Language of document : ECLI:EU:T:2015:151

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2015 (*)

“Dumping – Importazzjoni tal-ferrosiliċju li joriġina mir-Russja – Ċaħda tat-talbiet ta’ rimbors tad-dazji antidumping imħallsa – Determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni – Entità ekonomika waħda – Determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping – Applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 2(9) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Fil-Kawża T‑466/12,

RFA International, LP, stabbilita f’Calgary (il-Kanada), irrappreżentata minn B. Evtimov, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2012) 5577 finali, C (2012) 5585 finali, C (2012) 5588 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali, tal‑10 ta’ Awwissu 2012, fir-rigward tat-talbiet ta’ rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosiliċju li joriġina mir-Russja, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jirrifjutaw ir-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li t-talba tagħhom ġiet iddikjarata inammissibbli minħabba l-iskadenza tat-terminu legali,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tad‑WTO

1        L-Artikolu VI.1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) jipprovdi li, “[i]l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li d-dumping, li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ pajjiż fis-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz orħos mill-valur normali tagħhom, huwa kundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu materjali sinjifikattiv għal fergħa mill-produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk jittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa mill-produzzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2        Il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim antidumping”) jinsab fl-Anness IA tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

3        L-Artikoli 18.3 u 18.3.1 tal-Ftehim antidumping huma redatti kif ġej:

“18.3.      Soġġetti għas-subparagrafi 3.1 u 3.2, id-dispożizzjonijiet [tal-Ftehim antidumping] għandhom japplikaw għall-investigazzjonijiet, u r-reviżjonijiet tal-miżuri eżistenti, mibdija skond l-applikazzjonijiet li saru fil jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ għal Membru soġġett għall-Ftehim tal-WTO.

18.3.1 Dwar il-kalkolu tal-marġini tad-damping fil-proċeduri tar-rimbors taħt paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 9, ir-regoli wżati fid-determinazzjonijiet iktar riċenti jew fir-reviżjonijiet tad-damping għandhom japplikaw.”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Ir-Regolament antidumping bażiku huwa kkostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Novembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendata.

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jesponi r-regoli li jirregolaw id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping. L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi l-valur normali kif ġej:

“1.      Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista’ titqies it-tifsira ta’ partijiet relatati li tinsab fl-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju.”

6        L-Artikoli 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku jikkonċernaw il-prezz ta’ esportazzjoni. Huma redatti kif ġej:

“8.      Il-prezz ta’ l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l‑esportazzjoni lill-[Unjoni Ewropea].

9.      F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli.

F’dawn il-każijiet, l-aġġustament għall-ispejjeż kollha, inklużi d-dazji u t-taxxi, sofferti bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jseħħu, għandhom isiru sabiex jiġi stabbilit prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ min joqgħod fuqu, fil-livell tal-fruntiera [tal-Unjoni Ewropea].

L-oġġetti li għalihom għandu jsir aġġustament għandhom jinkludu dawk normalment merfugħa minn importatur imma mħallsa minn kwalunkwe parti, jew ġewwa jew barra l-[Unjoni Ewropea], li tidher li tkun assoċjata jew li għandha arranġament ta’ kumpens ma’ l-importatur jew ma’ l-esportatur, inkluż it-trasport tas-soltu, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, id-dazji tad-dwana, kwalunkwe dazji kontra dumping, u taxxi oħra li għandhom jitħallsu fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni minħabba l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-merkanzija, u l-marġini raġjonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali jew amministrattvi u l-profitt.”

7        L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi dan li ġej bħala paragun bejn il-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali:

“10.      Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[…]”

8        L-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku jirregola l-proċedura ta’ rimbors ta’ dazji mħallsa. Din id-dispożizzjoni hija redatta kif ġej:

“8.      Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat.

Fit-talba ta’ rifużjoni [rimbors] tad-dazji kontra d-dumping, l-importatur għandu jissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa permezz ta’ Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti tħallew għal ċirkulazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien ġie stabbilit l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jiġu ntaxxati kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jiġu miġbura l-ammonti ggarantiti permezz ta’ dazju proviżorju. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba lill-Kummissjoni mal-ewwel.

Applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi kkunsidrata biss meta din tkun appoġġjata kif suppost permezz ta’ evidenza fejn din ikollha informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta’ rifużjoni fuq id-dazji kontra d-dumping mitlub u d-dokumentazzjoni kollha tad-dwana li għandha x’taqsam mal-kalkulazzjoni u l-pagament ta’ ammont bħal dan. Għandha wkoll tinkludi evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-valuri normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lill-[Unjoni Ewropea] għall-esportatur jew il-produttur li għalih japplika d-dazju. F’każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat ma’ l-esportatur jew mal-produttur konċernat u informazzjoni bħal din mhix immedjatament disponibbli, jew fejn l-esportatur jew il-produttur ma jixtieqx jagħti din l-informazzjoni lill-importatur, l-applikazzjoni għandu jkun fiha dikjarazzjoni mill-esporatur jew il-produttur li l-marġini tad-dumping ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f’dan l-Artikolu, u li sejra tingħata l-evidenza ta’ sostenn rilevanti lill-Kummissjoni. Fejn l-evidenza min-naħa ta’ l-esportatur jew tal-produttur ma tkunx disponibbli fi żmien perjodu raġonevoli ta’ żmien, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.

