Language of document : ECLI:EU:T:2007:46

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

13 ta' Frar 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali RESPICUR – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti RESPICORT – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94”

Fil-kawża T-256/04,

Mundipharma AG, stabbilita f’Basel (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn F. Nielsen, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn B. Müller, u wara minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Altana Pharma AG, stabbilita f’Constance (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Becker, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tad-19 ta’ April 2004 (Kawża R 1004/2002‑2), li tirrigwarda proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Mundipharma AG u Altana Pharma AG,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Ġunju 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Novembru 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Novembru 2004,

wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Ottubru 1998, l-intervenjenti talbet lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ir-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali RESPICUR (iktar ’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata.

2        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta' Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja”.

3        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 45/1999 tas-7 ta’ Ġunju 1999.

4        Fl-1 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi tinvoka l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali Ġermaniża Nru 1155003 RESPICORT, ippreżentata fil-21 ta’ Awwissu 1989 u rreġistrata fl-1 ta’ Marzu 1990 għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta’ Nizza, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "prodotti farmaċewtiċi u iġeniċi; plasters" (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti").

5        Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta’Ottubru 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija qieset li r-rikorrenti ma kenitx tat prova la tal-fatt li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti u lanqas ta’ l-użu tagħha. Barra minn hekk, hija kkonkludiet li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.

6        Fit-12 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

7        Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta’ l-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni minħabba l-ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, iżda, minkejja kollox, ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell qies li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma kellhiex tiċħad l-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ prova li turi li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti. Sussegwentement, huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx waslet sabiex tipprova l-użu tat-trade mark preċedenti, safejn dan kien meħtieġ, u li kellu jittieħed biss in kunsiderazzjoni l-użu għall-“kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”, liema fatt ma ġiex ikkontestat mill-intervenjenti. Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata l-identiċità tal-prodotti kkonċernati u l-eżistenza ta’ ċertu xebh, għalkemm ibbilanċjata minn differenzi evidenti bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti. Huwa qies li l-pubbliku kkonċernat rispettivament mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa biss il-pubbliku professjonali, li għaldaqstant jikkostitwixxi l-pubbliku kkonċernat f’din il-kawża. Minħabba d-differenzi kkonstatati, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Fl-10 ta’ Novembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti domandi, Il-partijiet wieġbu għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fiż-żmien mogħti.

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI sabiex ibati l-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż.

12      L-intervenjenti tressaq l-istess talbiet bħall-UASI.

 Fuq l-ammissibbiltà

13      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti jirreferu espliċitament għad-dokumenti ppreżentati minnhom fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI. L-intervenjenti rreferiet ukoll għall-motivi li jinsabu fid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u tal-Bord ta’ l-Appell.

14      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Skond il-ġurisprudenza, din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, f’kull każ, fejn ma jkunx hemm informazzjoni oħra li fuqha jistgħu jibbażaw ruħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet, barra minn hekk, li, jekk it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut minn referenzi għal partijiet iddeterminati minn dokumenti annessi miegħu, referenza globali għal kitbiet oħra, anki dawk annessi mar-rikors, ma jtaffux in-nuqqas ta’ elementi essenzjali fir-rikors u mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi ruħha mal-partijiet billi tipprova ssib l-elementi rilevanti fl-annessi (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punti 21 u 23, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 154, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi wkoll ikkwotata fir-risposta tal-parti l-oħra fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell li hija intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fil-qasam tal-propjetà intelletwali skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 135(1) ta’ dawn ir-Regoli [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 204, AVEX vs L-UASI – Ahlers (a), T-115/02, Ġabra p. II-2907, punt 11].

15      Ir-rikors u r-risposta ta’ l-intervenjenti, safejn dawn jirreferu għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem l-UASI kif ukoll għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-UASI fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, huma inammissibbli, peress illi r-riferenza globali li dawn jinkludu mhijiex konnessa mal-motivi u l-argumenti żviluppati fir-risposta ta’ l-intervenjenti.

