Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ottubru 2012 - RFA International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-466/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: RFA International, LP (Calgary, il-Kanada) (rappreżentant: B. Evtimov, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2012) 5577 finali, C (2012) 5585 finali, C (2012) 5588 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali, tal-10 ta' Awwissu 2012, sa fejn jirrifjutaw li jħallsu lura l-ammonti ta' dazji antidumping mitluba, bl-eċċezzjoni ta' dawk l-ammonti li r-rikorsi li saru għalihom ġew miċħuda peress li ġew ippreżentati qabel l-iskadenza tat-terminu pprovdut mil-liġi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni fil-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqis sħiħ għal SG&A u profitt mill-prezz ta' esportazzjoni tal-Grupp CHEMK kien ġustifikat, u fil-konstatazzjoni relatata tal-Kummissjoni li entità ekonomika waħda hija irrilevanti għall-kalkolu tal-prezz ta' esportazzjoni (inklużi l-aġġustamenti għall-prezz ta' esportazzjoni) skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku . Inkwantu l-Kummissjoni setgħet straħet fuq iċ-ċaħda tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta' entità ekonomika waħda, ir-rikorrenti ssostni li tali ċaħda hija wkoll vizzjata bi żball ta' liġi u/jew żball manifest ta' evalwazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq

żball manifest ta' evalwazzjoni fil-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li kien hemm bdil ta' ċirkustanza fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li ġġustifika l-applikazzjoni ta' metodoloġija differenti għall-kalkolu tal-marġni finali ta' dumping. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur konsegwenti tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-metodoloġija l-ġdida, li hija differenti mill-metodoloġija rispettiva użata fl-investigazzjoni oriġinali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51)