Il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, tiddeċiedi jekk u sa liema punt l-applikazzjoni għandha tiġi mogħtija, jew tista’ tiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li tibda reviżjoni interim, fejn l-informazzjoni u s-sejbiet minn reviżjoni bħal din imwettqa skond id-disposizzjonijiet applikabbli għal reviżjonijiet bħal dawn, għandhom jintużaw biex jiġi stabbilit jekk u sa liema estent rifużjoni hija ġġustifikata. Rifużjonijiet tad-dazji għandhom normalment iseħħu fi żmien 12‑il xahar, u taħt ebda ċirkustanzi iktar tard minn 18‑il xahar wara d-data li fiha tkun saret talba għal rifużjoni, sostnuta kif suppost permezz ta’ evidenza, minn importatur tal-prodott soġġett għad-dazju kontra d-dumping. Il-ħlas ta’ kwlunkwe rifużjoni awtorizzata għandu normalment isir mill-Istati Membri fi żmien 90 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.”

9        Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, huwa previst kif ġej:

“Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

10      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddefinixxiet il-Linji Gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, fl-Avviż tagħha dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping (ĠU 2002, C 127, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż interpretattiv”). Il-punt 3.2.3 tal-Avviż interpretattiv, intitolat “Analiżi tal-fondatezza tat-talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi b’mod partikolari:

“a)      Metodu ġenerali

[…]

L-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tapplika ‘l-istess metodu bħal dak fl-investigazzjoni li tat lok għall-impożizzjoni tad-dazju, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 (determinazzjoni tad-dumping), b’mod partikolari tal-paragrafi 11 u 12 tiegħu (użu tal-mezzi pponderati fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping), u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 (teħid ta’ kampjuni)’.

[…]

b)      […]

ċ)      Użu tar-riżultati ta’ eżami mill-ġdid

Meta teżamina talba għal rimbors, il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe mument tiddeċiedi li tiftaħ eżami mill-ġdid intermedju konformement mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Il-proċedura relatata mat-talba għal rimbors hija għandha tiġi għalhekk sospiża sa ma tiġi konkluża l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

Il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid jistgħu jintużaw sabiex tiġi ġġudikata l-fondatezza ta’ talba għal rimbors sa fejn id-data ta’ fatturazzjoni tat-tranżazzjonijiet li għalihom jintalab ir-rimbors tkun inkluża fil-perijodu ta’ investigazzjoni jew ta’ eżami mill-ġdid.

d)      […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti, RFA International, LP, hija soċjetà in akkomandita kkostitwita fil-Kanada, li normalment twettaq l-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum tagħha permezz tas-sussidjarja tagħha li tinsab fl-Isvizzera. Sa minn data, mhux speċifikata, wara l‑25 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti, permezz tas-sussidjarja Svizzera tagħha, tixtri, tbigħ mill-ġdid, timporta u taħżen, fl-Unjoni Ewropea, ferrosiliċju li joriġina mir-Russja prodott minn żewġ kumpanniji sister, stabbiliti fir-Russja, li huma Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (iktar ’il quddiem “CHEMK”) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (iktar ’il quddiem “KF”). Il-ferrosiliċju huwa liga li tintuża fil-manifattura tal-azzar u tal-ħadid.

12      Fil‑25 ta’ Frar 2008, wara lment imressaq mill-Kumitat ta’ kollegament tal-industriji ta’ ligi tal-ħadid (Euroalliages), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottat r-Regolament (KE) Nru 172/2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (ĠU L 55, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inizjali”). Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament inizjali, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezzijiet netti, ħielsa fil-fruntiera tal-Komunità, qabel l-isdoganament, kienet ta’ 22.7 % għall-prodotti mmanifatturati minn CHEMK u KF.

13      Fit‑30 ta’ Novembru 2009, CHEMK u KF ippreżentaw talba għal eżami mill-ġdid intermedjarju parzjali, li kien jirrigwarda biss id-dumping, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni wara li saret din it-talba kienet tkopri l-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2009 sat‑30 ta’ Settembru 2010 inkluż (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid”).

14      Bejn it‑30 ta’ Diċembru 2009 u l‑10 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, adixxiet il-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet doganali Belġjani, Ġermaniżi, Taljani, Olandiżi, Finlandiżi, Svediżi u tar-Renju Unit, b’numru ta’ talbiet ta’ rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa. Dawn it-talbiet kienu jikkonċernaw dazji antidumping li r-rikorrenti kienel ħallset matul il-perijodu inkluż bejn is‑7 ta’ Jannar 2009 u l‑10 ta’ Diċembru 2010. L-investigazzjoni ta’ rimbors kienet tirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2008 sat‑30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors”). Fid-dawl tal-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping ġodda, il-Kummissjoni qasmet dan il-perijodi fi tnejn, fejn l-ewwel perijodu kien jiddekorri mill‑1 ta’ Ottubru 2008 sat‑30 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu ta’ investigazzjoni”) u, it-tieni perijodu kien jiddekorri mill‑1 ta’ Ottubru 2009 sat‑30 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem it‑“tieni perijodu ta’ investigazzjoni”). It-tieni perijodu ta’ investigazzjoni jikkorrispondi għall-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

15      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Jannar 2011, CHEMK, KF u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“grupp CHEMK”) bagħtu lill-Kummissjoni, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni magħmula minnha fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju, spjegazzjonijiet dwar l-istruttura tal-grupp CHEMK.