 Fuq il-mertu

16      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq l-argument li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonkluda li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti. Hija tibbaża ruħha essenzjalment fuq ħames elementi, jiġifieri l-limitazzjoni tal-prodotti meħuda in kunsiderazzjoni għat-trade mark preċedenti, id-determinazzjoni tal-pubbliku kkonċernat, ix-xebħ bejn is-sinjali, in-natura distintiva tat-trade mark preċedenti u l-fatt li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-istess sinjali ġiet ikkonstatata mid-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju tal-Pejtents u tat-trade marks Ġermaniż).

 Fuq il-limitazzjoni tal-prodotti kkunsidrati bħala koperti mit-trade mark preċedenti u fuq ix-xebh tal-prodotti

 Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell qies li, fi tweġiba għad-domanda ta’ l-intervenjenti ppreżentata skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet il-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fil-Ġermanja. Minn dan, huwa kkonkluda li, għall-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, huma biss il-prodotti li għalihom il-prova ta’ l-użu ġenwin ma ġietx mitluba mill-intervenjenti, jiġfieri “kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”, li setgħu jiġu kkunsidrati bħala li kienu koperti mit-trade mark preċedenti.

 L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell skond liema l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ma ġiex ipprovat. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell illimitat b'mod abbużiv il-libertà tagħha ta’ azzjoni ekonomika billi qieset li t-trade mark preċedenti setgħet tittieħed biss in kunsiderazzjoni safejn din kienet tkopri l-“kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”. Fil-fatt, tali applikazzjoni tillimita l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti għal prodotti effettivament ikkumerċjalizzati. F’każijiet simili, il-ġurisprudenza Ġermaniża rrikonoxxiet li ma kienx hemm lok li tiġi ristretta l-protezzjoni mogħtija lil prodotti mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib.

19      Ir-rikorrenti tqis f’dan ir-rigward li għandu jiġi kkunsidrat li ngħataw il-provi ta' l-użu tat-trade mark preċedenti f’dak li jikkonċerna l-“prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja”. Fil-fatt, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs L-UASI – Aladin (ALADIN) (T-126/03, Ġabra p. II-2861, punti 45 u 46), dan il-grupp jikkostitwixxi subkategorija distinta fi ħdan il-kategorija ġenerali tal-“prodotti farmċewtiċi”.

20      L-UASI jappoġġa l-pożizzjoni tar-rikorrenti billi josserva li, skond is-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġu ddefiniti subkategoriji skond l-indikazzjonijiet terapewtiċi tal-prodott ikkonċernat. Huwa jqis f’dan ir-rigward li l-“prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja” jikkostitwixxu subkategorija raġonevoli.

21      L-intervenjenti tosserva li, safejn ir-rikorrenti għandha l-possibbiltà li tikkumerċjalizza prodotti ġodda taħt it-trade mark preċedenti fil-Ġermanja, il-libertà ekonomika tagħha mhijiex limitata. Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni fil-kawża preżenti tas-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, hija tqis li s-subkategorija approprjata hija dik tal-“glukokortikojdi”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22      Skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94:

“2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dan billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

23      Skond il-ġurisprudenza, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta' servizzi suffiċjentement kbira sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati, fi ħdanha, numru ta’ subkategoriji li jistgħu jiġu pperċepiti b’mod awtonomu, il-prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi tipprovdi protezzjoni, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, biss għas-subkategoriji li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark kienet effettivament użata. Madankollu, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi ddefiniti b’mod daqstant preċiż u ristrett li mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti subkategoriji sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, f'dan il-każ il-prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament il-kategorija kollha għall-finijiet ta’ l-oppożizzjoni (is-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

24      Fil-fatt, jekk il-kunċett ta’ użu parzjali għandu bħala għan li ma jeskludix dawk it-trade marks li ma ġewx użati għal kategorija speċifika ta’ prodotti, madankollu dan m’għandux ikollu l-effett li jċaħħad il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti minn kull protezzjoni għal prodotti li, mingħajr ma jkunu eżattament identiċi għal dawk li għalihom huwa seta’ jagħti prova ta' użu ġenwin, mhumiex essenzjalment differenti minn dawk li jirriżultaw mill-istess grupp li jista’ jiġi maqsum biss b’mod arbitrarju. Jeħtieġ f’dan ir-rigward li jiġi osservat li huwa fil-prattika impossibbli li l-proprjetarju ta’ trade mark iressaq il-prova ta’ l-użu tagħha għall-varjanti kollha possibbli tal-prodotti kkonċernati mir-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “parti mill-prodotti jew servizzi” ma jistax jiġi estiż għal kull użu kummerċjali ta’ prodotti jew servizzi analogi, iżda biss għal prodotti u servizzi suffiċjentement differenti sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew subkategoriji koerenti (is-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

