Language of document : ECLI:EU:T:2024:45

Kawża T745/20

Symphony Environmental Technologies plc
u
Symphony Environmental Ltd

vs

IlParlament Ewropew et

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal31 ta’ Jannar 2024

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ambjent – Direttiva (UE) 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Assenza ta’ distinzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli u prodotti mmanifatturati minn plastik ossobijodegradabbli – Valutazzjoni tal-impatt – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet – Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tas-sigriet kummerċjali – Talba għal omissjoni ta’ data li hija fid-dominju pubbliku – Ċaħda

(Artikolu 15 TFUE)

(ara l-punti 20, 22, 23)

2.      Rikors għad-danni – Awtonomija fil-konfront tar-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Portata

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263, Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punt 31)

3.      Rikors għad-danni – Suġġett – Kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba dispożizzjoni inkluża f’direttiva adottata mill-Parlament u mill-Kunsill – Rikors ippreżentat ukoll kontra l-Kummissjoni – Ilment dwar inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni fid-dawl tar-rwol tagħha fil-proċess leġiżlattiv – Assenza ta’ effett fuq l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni

(Artikoli 268 u 294 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/904, Artikolu 5)

(ara l-punti 32 sa 38)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Ksur tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent – Rekwiżit ta’ ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu l-imsemmi leġiżlatur f’dan il-qasam – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikoli 191, 192 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 39sa 43, 114, 115, 250)

5.      Ambjent – Tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent – Direttiva 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jadottaw din il-projbizzjoni b’mod konformi mal-proċedura ta’ restrizzjoni prevista mir-Regolament REACH – Assenza – Obbligu ta’ stennija tal-eżitu tal-proċedura ta’ restrizzjoni fis-seħħ quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Assenza

(Artikoli 14(1), 16(1) u 17(2) TUE; Artikolu 289 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 68 sa 73; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904, Artikolu 5)

(ara l-punti 50 sa 55, 59 sa 65)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl ta’ att ieħor tal-istess livell normattiv – Att mhux adottat b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar att – Assenza ta’ dispożizzjoni li tipprevedi s-supremazija ta’ att fuq ieħor – Inammissibbiltà tal-evalwazzjoni

(Artikolu 289(1) u (3), Artikolu 294 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904)

(ara l-punti 66 sa 70)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Dispożizzjonijiet li jipprevedi konsultazzjoni pubblika dwar l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq ta’ sustanza kimika – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 69(6)(a) u l-Artikolu 71(1))

(ara l-punti 73 sa 77)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Proċedura ta’ adozzjoni – Valutazzjoni ta’ impatt prevista minn ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni – Obbligu ta’ aġġornament ta’ din il-valutazzjoni għall-finijiet tal-proċess leġiżlattiv – Assenza

(Artikolu 192(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904)

(ara l-punti 87 sa 92)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjonijiet, tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta' evalwazzjoni tagħhom – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Projbizzjoni applikabbli għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti – Projbizzjoni bbażata fuq evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti tar-riskji ta’ dan it-tip ta’ plastik – Assenza ta’ ksur suffiċjentement serju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904, il-premessa 15 u l-Artikolu 5)

(ara l-punti 116 sa 120, 127 sa 151, 201 sa 209, 217 sa 226, 234 sa 241, 249)

10.    Ambjent – Tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent – Direttiva 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Projbizzjoni applikabbli għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikoli 5(4) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/904, Artikolu 5)

(ara l-punti 254, 255, 258, 259, 262 sa 269, 273, 274, 276, 278, 279)

11.    Ambjent – Tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent – Direttiva 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Projbizzjoni applikabbli għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti – Projbizzjoni li ma tapplikax għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali jew ikkummerċjalizzati bħala kompostabbli – Sitwazzjonijiet mhux komparabbli – Ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904, Artikolu 5)

(ara l-punti 287 sa 294, 300 sa 304, 306 sa 308)

12.    Ambjent – Tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent – Direttiva 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Projbizzjoni applikabbli għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti – Limitazzjoni tal-libertà ta’ intrapriża u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-kumpanniji involuti fil-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali addittiv – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16, 17(2) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/904, Artikolu 5)

(ara l-punti 315 sa 320, 325)

13.    Ambjent – Tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent – Direttiva 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Projbizzjoni applikabbli għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti – Ksur tad-dritt ta’ proprjetà tal-kumpanniji involuti fit-tqegħid fis-suq ta’ tali addittiv – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17)

(ara l-punti 322, 323)

14.    Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Inapplikabbiltà għall-proċess ta’ tfassil ta’ att leġiżlattiv

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

(ara l-punt 332)

Sunt

Adita b’rikors għad-danni mhux kuntrattwali, l-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 (1), hija konformi mal-Artikolu 191 TFUE, li jipprevedi sensiela ta’ għanijiet, ta’ prinċipji u ta’ kriterji li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu josserva fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika tal-ambjent, kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Ir-rikorrenti, Symphony Environmental Technologies plc u Symphony Environmental Ltd, stabbiliti fir-Renju Unit, għandhom bħala attività l-iżvilupp, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-plastik speċjalizzati kif ukoll addittivi u taħlitiet prinċipali (2) użati fil-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti.