16      Fid‑9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet tagħha dwar l-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni. Il‑Kummissjoni kkonstatat, għal dan il-perijodu, marġni ta’ dumping negattiv li jagħti lok għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa mir-rikorrenti.

17      Fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 60/2012, li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw, inter alia, fir-Russja (ĠU L 22, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), temm il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju mingħajr ma biddel il-livell tal-miżura antidumping fis-seħħ. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni, il-Kunsill, b’mod partikolari, eżamina u ċaħad argumenti ppreżentati, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, minn CHEMK u KF, sabiex juri li, flimkien mar-rikorrenti, huma kienu jifformaw entità ekonomika waħda (premezzi 23, 24, 36 u 37 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni).

18      Permezz ta’ ittri tal‑5 u tas‑6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet tagħha dwar it-tieni perijodu ta’ investigazzjoni. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkolat, għal dan il-perijodu, marġni ta’ dumping li jammonta għal 24.1 %, fejn fil-fehma tagħha, it-talba għal rimbors għall-imsemmi perijodu kellha tiġi miċħuda.

19      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tieni perijodu ta’ investigazzjoni u ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

20      Fl‑10 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5585 finali, C (2012) 5588 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali fir-rigward tat-talbiet ta’ rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ferrosiliċju li joriġina mir-Russja (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li permezz tagħhom, hija, minn naħa, laqgħet it-talbiet ta’ rimbors li kienu jirrigwardaw l-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni, sa fejn dawn it-talbiet kienu ammissibbli, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talbiet ta’ rimbors li kienu jirrigwardaw it-tieni perijodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti rċeviet in-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet fl‑14 ta’ Awwissu 2012.

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

21      Fl-ewwel lok, minn naħa, il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rimbors. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat il-qsim, diġà magħmul matul l-investigazzjoni ta’ rimbors, ta’ dan il-perijodu f’żewġ perijodi (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Sa fejn it-tieni perijodu kien jikkorrispondi għall-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni indikat li hija setgħet tuża l-konklużjonijiet tal-imsemmija investigazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tat-talba għal rimbors, hekk kif jirriżulta mill-Avviż interpretattiv (premessi 4 u 7 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eżaminat l-ammissibbiltà tat-talbiet għal rimbors. F’dan ir-rigward, hija, b’mod partikolari, ikkonstatat li dawn it-talbiet kienu parzjalment inammissibbli ġaladarba kienu tressqu, għal ċerti tranżazzjonijiet imwettqa matul l-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni, barra mit-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku (premessi 10 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat il-fondatezza tat-talbiet għal rimbors.

23      Qabel kollox, fir-rigward tal-prezz ta’ esportazzjoni, il-Kummissjoni, li kkunsidrat li r-rikorrenti, li permezz tagħha CHEMK u KF kienu jwettqu l-bejgħ tagħhom bl-esportazzjoni, kienet teżerċita l-funzjonijiet kollha ta’ importazzjoni fl-Unjoni, l-ewwel nett, applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għalhekk hija ħolqot il-prezz ta’ esportazzjoni abbażi tal-prezz li bih il-prodotti importati kienu jinbigħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti, aġġustat minħabba l-ispejjeż kollha li kienu jirriżultaw bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid kif ukoll minħabba marġni ta’ qligħ, stabbilit għal 6 %, u minħabba marġni raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, nefqa amministrattiva u spejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“ispejjeż SGA”) [premessi 21 u 22 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessi 22 u 23 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat l-argument ippreżentat mir-rikorrenti kif ukoll minn CHEMK u KF dwar il-fatt li huma jmisshom ġew ikkunsidrati bħala entità ekonomika waħda, b’tali mod li ma kellu jsir ebda aġġustament minħabba l-ispejjeż SGA u minħabba l-marġni benefiċjarja waqt id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni. Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Kummissjoni, minn naħa, reġgħet tenniet il-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti kellha tiġi kkwalifikata bħala importatur assoċjat, fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet nieqsa minn rilevanza fid-dawl tal-aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li japplika espliċitament għas-sitwazzjonijiet li fihom l-esportatur u l-importatur huma assoċjati [premessi 23 u 24 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessi 24 u 25 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

24      Sussegwentement, fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkonstatat li, għall-ewwel perijodu ta’ investigazzjoni, il-marġni ta’ dumping kien negattiv filwaqt li, għat-tieni perijodu, dan il-marġni, hekk kif korrett wara osservazzjonijiet mir-rikorrenti, kien jammonta għal 23.1 %.[premessa 29 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 30 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. It-tieni nett, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ rimbors u d-differenza tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament inizjali, inizjalment hija kkalkolat marġni ta’ dumping għal CHEMK u marġni għal KF qabel ma stabbilixxiet marġni ta’ dumping medju għall-grupp CHEMK. Hija ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu l-ġdid bi bdil fiċ-ċirkustanzi, fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li kienet tirrigwarda l-bdil fiċ-ċrieki ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-ferrosiliċju mill-grupp CHEMK, fejn, skont il-Kummissjoni, l-imsemmi metodu kien konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament [premessi 31 sa 33 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessi 32 sa 34 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

