirriżulta li l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mhuwiex stabbilit u li għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li din tirriżulta minn deċiżjoni preliminari li tikser ir-Regolament Nru 1/2003, il-Komunikazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja

160    Peress li dan il-motiv tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tiegħu.

 L-argumenti tal-partijiet

161    Ir-rikorrenti ssostni li fir-risposta tad-difiża tagħha l-Kummissjoni żvelat element ġdid. Għalhekk, matul il-kuntatti li kien hemm bejn il-Kummissjoni u l-aġenti tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, irriżulta li l-ispezzjoni kienet meħtieġa. Dawn il-kuntatti wasslu għall-konklużjoni li kien opportun li l-Kummissjoni titratta l-kwistjoni fuq il-mertu. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata tirriżulta direttament minn dawn l-iskambji ma l-awtoritajiet Franċiżi tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dawn l-iskambji l-ispezzjoni ma kinitx tiġi ordnata.

162    Għalkemm ir-rikorrenti kienet taf dwar il-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, hija ma kinitx taf li l-ispezzjoni kienet tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu. Dan jikkostitwixxi element ta’ dritt u ta’ fatt żvelat matul il-proċedura fis-sens ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-proċedura u li jista’, minħabba f’hekk, jiġġustifika l-introduzzjoni ta’ motiv ġdid matul l-istanza.

163    Il-Kummissjoni tikkonfuta li dan il-motiv huwa inammissibbli peress li l-ebda element ta’ dritt jew ta’ fatt ma ġie żvelat lir-rikorrentipermezz tar-risposta tad-difiża. L-ewwel nett, fid-dawl, minn naħa, tal-preżenza, matul l-ispezzjoni, ta’ rappreżentanti ta’ l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tat-termini ta’ l-Artikoli 20(4) u 11 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa diffiċli li wieħed jemmen li kien biss matul l-istanza li r-rikorrenti saret taf li preċedentement għall-ispezzjoni kien hemm kuntatti bejn l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fatt li tiġi organizzata spezzjoni ma jfissix li l-Kummissjoni għandha effettivament l-intenzjoni li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu. F’kull każ, l-eżistenza ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni ma jistax jikkostitwixxi fatt ġdid. Fil-fatt, f’dan il-każ il-Kummissjoni ddeċidiet biss li tadotta miżura ta’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta mill-iskambji li kien hemm bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi u li fin nuqqas ta’ dawn l-iskambji l-ispezzjoni ma kinitx isseħħ, hija kontestabbli peress li fir-risposta tad-difiża mhemm l-ebda dikjarazzjoni bħal din.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

164    Mill-qari flimkien ta’ l-Artikolu 44(1)(c) u ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors li jibda l-istanza għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni u jkun fih espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u li l-introduzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza tista’ ssir biss jekk dawn il-motivi ġodda jkunu bbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li ġew żvelati matul il-proċedura. Issa, il-fatt li r-rikorrenti saret taf dwar informazzjoni fattwali matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jfissirx li din l-informazzjoni tikkostitwixxi element ta’ fatt li ġie żvelat matul il-proċedura. Huwa meħtieġ ukoll li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li ssir taf preċedentement b’din l-informazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, Ġabra P. II-2849, punti 59 u 62).

165    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tosserva li l-element li wassal għad-deċiżjoni kkontestata kienet deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li titratta l-kwistjoni fuq il-mertu u li l-eżistenza ta’ din l-aħħar deċiżjoni ġiet żvelata lilha fir-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni. Għalhekk din l-allegata deċiżjoni tikkostitwixxi element ta’ fatt u ta’ dritt ġdid, żvelat matul il-proċedura, li jiġġustifika li dan il-motiv jiġi introdott għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, motiv li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li din tirriżulta minn deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li hija, fiha nfisha, illegali peress li ġiet adottata bi ksur tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Komunikazzjoni u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

166    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li għalkemm huwa minnu li fir-risposta tad-difiża tagħha l-Kummissjoni tindika espliċitament li “id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq ispezzjoni u li titratta hija stess il-kwistjoni fuq il-mertu kienet, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti [...], s-suġġett ta’ konsultazzjoni stretta ma’ l-awtoritajiet Franċiżi, fis-sens ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003”. Madankollu, fir-risposta tad-difiża tagħha l-Kummissjoni tiddikjara wkoll li, barra minn hekk, kien matul il-kuntatti telefoniċi u l-laqgħa li kien hemm bejn il-Kummissjoni u r-relatur tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li rriżulta li spezzjoni kienet meħtieġa sabiex jinġabru, b’mod partikolari, eventwali provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-azzjoni predatorja u li kuntatti bejn l-aġenti tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u dawk tal-Kummissjoni wasslu sabiex jiġi kkunsidrat opportun li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni jiddeċiedi fuq miżuri kawtelatorji u li l-Kummissjoni titratta l-kwistjoni fuq il-mertu, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2003. Issa, ikkunsidrata fil-kuntest tagħha, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti tikkunsidra bħala li tiżvela fatt ġdid taqa pjuttost taħt il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-opportunità li ssir ispezzjoni u wara dan, loġikament, li ssir investigazzjoni abbażi ta’ l-elementi li jinġabru matul din l-ispezzjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata fiha nfisha tiżvela d-deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet ħadet li teżamina l-kwistjoni fuq il-mertu, peress li miżura ta’ investigazzjoni bħal mhija l-ispezzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq loġiku ta’ tali “trattament fuq il-mertu tal-kwistjoni”.

167    Il-kelma “deċiżjoni” użata fir-risposta tad-difiża hija ċertament barra minn lokha, iżda din ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li fil-fatt kien hemm l-iżvelar ta’ element ġdid ta’ fatt u ta’ dritt li r-rikorrenti ma kelliex il-possibbiltà li tkun taf bih preċedentement. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element ieħor. Barra minn hekk, anke jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni bħal din, id-deċiżjoni kkontestata kienet f’kull każ it-traduzzjoni tagħha, peress li miżura ta’ investigazzjoni hija per definizzjoni stadju preliminari, iżda meħtieġ, ta’ analiżi fuq il-mertu. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma kelliex l-opportunità li tkun taf dwara qabel ir-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni, iktar u iktar peress li, fid-dawl tat-termini ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, hija ma setgħetx ma tkunx taf li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien hemm kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi tal-kompetizzjoni. Dan kien iktar u iktar minnu meta ġie ppreżentat ir-rikors peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet espliċitament tindika li l-Kummissjoni kienet ikkonsultat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat kif preskritt fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u peress li anness tar-rikors jistabbilixxi li r-rikorrenti kienet diġà taf, meta seħħet l-ispezzjoni, dwar il-proċedura li kienet għaddejja quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

168    Għalhekk, l-allegat deċiżjoni invokata mir-rikorrenti u li, fl-opinjoni tagħha, ġiet żvelata fir-risposta tad-difiża tal-Kummissjoni hija, fil-verità, ħaġa waħda mad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li fir-risposta tad-difiża ma ġie żvelat lilha l-ebda element ta’ dritt u ta' fatt ġdid. Barra minn hekk, kellha f’kull każ il-possibbiltà li tinvoka l-ksur allegat fil-kuntest ta’ dan il-motiv fir-rikors tagħha.

169    Minn dawn l-elementi jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tiegħu u, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija f'Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu fit-8 ta’ Marzu 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.