25      Għandu jiġi osservat li, jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tatx prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għal ċertu prodotti jkunu liema jkunu, madankollu l-intervenjenti ma talbitx il-prova ta’ tali użu f’dak li jikkonċerna l-“kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”. Għaldaqstant, kif osserva l-Bord ta’ l-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ l-użu tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għandha tiġi mressqa biss fuq talba ta’ l-applikant, huwa dan ta’ l-aħħar li jiddetermina l-portata tat-talba tiegħu ta’ prova. Għaldaqstant, safejn it-talba ta’ prova ta’ l-intervenjenti ma kinitx tirrigwarda “kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk it-trade mark preċedenti kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fil-Ġermanja għal dawn l-aħħar prodotti.

26      Sussegwentement, hemm lok sabiex jiġi mfakkar li t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata għall-“prodotti farmaċewtiċi u iġeniċi; plasters”. Din il-kategorija ta’ prodotti hija suffiċjentement kbira sabiex fi ħdanha, jistgħu jiġu identifikati numru ta’ subkategoriji li jistgħu jiġu pperċepiti b’mod awtonomu. Għalhekk, il-fatt li t-trade mark preċedenti għandha tiġi kkunsidrata bħala li ġiet użata għall-“kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”, jipprovdi protezzjoni biss għas-subkategorija li minnha jirriżultaw dawn l-aħħar prodotti.

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell qies li t-trade mark preċedenti biss kellha tittieħed in kunsiderazzjoni safejn din kienet tirrigwarda l-prodotti li għalihom l-użu ġenwin ma ġiex ikkontestat. Għaldaqstant, huwa ddefinixxa subkategorija identika għall-imsemmija prodotti, jiġifieri l-“kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”.

28      Din id-defininazzjoni hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat fid-dawl tas-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, u applikabbli għat-trade marks nazzjonali preċedenti skond l-Artikolu 43(3) ta’ l-istess regolament.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, safejn il-konsumatur ifittex, iktar minn kull ħaġa oħra, prodott jew servizz li jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu, l-għan jew l-użu intenzjonat tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat huwa ta’ natura essenzjali għall-orjentazzjoni ta’ l-għażla tiegħu. Għalhekk, safejn dan huwa applikat mill-konsumaturi qabel kull xirja, il-kriterju ta’ l-għan jew ta’ l-użu intenzjonat huwa kriterju essenzjali fid-definizzjoni ta’ subkategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

30      L-għan jew l-użu intenzjonat ta’ prodott terapewtiku huma espressi mill-indikazzjoni terapewtika tiegħu. Għaldaqstant, id-definizzjoni aċċettata mill-Bord ta’ l-Appell mhijiex ibbażata fuq dan il-kriterju billi hija ma tindikax li l-prodotti kkonċernati huma intiżi sabiex jittrattaw problemi ta’ saħħa u billi hija ma tippreċiżax in-natura ta’ dawn il-problemi.

31      Barra minn hekk, il-kriterji magħżula mill-Bord ta’ l-Appell, jiġifieri dawk tal-forma galenika, is-sustanza attiva u l-obbligu ta’ preskrizzjoni tat-tabib, huma bħala regola ġenerali mhux validi sabiex tiġi ddefinita subkategorija ta’ prodotti skond is-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, f’dak illi l-applikazzjoni tagħhom ma tirrispettax il-kriterji msemmija iktar ’il fuq ta’ l-għan u ta’ l-użu intenzjonat tal-prodotti. Fil-fatt, kundizzjoni medika speċifika tista’ ta’ spiss tiġi ttrattata minn numru ta’ mediċini li jkollhom forom galeniċi differenti u li jkollhom sustanzi attivi differenti, li wħud minnhom huma disponibbli għall-bejgħ mingħajr restrizzjonijiet filwaqt li oħrajn jirrikjedu preskrizzjoni tat-tabib.