25      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti bi tweġiba għat-trażmissjoni, min-naħa tagħha, tal-konklużjonijiet tagħha dwar l-investigazzjoni ta’ rimbors. F’dan ir-rigward, hija eżaminat u ċaħdet b’mod partikolari l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti bil-għan li tikkontesta l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu [premessi 40 sa 47 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessi 41 sa 48 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda [premessa 48 deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 49 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Peress li kien hemm bdil fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata lil din l-Awla.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet domanda bil-miktub lir-rikorrenti. Hija rrispondiet fit-terminu mogħti.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2014.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jirrifjutaw ir-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li fir-rigward tagħhom it-talba ġiet iddikjarata inammissibbli minħabba l-iskadenza tat-terminu legali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi jew fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet meta ġiet biex tiddetermina l-prezz ta’ esportazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti bdil fiċ-ċirkustanzi u applikat metodu ġdid biex tistabbilixxi l-marġni ta’ dumping.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi jew fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa waqt id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni

33      Permezz tal-ewwel motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti tilmenta, essenzjalment, li, meta ġiet biex tiddetermina l-prezz ta’ esportazzjoni, il-Kummissjoni b’mod żbaljat wettqet aġġustamenti fir-rigward tal-ispejjeż SGA tagħha u tal-qligħ tagħha marbuta mal-funzjonijiet ta’ esportazzjoni tagħha bħala taqsima ta’ bejgħ integrat u taqsima ta’ distribuzzjoni tal-entità ekonomika waħda li tifforma flimkien ma’ CHEMK u KF. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet fejn l-ewwel waħda tirrigwarda l-konklużjoni, li tirriżulta fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li r-rikorrenti ma tifformax entità ekonomika waħda ma’ CHEMK u KF u t-tieni waħda tirrigwarda l-kunsiderazzjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda hija nieqsa minn rilevanza fit-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni.

34      Jeħtieġ li qabel kollox tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan il-motiv qabel ma tiġi sussegwentement evalwata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tieni parti

35      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda hija ineffettiva fuq it-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni konformement mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta mis-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, Ġabra, EU:C:2012:78, punti 55 u 56), u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, Ġabra, EU:T:2009:62, punt 177) jirriżulta li l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, applikat ukoll fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali, huwa rilevanti “għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni”. Filwaqt li din il-ġurisprudenza kienet tikkonċerna aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti tqis li mkien fil-kliem tal-Artikolu 2(9) u ebda raġuni legali jew ekonomika imperattiva ma jipprekludu t-traspożizzjoni tagħha fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament. Din it-traspożizzjoni jkollha bħala effett li l-ispejjeż SGA u l-qligħ relatat mal-funzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ kumpannija li topera bħala servizz ta’ esportazzjoni integrat ma jistgħux jiġu ssuġġettati għal aġġustamenti taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, f’dan il-każ, li kieku l-Kummissjoni ma kinitx wettqet l-iżbalji allegati, l-ispejjeż SGA u l-qligħ tar-rikorrenti kienu jiġu ssuġġettati għal aġġustamenti biss fil-limitu tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ marbut mal-attivitajiet tagħha ta’ importazzjoni u ta’ postimportazzjoni.

36      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

37      Preliminarjament, minn naħa, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“istituzzjonijiet”) għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra, EU:C:2007:547, punt 40). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar dawn l-evalwazzjonijiet għandu jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill, 240/84, Ġabra, EU:C:1987:202, punt 19; tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑156/87, Ġabra, EU:C:1990:116, punt 63, u tas‑7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il‑Kunsill, T‑84/07, Ġabra, EU:T:2013:64, punt 32).

38      Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-prezz ta’ esportazzjoni huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta ma jkunx hemm prezz ta’ esportazzjoni jew meta jidher li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni jew ta’ arranġament ta’ tpaċija bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ esportazzjoni jista’ jitfassal fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbigħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti jew, jekk il-prodotti ma jinbigħux mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew ma jinbigħux mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew importati, fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli oħra.

39      Għalhekk, fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt, konformement mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li jfasslu l-prezz ta’ esportazzjoni. Il-ġurisprudenza taċċetta l-eżistenza ta’ tali assoċjazzjoni meta l-esportatur u l-importatur jappartjenu għall-istess grupp (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il‑Kunsill, 277/85 u 300/85, Ġabra, EU:C:1988:467, punt 31; tal‑14 ta’ Settembru 1995, Descom Scales vs Il‑Kunsill, T‑171/94, Ġabra, EU:T:1995:164, punt 33, u tal‑20 ta’ Ottubru 1999, Swedish Match Philippines vs Il‑Kunsill, T‑171/97, Ġabra, EU:T:1999:263, punt 73).