Waħda mit-taħlitiet prinċipali prodotti mir-rikorrenti tinkludi addittiv pro-ossidanti li, fil-fehma tagħhom, jippermetti l-bijodegradazzjoni iktar malajr tal-plastik li fih jiġi inkorporat minn dik tal-plastik ossodegradabbli (3). Il-plastik li fih tali addittiv, li huma jikklassifikaw bħala ossodegradabbli, għandu għaldaqstant jiġi distint mill-plastik ossodegradabbli.

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu għalhekk kumpens għad-dannu li huma jqisu li ġarrbu minħabba l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi ta’ plastik ossodegradabbli prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, sa fejn l-imsemmija projbizzjoni tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur allegat u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi.

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ dan il-każ, eventwali ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni għandu jkun ibbażat fuq ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam ambjentali, skont l-Artikoli 191 u 192 TFUE. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplika, minn naħa, li l-leġiżlatur Komunitarju jantiċipa u li jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, u, min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ minn dan il-leġiżlatur bejn id-diversi għanijiet, prinċipji u interessi msemmija fl-Artikolu 191 TFUE

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-Artikolu 191 TFUE, il-Qorti Ġenerali tqis, qabel kollox, li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem it-“tliet istituzzjonijiet ikkonċernati”) ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottaw il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti (4), peress li kellhom evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji li dan it-tip ta’ plastik jippreżenta għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Skont id-Direttiva 2019/904 (5), din il-projbizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li dan il-plastik ma huwiex bijodegradabbli sew, ma huwiex kompostabbli, għandu effett negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li tipprovdi li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew, l-istudji xjentifiċi għad-dispożizzjoni tat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati matul it-tħejjija u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904 jirrilevaw li l-livell ta’ bijodegradazzjoni milħuq minn dan il-plastik huwa baxx, jew saħansitra ineżistenti, kemm jekk isir fil-miftuħ, fil-landfill jew fl-ambjent tal-baħar. Skont l-imsemmija studji, huwa biss fil-kuntest ta’ esperimenti mwettqa fil-laboratorju li nkisbet bijodegradazzjoni sodisfaċenti, iżda qatt f’sitwazzjoni reali. Madankollu, il-kundizzjonijiet ambjentali huma varjabbli u jagħmlu diffiċli l-istima taż-żmien u l-livell ta’ frammentazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ sseħħ il-bijodegradazzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik.

Fit-tieni lok, mid-data xjentifika disponibbli matul il-proċedura leġiżlattiva jirriżulta li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwa bijodegradabbli taħt ebda forma ta’ kompostaġġ (6). Fil-fatt, il-plastik ikkonċernat ma jissodisfax id-diversi standards dwar il-kompostaġġ industrijali jew domestiku u lanqas dawk applikabbli għall-imballaġġ li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-kompostaġġ, peress li l-bijodegradazzjoni tiegħu ddum wisq u peress li l-frammenti tal-plastik iġġenerati mill-proċess jistgħu jippreġudikaw il-kwalità tal-kompost, jew saħansitra jinxterdu fl-ambjent. Barra minn hekk, il-fatt li ċertu rata ta’ bijodegradazzjoni nkisbet fil-laboratorju ma jistabbilixxix li l-istess rata ser tinkiseb, fl-istess terminu, f’sitwazzjoni reali.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastiks konvenzjonali, mill-istudji xjentifiċi li fuqhom it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jgħidu li bbażaw ruħhom meta ġiet adottata d-Direttiva 2019/904 jirriżulta li t-teknoloġiji attwalment disponibbli ma jippermettux lill-impriżi ta’ riċiklaġġ jidentifikaw u jisseparaw il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti mit-tipi oħra ta’ plastik, b’tali mod li neċessarjament dan jiġi rriċiklat flimkien mal-plastik konvenzjonali. Madankollu, il-preżenza ta’ addittivi pro-ossidanti fil-materjal irriċiklat taċċelera d-degradazzjoni tiegħu u għalhekk ikollha impatt negattiv fuq il-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-plastik riċiklat, fuq il-kwalità tiegħu u fuq il-prezz tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm l-użu ta’ komposti stabilizzanti jippermetti, f’ċerti każijiet, li tiġi evitata tali deterjorazzjoni tal-kwalità tal-plastik riċiklat, ikun madankollu diffiċli li tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ stabilizzaturi meħtieġa, peress li din tiddependi mill-konċentrazzjoni u mit-tip ta’ addittiv pro-ossidanti użat.