32      Isegwi li, billi naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-għan u l-użu intenzjonat tal-prodotti kkonċernati, il-Bord ta’ l-Appell qies li subkategorija ta’ prodotti kienet arbitrarja.

33      Minħabba l-motivi esposti fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, is-subkategorija tal-prodotti li taħtha jaqgħu dawk li għalihom l-użu ġenwin ma ġiex ikkonstatat għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-kriterju ta’ l-indikazzjoni terapewtika.

34      Is-subkategorija proposta mill-intervenjenti, jiġifieri l-“glukokortikojdi”, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, din id-definizzjoni hija bbażata fuq il-kriterju tas-sustanza attiva. Issa, kif ġie espost fil-punt 31 hawn fuq, tali kriterju waħdu mhuwiex ġeneralment adatt sabiex jiddefinixxi subkategoriji ta’ prodotti terapewtiċi.

35      Madankollu, id-definizzjoni proposta mir-rikorrenti u mill-UASI, jiġifieri l-“prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja”, hija approprjata fil-miżura, jew, minn naħa, hija bbażata fuq l-indikazzjoni terapewtika tal-prodotti kkonċernati u fejn, min-naħa l-oħra, hija tippermetti li tiġi ddefinita subkategorija suffiċjentement preċiża fis-sens tas-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq.

36      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-trade mark preċedenti għandha tiġi meqjusa bħala rreġistrata, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għall-“prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja”.

37      Għandu jiġi osservat wkoll li din il-konstatazzjoni ma taffettwax il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell, espressa fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet aċċettata mill-partijiet u li tgħid li l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti huma identiċi.

38      Peress illi, madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tapplika biss għal “kontenituri ta’ aerosols li fihom il-kortikojdi, mogħtija biss bi preskrizzjoni tat-tabib”, tali deċiżjoni hija vvizzjata bi żball li r-rilevanza tiegħu għandu jiġi eżaminat għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Fuq il-pubbliku kkonċernat

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti terapewtiċi għan-nifs, li skond hi huma koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti, jinkludu, minn naħa, prodotti disponibbli mingħajr preskrizzjoni tat-tabib u, min-naħa l-oħra, prodotti mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib. Għaldaqstant, il-pubbliku kkonċernat huwa kompost minn professjonisti tal-mediċina, kif ukoll konsumaturi finali, jiġifieri l-pazjenti.

40      L-UASI, bħala principju, jaqbel mal-pożizzjoni tar-rikorrenti, billi jippreċiża, minn naħa, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konsumaturi Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, li l-konsumaturi finali, li huma pazjenti li għandhom marda gravi tan-nifs, jippreżentaw livell ta’ attenzjoni minn medju għal elevat.

41      L-intervenjenti ssostni li, billi l-glukokortikojdi huma kollha mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, il-pubbliku kkonċernat mit-trade mark preċedenti huwa kompost minn professjonisti tal-mediċina. Għaldaqstant, dan l-istess pubbliku professjonali huwa l-pubbliku kkonċernat fil-kawża preżenti. Hija żżid li, f’kull każ, il-pazjenti juru livell partikolarment elevat ta’ attenzjoni fl-għażla ta’ prodotti terapewtiċi intiżi għal kundizzjoni gravi ta’ saħħa bħal ma huma dawk in kwistjoni fil-kawża kkonċernata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punti 25 u 26).

43      Sussegwentement, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, kif qal l-UASI, li l-pubbliku kkonċernat huwa kompost minn konsumaturi Ġermaniżi, peress illi t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata fil-Ġermanja.

44      Fit-tieni lok, mhuwiex ikkontestat f’din il-kawża li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja, huwa kkostitwit, minn naħa, mill-pazjenti peress illi huma l-konsumaturi finali u, min-naħa l-oħra, minn professjonisti tal-mediċina.

