Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2012 - AGC Glass Europé et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-465/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AGC Glass Europe (Brussell, il-Belġju); AGC Automotive Europe (Fleurus, il-Belġju); AGC Franza (Boussois, Franza); AGC Flat Glass Italia Srl (Cuneo, l-Italja); AGC Glass UK Ltd (Northhampton, ir-Renju Unit); u AGC Glass Germany GmbH (Wegberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Garzaniti, J. Blockx u P. Niggemann, avukati, u S. Ryan, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-6 ta' Awwissu 2012 dwar iċ-ċaħda, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ta' talba għal trattament kunfidenzjali sottomessa mir-rikorrenti fir-rigward ta' Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-karozza;

tordna l-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-proċeduri; u

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta kiser l-Artikolu 8 tat-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta 2 u d-dmir li jagħti raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi interpreta b'mod żbaljat l-portata tal-kompetenza tiegħu u kkunsidra li ma setax jistħarreġ is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, u d-dritt għall-amministrazzjoni tajba li kien ikun implikat bil-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kkontestata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-karozza.

It-tieni motiv, li jsostni li meta ppermetta lill-Kummissjoni biex tippubblika l-informazzjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-seduta kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, huwa bbażat fuq L-Avviżi ta' klemenza tal-Kummissjoni 4 u l-prattiki tal-passat rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni mogħtija f'applikazzjoni għal klemenza, li l-informazzjoni li taw fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni ma kinitx tiġi żvelata lill-pubbliku sa fejn hu possibbli.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta kiser il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament meta ppermetta l-Kummissjoni li tieħu l-istess approċċ fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' ċerta kategorija ta' informazzjoni fir-rigward ta' dawk kollha indirizzati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-karozza, minkejja l-fatt li r-rikorrenti huma f'pożizzjoni differenti minn dawk l-indirizzati l-oħra tad-deċiżjoni vis-à-vis l-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni minħabba l-istatus tagħhom bħala l-uniku applikant għal klemenza fil-każ tal-Ħġieġ tal-karozza.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta jikser id-dritt tar-rikorrenti għall-amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta ppermetta l-Kummissjoni li tadotta politika arbitrarja fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta' ċerta kategorija ta' informazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha dwar proċedimenti ta' kartell.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta jikser l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001  u l-avviż dwar aċċess għall-fajl , fuq il-bażi li dawn id-dispożizzjonijiet iwaqqfu l-Kummissjoni milli tagħti aċċess lill-membri tal-pubbliku għad-dokumenti sottomessi lill-Kummissjoni minn applikanti għal klemenza. Meta ppermetta l-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni li kienet inkluża f'dawn id-dokumenti fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tagħha fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-karozza, l-uffiċjal tas-seduta jippermetti li l-Kummissjoni tevita dawn id-dispożizzjonijiet.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċjal tas-seduta jikser l-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  billi jikkunsidra li l-informazzjoni kkontestata ma hijiex informazzjoni kunfidenzjali u tista' tiġi żvelata mill-Kummissjoni. L-uffiċjal tas-seduta jikkommetti żbalji manifesti ta' evalwazzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterji għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, u jonqos milli japplika l-ibbilanċjar tal-interessi meħtieġa mill-ġurisprudenza fl-evalwazzjoni tiegħu.

____________

1 - Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29)

2 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155); Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU C 298, p. 17)

3 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

4 - Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f'każijiet skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 325, p. 7).

5 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).