40      It-tieni nett, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta l-prezz ta’ esportazzjoni jitfassal abbażi tal-prezz għall-ewwel xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġjonevoli oħra, isiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha li rriżultaw bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, sabiex jiġi stabbilit prezz ta’ esportazzjoni affidabbli mal-fruntiera tal-Unjoni. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li n-nefqa li għaliha jkun sar aġġustament tinkludi, b’mod partikolari, marġni raġjonevoli għall-ispejjeż SGA u l-qligħ (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, T‑190/08, Ġabra, EU:T:2011:618, punt 27).

41      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jingħad ukoll li l-aġġustamenti previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(9) isiru ex officio mill-istituzzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill, 255/84, Ġabra, EU:C:1987:203, punt 33; tas‑7 ta’ Mejju 1987, Minebea vs Il‑Kunsill, 260/84, Ġabra, EU:C:1987:206, punt 43, u Descom Scales vs Il‑Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:1995:164, punt 66). Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma teskludix li jsiru aġġustamenti għal spejjeż li jkunu seħħew qabel l-importazzjoni, sa fejn dawn l-ispejjeż normalment jiġu sostnuti mill-importatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:1990:116, punti 31 sa 33).

42      Sussegwentement, għalkemm l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li għandu jsir aġġustament fir-rigward ta’ marġni raġonevoli għall-ispejjeż SGA u l-qligħ, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix metodu ta’ kalkolu jew ta’ determinazzjoni tal-imsemmi marġni. Hija tillimita ruħha sabiex tirreferi għan-natura raġonevoli tal-imsemmi marġni li huwa suġġett għall-aġġustament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 28).

43      Fl-aħħar nett, id-determinazzjoni ta’ marġni raġonevoli għall-ispejjeż SGA u l-qligħ ma hijiex eċċezzjoni fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, li tgħid li fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita biss stħarriġ ġudizzjarju limitat. Fil-fatt, din id-determinazzjoni tikkomporta neċessarjament evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 38; ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Marzu 2000, Miwon vs Il‑Kunsill, T‑51/96, Ġabra, EU:T:2000:92, punt 42, u tal‑21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, Ġabra, EU:T:2002:280, punt 50).

44      It-tielet nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tal-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat li, fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur, hija l-parti kkonċernata li għandha l-intenzjoni tikkontesta l-portata tal-aġġustamenti magħmula abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-marġni ddeterminati fir-rigward tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ ikunu eċċessivi, li għandha tipproduċi provi u l-kalkoli korretti li jiġġustifikaw l-allegazzjonijiet tagħha u, b’mod partikolari, ir-rata alternattiva li hija tipproponi jekk ikun il-każ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Canon et vs Il‑Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:1988:467, punt 32).

45      F’dan il-każ, qabel kollox, huwa paċifiku li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ssostni, quddiem il-Kummissjoni, li hija kienet tifforma, flimkien ma’ CHEMK u KF, entità ekonomika waħda u li hija kienet teżerċita, minbarra funzjonijiet marbuta mal-importazzjoni, funzjonijiet ta’ esportazzjoni bħala taqsima ta’ distribuzzjoni integrata tal-imsemmija entità.

46      Sussegwentement, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li r-rikorrenti kienet twettaq il-funzjonijiet kollha normalment imwettqa minn importatur konness, b’tali mod li hija kellha titqies li kienet assoċjata ma’ CHEMK u KF u li l-prezz ta’ esportazzjoni kellu jitfassal skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet nieqsa minn rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aġġustamenti kellhomx isiru skont l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku japplika espliċitament fil-każ ta’ assoċjazzjoni tal-esportatur u tal-importatur [premessa 24 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 25 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet li l-fatt jekk l-assoċjazzjoni tiħux jew le l-forma ta’ entità ekonomika waħda huwa mingħajr rilevanza fil-kuntest ta’ aġġustament imwettaq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Is-sentenzi Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, punt 35 iktar ’il fuq (EU:C:2012:78), u Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, punt 35 iktar ’il fuq (EU:T:2009:62), iċċitati mir-rikorrenti, huma mingħajr rilevanza, ġaladarba l-kawża li tat lok għal dawn is-sentenzi tikkonċerna aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku [premessat 48 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 49 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

47      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-proċess, ħadet inkunsiderazzjoni, għat-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, ta’ marġni raġonevoli għal spejjeż SGA li jammonta għal 2.29 % tad-dħul mill-bejgħ nett tar-rikorrenti u ta’ marġni raġonevoli għal qligħ li jammonta għal 6 % tal-imsemmi dħul mill-bejgħ nett.