45      F’dak li jikkonċerna l-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti titqies bħala li ġiet irreġistrata, jirriżulta mid-dokumenti tal-partijiet kif ukoll mir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula fis-seduta li, minn fost il-prodotti terapewtiċi għas-sistema respiratorja, uħud minnhom huma mogħtija unikament bi preskrizzjoni tat-tabib, filwaqt li l-oħrajn huma disponibbli għall-bejgħ mingħajr restrizzjonijiet. Filwaqt li wħud minn dawn il-prodotti jistgħu jinxtraw mill-pazjenti mingħajr preskrizzjoni tat-tabib, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku li għalih dawn jirreferu jinkludi, minbarra l-professjonisti tal-mediċina, il-konsumaturi finali.

46      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat, kif qalet l-intervenjenti, li, billi numru kbir ta’ mard tas-sistema respiratorja huma kundizzjonijiet gravi, il-pazjenti li huma milquta huma ġeneralment informati sew u partikolarment attenti u avżati f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-mediċina approprjata għalihom.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-pubbliku kkonċernat huwa kompost, minn naħa, minn professjonisti tal-mediċina Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, minn pazjenti Ġermaniżi li jbatu minn mard tas-sistema respiratorja, fejn dawn ta’ l-aħħar ġeneralment jidhru li għandhom livell ta’ attenzjoni ogħla mill-medja.

 Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

 L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti ssostni li l-kliem “respicort” u “respicur” jippreżentaw livell għoli ħafna ta’ xebh minħabba t-tul simili tagħhom u minħabba li seba’ ittri huma identiċi u mqegħda fl-istess sekwenza. Mill-aspett fonetiku, id-differenza bejn il-vokali “o” u “u” hija dgħajfa ħafna, u ż-żieda tal-konsonanti “t” fl-aħħar ta’ “respicort” mhijiex perċepibbli ħafna. Fil-fatt, iż-żewġ vokali għandhom ħoss li ma jinstemax tajjeb u jipproduċu effett simili. Barra minn hekk, bil-Ġermaniż, it-“t” finali ta’ “respicort” ġeneralment mhijiex ippronunzjata jew hija biss ippronunzjata b’mod dgħajjef, fejn l-ittri finali huma ta’ spiss “imwarrba”. B’hekk, it-“t” finali mhijiex ipperċepita, wisq iżjed meta “respicort” mhijiex kelma Ġermaniża, iżda kelma vvintata, u li, minħabba f’hekk, huwa ċertament possibbli li tiġi ppronunzjata mingħar it-“t” finali. Mill-aspett kunċettwali, ir-rikorrenti tqis li l-konsumaturi kkonċernati m’għandhomx it-tendenza li jaqsmu t-trade marks konfliġġenti f’żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, “respi” u, min-naħa l-oħra, “cur” jew “cort”. Hija żżid li, f’kull każ, il-konsumaturi finali kkonċernati mhumiex f’pożizzjoni li jifhmu t-tifsira ta’ dawn il-kliem.

49      L-UASI jsostni li t-trade marks in kwistjoni jippreżentaw biss livell dgħajjef ta’ xebh. Huwa jispjega f’dan ir-rigward li l-element “respi” jinftiehem mill-pubbliku kkonċernat bħala deskrittiv u, b’dan il-fatt, ma jiġix ipperċepit bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali. Għaldaqstant, dan ma jistax jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. L-element “cort” jiġi pperċepit bħala referenza għall-kortikojdi mill-pubbliku professjonali u minn parti mill-konsumaturi finali. Bl-istess mod, l-element “cur” jiġi interpretat mill-istess gruppi tal-pubbliku bħala li jirreferi għall-kliem “cure” jew “fejqan”.

50      L-UASI jkompli billi josserva li l-vokali differenti “o” u “u” u l-preżenza ta’ l-ittra finali “t” fit-trade mark preċedenti joħolqu differenza perċepibbli mill-aspett viżiv. Mill-aspett fonetiku, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tispiċċa b’ħoss twil u baxx minħabba l-għaqda ta’ l-ittri “u” u “r”. L-element finali tat-trade mark preċedenti huwa min-naħa l-oħra kkaratterizzat mill-ħoss iebes ta’ l-ittra “t”, li tiġi ppronunzjata mill-pubbliku Ġermaniż. Mill-aspett kunċettwali, id-differenza eżistenti bejn l-elementi finali taż-żewġ sinjali hija tali li tinnewtralizza xebh viżiv u fonetiku eventwali.