Fir-raba’ lok, l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904 ma turi l-ebda vantaġġ ipprovat tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fuq il-livell ambjentali.

Sussegwentement, wara li fakkret is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiddetermina n-natura u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati f’kuntest tekniku kumpless u ta’ natura evoluttiva, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn naħa, din il-projbizzjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem segwit mid-Direttiva 2019/904, minħabba r-riskji maħluqa mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni inkwistjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, peress li ebda waħda mill-alternattivi proposti mir-rikorrenti ma hija xierqa sabiex jiġi żgurat it-twettiq tiegħu. Din il-projbizzjoni lanqas ma tista’ titqies li hija sproporzjonata minħabba l-fatt li ma tinkludix perijodu tranżitorju, fid-dawl b’mod partikolari tal-użi mhux kumplessi tal-plastik ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, li hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki sinjifikattivi, għal ċerti operaturi.

Fl-aħħar nett, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bil-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, bi ftit eċċezzjonijiet, u lanqas dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ikkummerċjalizzat bħala “kompostabbli”.

Fl-ewwel lok, il-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, li d-Direttiva 2019/904 ma tipprojbixxix it-tqegħid tagħhom fis-suq tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss. Minn naħa, abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji disponibbli qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, ma jistax jiġi eskluż li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa, tal-inqas f’ċerti aspetti relatati, b’mod partikolari, mar-riċiklaġġ tiegħu u mal-bijodegradazzjoni tiegħu f’landfill, iktar problematiku mill-plastik konvenzjonali. F’dan ir-rigward, il-frammentazzjoni iktar mgħaġġla tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti meta mqabbel mal-plastik konvenzjonali jista’ jkollha impatt negattiv ikbar fuq l-ambjent peress li hija kkonċentrata fuq perijodu iqsar. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2019/904, li huwa, b’mod partikolari, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, billi jiġu kkonċentrati l-isforzi fejn huma l-iktar neċessarji. Fid-dawl ta’ dan l-għan, dawn iż-żewġ tipi ta’ plastik ma jistgħux jitqiesu li huma f’sitwazzjoni paragunabbli. Fir-rigward tal-prodotti li jintużaw darba biss immanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali li d-Direttiva 2019/904 tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tagħhom (7), dawn ma jistgħux, fid-dawl tal-għan tad-direttiva, jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti.

Fit-tieni lok, il-prodotti mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u dawk immanifatturati abbażi tal-plastik ikkummerċjalizzati bħala “kompostabbli” lanqas ma huma f’sitwazzjoni paragunabbli. Minn naħa, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati setgħu jqisu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jeżisti riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jkunx kompostabbli u, min-naħa l-oħra, l-prodotti tal-plastik ikkummerċjalizzat bħala “kompostabbli” la jaqgħu taħt is-suġġett u lanqas taħt l-għan tad-Direttiva 2019/904.

Fid-dawl b’mod partikolari ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fl-intier tiegħu.


1      Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU 2019, L 155, p. 1).


2      Taħlita prinċipali hija komposta minn diversi sustanzi kimiċi inkorporati f’support polimeru, li huwa pprovdut, fil-forma ta’ granuli, lill-produtturi ta’ prodotti tal-plastik, li jinkorporawh fil-polimeri li huma jużaw biex jipproduċu l-prodotti tagħhom.


3      Skont il-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/904, il-kunċett ta’ “plastik ossodegradabbli” jfisser materjali tal-plastik li fihom addittivi li, taħt l-effett tal-ossidazzjoni, iwasslu għall-frammentazzjoni tal-materjal tal-plastik f’mikro-frammenti jew għal dekompożizzjoni kimika.


4      Peress li l-partijiet jadottaw espressjonijiet differenti biex jindikaw il-plastik li miegħu ġie miżjud addittiv pro-ossidanti, il-Qorti Ġenerali għażlet li tuża l-espressjoni l-iktar newtrali possibbli, jiġifieri dik ta’ “plastik li fih addittiv pro-ossidanti”.


5      Premessa 15 tad-Direttiva 2019/904.


6      Il-kompostaġġ huwa bijodegradazzjoni mtejba, mwettqa taħt kundizzjonijiet ikkontrollati u essenzjalment ikkaratterizzati minn ventilazzjoni forzata u produzzjoni naturali ta’ sħana li tirriżulta mill-attività bijoloġika fil-materjal.


7      Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/904.