48      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-riferimenti u preċiżazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel motiv. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt inkwantu hija kkonkludiet b’mod żbaljat li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet ineffettiva fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni, bil-għan li tikkontesta, essenzjalment, parti mill-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tal-ispejjeż SGA tagħha u tal-qligħ tagħha.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti taqbel li, f’dan il-każ, kien hemm lok li l-Kummissjoni tipproċedi sabiex tfassal il-prezz ta’ esportazzjoni konformement mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fejn b’hekk, hija ma tikkontestax l-applikabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, kif ikkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti tammetti li l-ispejjeż SGA u l-qligħ tagħha marbuta mal-funzjonijiet tagħha ta’ importatur, li, fil-fehma tagħha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kellhom jiġu ssuġġettati għal aġġustamenti.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija kkunsidrat b’mod żbaljat li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet ineffettiva fil-kuntest tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

51      Issa, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għall-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva u bbażati fuq il-fatt li hija kienet tifforma, flimkien ma’ CHEMK u KF, entità ekonomika waħda, il-Kummissjoni fakkret, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-funzjonijiet li normalment jirrigwardaw importatur konness, b’tali mod li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfatti. Hija ppreċiżat ukoll li l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet ineffettiva fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok li jsiru aġġustamenti taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti u l-imsemmija dispożizzjoni kienet tapplika espliċitament fil-preżenza ta’ assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li l-assoċjazzjoni bejn ir-rikorrenti kif ukoll CHEMK u KF tiħux jew le l-forma ta’ entità ekonomika waħda kien mingħajr rilevanza fil-kuntest ta’ aġġustament magħmul taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

52      Għalhekk jidher li ċ-ċaħda, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-allegazzjoni, mir-rikorrenti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda hija essenzjalment ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ tali entità hija, skont il-Kummissjoni, mingħajr rilevanza fir-rigward tal-applikabbiltà nnifisha tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fil-preżenza ta’ assoċjazzjoni, bħal f’dan il-każ, bejn il-produttur u l-importatur, fid-dawl tal-fatt li, ġaladarba l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġew issodisfatti, il-Kummissjoni tqis li hija għandha tipproċedi għall-aġġustamenti li huma previsti għaliha.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li teskludi l-fatt li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda tista’, jekk ikun il-każ, ikollha effett fuq il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, b’mod partikolari, fuq il-possibbiltà li ċerti spejjeż SGA u qligħ (pereżempju, dawk marbuta mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni) jistgħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-aġġustamenti magħmula taħt din id-dispożizzjoni.

54      Din l-interpretazzjoni tal-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija wisq iktar neċessarja inkwantu, hekk kif jirriżulta mill-imsemmija deċiżjonijiet, ir-rikorrenti sostniet, waqt il-proċedura amministrattiva, li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda tipprekludi kull aġġustament, taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tal-ispejjeż SGA tagħha u tal-qligħ tagħha. Fil-fatt, huwa bi tweġiba għal din l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wieġbet, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-eżistenza ta’ tali entità ma kinitx, fil-fehma tagħha, tali li tipprekludi l-imsemmija aġġustamenti. Barra minn hekk, għalkemm, fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti tat x’tifhem li hija kienet qed tikkontesta biss parti mill-aġġustamenti magħmula fir-rigward tal-imsemmija spejjeż, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija osservazzjonijiet ma humiex univoċi fir-rigward tal-portata reali tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti u li, fi kwalunkwe każ, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma tagħmel ebda kritika partikolari dwar il-preżentazzjoni tal-argumenti tagħha, hekk kif jirriżultaw fid-deċiżjonijiet ikkontestati u hekk kif fakkret ir-rikorrenti nnifisha, fir-rikors, waqt l-espożizzjoni tal-kuntest fattwali ta’ din il-kawża.

55      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti u sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma tikkontesta, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku anki fil-preżenza ta’ entità ekonomika waħda u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sempliċement ikkunsidrat li l-eżistenza ta’ tali entità kienet ineffettiva fuq l-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-aġġustamenti li kienu previsti, għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex tali li jistabbilixxi li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

56      Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda mingħajr lanqas ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, liema huma l-effetti tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda fuq id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni u l-effett, f’dan ir-rigward, tas-sentenzi Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, punt 35 iktar ’il fuq (EU:C:2012:78), u Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, punt 35 iktar ’il fuq (EU:T:2009:62), iċċitati mir-rikorrenti.

57      Fit-tieni lok, bħal ma ppreċiżat waqt is-seduta, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-aġġustamenti magħmula, waqt it-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tal-ispejjeż SGA tagħha u tal-qligħ tagħha, huma eċċessivi. Hija tosserva li, fir-rigward ta’ kumpannija li, bħala nnifisha, topera kemm bħala importatur u kif ukoll bħala esportatur u li tagħmel parti minn entità ekonomika waħda, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jippermetti li jsiru aġġustamenti għall-ispejjeż SGA u għall-qligħ biss fir-rigward tal-funzjonijiet marbuta mal-attivitajiet ta’ importazzjoni u mhux dawk relatati mal-esportazzjoni. Barra minn hekk, sa fejn, waqt il-proċedura amministrattiva, hija ssostni li minbarra l-funzjonijiet tagħha ta’ importazzjoni hija kienet twettaq funzjonijiet ta’ esportazzjoni, ir-rikorrenti tqis li fid-dawl tal-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kienet il-Kummissjoni li kellha twettaq distinzjoni bejn dawn iż-żewġ funzjonijiet u li twettaq aġġustamenti biss fir-rigward tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ marbuta mal-funzjonijiet ta’ importazzjoni.

58      Issa, mingħajr lanqas ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti effettivament tifformax entità ekonomika waħda ma’ CHEMK u KF u liema jkunu, jekk ikun il-każ, l-effetti tal-eżistenza ta’ tali entità fuq id-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex tali li jistabbilixxu li l-marġni msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq huma eċċessivi inkwantu l-Kummissjoni naqset milli twettaq distinzjoni skont il-funzjonijiet differenti tar-rikorrenti.