51      L-intervenjenti, bħala prinċipju, taqbel ma' l-UASI. Hija żżid li, f’dak li jikkonċerna l-element “respi”, li jirreferi għall-kelma “nifs”, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ disponibbiltà marbuta ma’ din il-kelma.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

52      Għaldaqstant, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      F’dan ir-rigward, differenzi kunċettwali li jisseparaw it-trade marks konfliġġenti jistgħu jkunu tali li jinnewtralizzaw fuq skala kbira ix-xebh viżiv u fonetiku li jeżisti bejn dawn it-trade marks. Newtralizzazzjoni ta’ dan it-tip, madankollu, teħtieġ li mill-inqas waħda mit-trade marks ikkonċernati jkollha, fil-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, tifsira ċara u ddeterminata, tat-tip li l-pubbliku jkun kapaċi li jifhimha immedjatament, u li t-trade mark l-oħra ma jkollhiex tali tifsira jew li jkollha tifsira kompletament differenti (is-sentenza, BASS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

54      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni RESPICUR u t-trade mark preċedenti RESPICORT.

55      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li t-trade marks ikkonċernati huma simili mill-aspett viżiv għall-konsumaturi kollha kkonċernati minħabba li huma komposti minn kelma waħda, li għandhom tul simili u li għandhom in komuni l-ewwel sitt ittri, “respic”, u t-tmien ittra, “r”. La d-differenza bejn il-vokali “u” u “o”, fis-seba’ ittra, u lanqas l-inklużjoni tad-disa’ ittra “t” fl-aħħar tat-trade mark preċedenti ma hi tali li tneħħi dan ix-xebh viżiv.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-qbil fonetiku, it-trade marks konfliġġenti huma ppronunzjati fi tlett sillabi, fejn il-pronunzja ta’ l-ewwel żewġ sillabi, “respi”, hija identika fiż-żewġ każijiet. Il-pronunzja tat-tielet sillaba, “cur” u “cort” rispettivament, turi ċertu xebh, permezz tal-preżenza tal-konsonanti “c” u “r”, u differenzi, minħabba d-distinzjoni bejn il-vokali “u” u “o”, kif ukoll l-ittra “t” tat-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, dawn id-differenzi mhumiex suffiċjenti sabiex ipattu għall-identiċità ta’ l-ewwel żewġ sillabi u x-xebħ minħabba l-preżenza tal-konsonanti “c” u “r” fil-pronunzja tat-tielet sillaba. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li hemm xebh fonetiku.

57      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna x-xebh kunċettwali, għandu jiġi osservat primarjament li, jekk il-konsumatur medju ġeneralment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa waħda u ma jipproċedix għal eżami tad-dettalji differenti tagħha (is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25), xorta waħda, fil-perċezzjoni ta’ sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li tixbaħ kliem li huwa jaf [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs L-UASI – Krafft (VITAKRAFT),T-356/02, Ġabra p. II-3445, punt 51]. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti li t-trade marks konfliġġenti ma jiġux maqsumin mill-konsumaturi ma jistax jiġi aċċettat a priori, mingħajr ma jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.

58      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-perċezzjoni kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti hija differenti għaż-żewġ gruppi li jiffurmaw il-pubbliku kkonċernat. Il-pubbliku professjonali, minħabba l-għarfien u l-esperjenza tiegħu, huwa ġeneralment f’pożizzjoni li jifhem it-tifsira kunċettwali tal-kliem li għalihom jirreferu l-elementi differenti tat-trade marks konfliġġenti, jiġifieri “respiratorju” għal “respi”, “kura” jew “fejqan” għal “cur” u “kortikojdi” għal “cort”. Għaldaqstant, billi jaqsmu ż-żewġ trade marks fl-elementi rispettivi tagħhom, huma jinterpretaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li tikkorrispondi għal “kura għall-problemi tas-sistema respiratorja”, u t-trade mark preċedenti bħala li tirreferi għal “kortikojdi intiżi għan-nifs”. Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jistabbilixxu ċertu differenza kunċettwali, fejn it-tifsira tat-trade mark preċedenti hija iktar speċifika minn dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda madankollu għandhom in komuni l-idea ġenerali marbuta mar-respirazzjoni. Għalhekk, jekk id-differenza kunċettwali ddgħajjef ix-xebh viżiv u fonetiku kkonstatat iktar ’il fuq, mhijiex madankollu ċara biżżejjed sabiex telimina dan ix-xebh fost il-pubbliku professjonali.

59      Fir-rigward tal-konsumaturi finali, intqal iktar ’il fuq li l-livell tagħhom ta’ attenzjoni u ta’ għarfien huwa superjuri mil-medja minħabba n-natura serja tal-kundizzjoni li minnha jbatu. B’hekk, jinsabu f’pożizzjoni li jiddistingwu, fiż-żewġ trade marks ikkonċernati, l-element “respi” u li jifhmu l-kontenut kunċettwali tiegħu, li jirreferi għan-natura ġenerali tal-problemi tagħhom tas-saħħa. Għaldaqstant, l-għarfien limitat tagħhom tat-terminoloġija medika ma’ jippermettilhomx li jiddistingwu r-referenzi kunċettwali ta’ l-elementi “cur” u “cort”. B’hekk, mill-aspett kunċettwali, it-trade marks konfliġġenti huma simili fihom infushom minħabba l-identiċità ta’ l-element “respi”, l-uniku element li jippreżenta kontenut kunċettwali ċar u determinat.

60      Il-konklużjonijiet fuq il-perċezzjoni tat-trade marks konfliġġenti mogħtija hawn fuq mhumiex ikkontestati mill-argument ta’ l-UASI, skond liema l-element “respi”, minħabba n-natura deskrittiva tiegħu, ma jista’ jikkontribwixxi għal ebda xebh bejn is-sinjali. Fil-fatt, minkejja din in-natura, l-imsemmi element, li jinsab fil-bidu taż-żewġ trade marks, jokkupa tnejn mit-tliet sillabi u huwa iżjed twil miż-żewġ elementi rispettivi, jinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-impressjoni sħiħa mogħtija mis-sinjali in kwistjoni. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-pubbliku professjonali, ġie spjegat iktar ’il fuq li dan jipperċepixxi l-elementi kollha tat-trade marks konfliġġenti bħala deskrittivi ta’ l-użu intenzjonat jew tal-prinċipju attiv tal-prodotti in kwistjoni. B’hekk, dan il-pubbliku mhux ser jkollu it-tendenza li jagħti importanza partikolari lil element speċifiku, iżda ser jipperċepixxi ż-żewġ trade marks fl-impressjonijiet kunċettwali globali rispettivi tagħhom.

61      Fl-aħħar nett, l-argument ta’ l-intervenjenti spjegat fil-punt 51 iktar ’il fuq u li jirrigwarda l-ħtieġa ta’ disponibbiltà li hija marbuta ma’ l-element “respi” ma jistax ibiddel il-konklużjonijiet fuq il-perċezzjoni tat-trade marks konfliġġenti kkonstatati hawn fuq. Fil-fatt, skond din il-konklużjoni jeżisti xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti fit-totalità tagħhom ma tistax tiġi meqjusa bħala li twassal għal monopolizzazzjoni ta’ l-element “respi”.

62      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-trade marks konfliġġenti huma bejn wieħed u ieħor simili għall-pubbliku professjonali u simili ħafna għall-konsumaturi finali. Fil-fatt, għal dawn ta’ l-aħħar, it-trade marks huma simili mill-aspetti viżivi, fonetiċi u kunċettwali. Il-pubbliku professjonali jipperċepixxi, min-naħa l-oħra, ċertu differenza kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks, li madankollu mhijiex suffiċjenti biex tinnewtralizza kompletament ix-xebh viżiv u fonetiku kkonstatat.

 Fuq in-natura distintiva tat-trade mark preċedenti u l-probabbiltà ta’ konfużjoni

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa medju. F’dan ir-rigward, hija tosserva li “respicort” hija kelma vvintata u li, jekk l-element “respi” tirreferi għall-kelma “respiratorju”, l-element l-ieħor, “cort”, mhuwiex ser jingħata valur deskrittiv mill-konsumaturi kkonċernati, speċjalment għaliex mhuwiex iżolat mill-element l-ieħor u għaldaqstant ser ikun inqas perċettibbli. Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa msaħħaħ miċ-ċirkustanza skond liema l-użu ta' “sinjali evokattivi” huwa komuni fis-settur tal-mediċina.