59      L-ewwel nett, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, ma ppreżentat ebda ċifri fid-dettall dwar l-ispejjeż u l-qligħ li, fil-fehma tagħha, ma misshomx kienu suġġetti għal aġġustamenti sa fejn huma marbuta mal-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti sempliċement allegat, quddiem il-Kummissjoni, li hija kienet tifforma, flimkien ma’ CHEMK u KF, entità ekonomika waħda u li kienet twettaq, minbarra funzjonijiet ta’ importazzjoni, funzjonijiet ta’ taqsima ta’ bejgħ integrat. Fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti, filwaqt li kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tieni perijodu ta’ investigazzjoni, sostniet, b’mod partikolari, li kienu biss l-ispejjeż SGA u l-qligħ relatat mal-funzjonijiet tagħha li setgħu jkunu s-suġġett ta’ aġġustamenti taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ relatat mal-funzjonijiet tagħha ta’ esportazzjoni. Madankollu, hekk kif jirriżulta min-noti tal-Kummissjoni, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, fir-rigward tal-aġġustamenti li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li twettaq, hija ħassret, fl-Anness 3 tal-ittra tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2012, il-kolonna intitolata “Spejjeż [SGA] 2.29 % u qligħ normali perijodu ta’ investigazzjoni 6 %”.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva ma humiex neqsin minn ambigwità, il-Kummissjoni kellha, fl-assenza ta’ kull preżentazzjoni mir-rikorrenti ta’ data b’ċifri preċiża fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti u qligħ magħmul permezz tal-attivitajiet differenti tagħha, tiddetermina marġni raġonevoli għall-ispejjeż SGA u l-benefiċċju tar-rikorrenti, sabiex tkun tista’ twettaq l-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li l-applikabbiltà tagħha qatt ma tqiegħdet inkwistjoni mir-rikorrenti.

61      Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, meta hija tipproċedi għat-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni twettaq ex officio l-aġġustamenti previsti mill-imsemmija dispożizzjoni u tiddetermina, għal dan il-għan, marġni raġonevoli għall-ispejjeż SGA u għall-qligħ. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra b’mod partikolari fil-punt 44 iktar ’il fuq, hija l-parti kkonċernata, f’dan il-każ ir-rikorrenti, sa fejn ikollha l-intenzjoni, waqt il-proċedura amministrattiva, tikkontesta parti mill-aġġustamenti mħabbra, li tippreżenta ċifri insostenn tal-kontestazzjoni tagħha, bħal kalkoli konkreti li jiġġustifikaw l-allegazzjonijiet tagħha.

62      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jingħad ukoll li l-allegazzjoni tal-eżistenza, jekk jitqies li ġiet stabbilita, ta’ entità ekonomika waħda li fi ħdanha r-rikorrenti topera prinċipalment bħala taqsima ta’ bejgħ integrat, b’tali mod li l-funzjonijiet ta’ importazzjoni tagħha huma kkompletati b’funzjonijiet ta’ esportazzjoni, ma hijiex, kuntrarjament għal dak li tosserva r-rikorrenti, tali li taqleb dan l-oneru ta’ prova billi timponi lill-Kummissjoni twettaq id-distinzjoni ex officio, jekk jitqies li din hija ġustifikata, bejn iż-żewġ funzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u l-ispejjeż SGA u l-qligħ relatati magħhom. Fil-fatt, l-oneru baqa’ fuq ir-rikorrenti, sa fejn hija kienet tikkontesta parzjalment l-aġġustamenti deċiżi mill-Kummissjoni, li turi, billi tipproduċi provi, in-natura eċċessiva ta’ dawn l-aġġustamenti billi tistabbilixxi l-effett, fil-fehma tagħha, tal-funzjonijiet ta’ esportazzjoni tagħha fuq l-aġġustamenti li jistgħu jsiru mill-Kummissjoni.

63      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, hija ma setgħetx tevita iżjed li tippreżenta ċifri sa fejn il-Kummissjoni kienet għadha ma ddeċidietx dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ entità ekonomika waħda u tal-effett tagħha fuq it-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni. Fil-fatt sa fejn dan l-argument jissuġġetta l-preżentazzjoni ta’ tali data f’ċifri intiża għat-turija tan-natura eċċessiva ta’ ċerti aġġustamenti inkwantu jirrigwardaw funzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, għar-rikonoxximent minn qabel, mill-Kummissjoni, tal-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet, huwa ma jistax jiġi kkonċiljat mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq.

64      Għalhekk, fl-assenza ta’ data f’ċifri ddettaljata pprovduta mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta ddeterminat il-marġnijiet raġonevoli għal spejjeż SGA u qligħ tar-rikorrenti mingħajr ma wettqet distinzjoni ex officio, jekk jitqies li din hija rilevanti, bejn l-ispejjeż SGA u l-qligħ iġġenerati mill-attivitajiet tagħha marbuta mal-funzjonijiet allegati tagħha, rispettivament, ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni.