64      Ir-rikorrenti tqis fuq kollox li, fil-kawża preżenti, il-prodotti huma identiċi, il-livell ta’ xebh huwa għoli ħafna u n-natura distintiva tat-trade mark preċedenti hija medja. Hija tikkonkludi li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

65      L-UASI jsostni li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv dgħajjef ħafna. Huwa jispjega li l-element “respi” jiġi ġeneralment ipperċepit bħala referenza għall-kelma “respiratorju” u li l-element “cort” jiġi pperċepit, għall-inqas mill-pubbliku professjonali, bħala referenza għall-“kortikojdi”. Għaldaqstant, it-trade mark preċedenti hija komposta esklussivament minn elementi deskrittivi. L-UASI josserva wkoll li r-rikorrenti ma sostnietx l-argument tagħha fuq l-użu komuni tas-“sinjali evokattivi” fis-settur tal-mediċini.

66      Huwa jikkonkludi li, minħabba x-xebh dgħajjef bejn is-sinjali konfliġġenti u l-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi eskluża f’din il-kawża.

67      L-intervenjenti taqbel ma' l-UASI. Hija żżid li l-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti hija konformi man-numru kbir ta' trade marks irreġistrati li fihom l-elementi “respi” u “cort”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

68      Skond ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jiġu mill-istess impriża jew, f’kull każ, minn impriżi marbuta ekonomikament.

69      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti in kwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ, b’mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 29 sa 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata].

70      Ġie kkonstatat iktar ’il fuq, minn naħa, li l-prodotti in kwistjoni kienu identiċi u, min-naħa l-oħra, li t-trade marks konfliġġenti kienu bejn wieħed u ieħor simili għall-pubbliku professjonali u simili ħafna għall-konsumaturi finali.

71      F’dak li jikkonċerna l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi osservat li dan ser jinftiehem miż-żewġ partijiet tal-pubbliku kkonċernat bħala deskrittiv, minkejja li fuq livelli differenti. Fil-fatt, kif ġie spjegat iktar ’il fuq fl-eżami tax-xebh kunċettwali, il-pubbliku professjonali jipperċepixxi ż-żewġ elementi bħala deskrittivi ta’ l-għan u tas-sustanza attiva tal-prodott in kwistjoni, filwaqt li l-konsumaturi finali ma jattribwixxux sens kunċettwali determinat lill-element “cort”, minkejja l-fatt li jistgħu jifhmu r-referenza involuta fl-element “respi”.

72      Għaldaqstant, it-trade mark preċedenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tippreżenta karattru distintiv dgħajjef għall-pubbliku kkonċernat, b’mod partikolari għall-professjonisti tal-mediċina. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti fuq l-użu frekwenti ta' “sinjali evokattivi” fis-settur tal-prodotti terapewtiċi ma jistax jiġi milqugħ safejn, minn naħa, hija bl-ebda mod ma sostniet dan l-argument u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tispjegax ir-rilevanza ta’ din iċ-ċirkustanza f’dak li jikkonċerna l-każ konkret tat-trade mark preċedenti.

73      Issa, jekk minħabba, minn naħa, l-interdipendenza tal-fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-probabbiltà hija ħafna iktar elevata minn kemm huwa sinjifikattiv il-karattru distintiv tat-trade mark li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni (is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20), il-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku professjonali, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed f’dak li jikkonċerna l-konsumaturi finali, li għalihom it-trade marks konfliġġenti huma simili ħafna.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti f'moħħ il-konsumatur finali Ġermaniż. Għaldaqstant, il-motiv invokat għandu jiġi milqugħ u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata r-rilevanza għal din il-kawża tad-deċiżjoni ta’ Deutsches Patent- und Markenamt invokata mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti, skond it-talbiet tagħha. Peress li r-rikorrenti ma talbitx sabiex l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, hija għandha tħallas l-ispejjeż tagħha relatati ma’ l-intervent. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-19 ta’ April 2004 (Kawża R 1004/2002‑2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, ħlief dawk relatati ma’ l-intervent.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ l-intervent.

4)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Frar 2007.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.