65      It-tieni nett, minbarra l-fatt li waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda ċifri intiżi sabiex tqiegħed inkwistjoni l-marġni raġonevoli għall-ispejjeż SGA u l-qligħ li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika, għandu jingħad ukoll li, waqt din l-istanza, ir-rikorrenti lanqas ma stabbilixxiet in-natura eċċessiva tal-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni. Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tista’ tiddetermina, preċiżament, il-parti tal-aġġustamenti li hija tikkontesta sa fejn dawn jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħha bħala parti ta’ entità ekonomika waħda, u lanqas ma pproduċiet prova li tistabbilixxi n-natura allegatament eżaġerata tal-aġġustamenti mwettqa mill-Kummissjoni.

66      B’hekk, l-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, għalkemm il-Kummissjoni kienet applikat korrettament l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku billi ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, il-marġni ta’ dumping għat-tieni perijodu ta’ investigazzjoni “kien kemmxejn inqas” għal dak ikkalkolat mill-Kummissjoni, fejn l-aġġustamenti magħmula kienu “eżaġerati”. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-effett tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda fuq l-aġġustamenti magħmula taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jinsab f’medda inkluża bejn 8 u 20 % tal-marġni ta’ dumping ikkalkolata. It-tielet nett, il-marġni raġonevoli ta’ 2.29 % tad-dħul mill-bejgħ nett tagħha stabbilit għall-ispejjeż SGA “huwa ħafna ogħla” mill-marġni li setgħet tiġi kkonstatata li kieku l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Ir-raba’ nett, il-marġni ta’ qligħ ta’ 6 % tal-imsemmi dħul mill-bejgħ nett jikkostitwixxi “l-marġni ta’ qligħ medju ta’ kull operatur/importatur indipendenti”, filwaqt li, fil-preżenza ta’ entità ekonomika waħda “hija biss parti negliġibbli tal-qligħ, jekk ikun il-każ, li tista’ tiġi attribwita għall-bejgħ mill-ġdid postimportazzjoni tar-rikorrenti/[entità ekonomika waħda] fl-Unjoni”.

67      Issa, dawn l-affermazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati huma insuffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq u ma humiex, għaldaqstant, tali li jqiegħdu inkwistjoni l-portata tal-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

68      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, marġni ta’ qligħ medju ta’ importatur indipendenti, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-marġni ta’ qligħ raġonevoli msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jista, fil-preżenza ta’ assoċjazzjoni bejn produttur u importatur tal-Unjoni, jiġi kkalkolat mhux biss abbażi tad-data relatata mal-importatur affiljat, li tista’ tiġi influwenzata minn din l-assoċjazzjoni, iżda minn dik relatata ma’ importatur indipendenti (sentenza CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2011:618, punt 29; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Silver Seiko et vs Il‑Kunsill, 273/85 u 107/86, Ġabra, EU:C:1988:466, punt 25, u Canon et vs Il‑Kunsill, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:1988:467, punt 32).

69      Għalhekk ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-aġġustamenti magħmula fir-rigward tal-ispejjeż SGA tagħha u tal-qligħ tagħha kienu eċċessivi.

70      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta applikat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, marġni raġonevoli ta’ 2.29 % u ta’ 6 % rispettivament fir-rigward tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ tar-rikorrenti.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ewwel parti

72      Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li hija ma kinitx tifforma, flimkien ma’ CHEMK u KF, entità ekonomika waħda. Ir-rikorrenti żżid li, għalkemm il-Kummissjoni kkwalifikatha, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, bħala importatur assoċjat mal-esportatur fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, hija ma tistax teskludi li din il-kwalifika tistrieħ fuq il-konklużjoni li hija ma kinitx tagħmel parti minn entità ekonomika waħda u li, sa fejn iċ-ċaħda mill-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda huwa bbażat fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 24 u 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, dawn l-evalwazzjonijiet huma żbaljati.

73      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

74      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mir-riferiment, fil-punt 46 iktar ’il fuq, għad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, ma ddeċidietx, fl-imsemmija deċiżjonijiet, li kienet teżisti entità ekonomika waħda li tiġbor fi ħdanha lir-rikorrenti kif ukoll lil CHEMK u KF. Fil-fatt, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni qieset biss li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet twettaq il-funzjonijiet tipiċi ta’ importatur konness, b’tali mod li l-prezz ta’ esportazzjoni kellu jitfassal abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u li, min-naħa l-oħra, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ entità ekonomika waħda kienet ineffettiva f’dan ir-rigward peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti. Għalhekk l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud peress li huwa dirett kontra konklużjonijiet li ma jirriżultawx fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

75      Sussegwentement, anki li kieku kellu jitqies li, bħal ma ssostni r-rikorrenti, billi kkwalifikatha bħala importatur konness, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni teskludi l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda f’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fi kwalunkwe każ, li l-fatt, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, li r-rikorrenti tifforma, bħalma ssostni hija stess, entità ekonomika waħda ma’ CHEMK u KF huwa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, ineffettiv fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tat-tfassil tal-prezz ta’ esportazzjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx in-natura eċċessiva, minħabba l-eżistenza, fil-fehma tagħha, ta’ entità ekonomika waħda, tal-aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki li kieku kellu jitqies li hija effettivament tifforma entità ekonomika waħda ma’ CHEMK u KF u li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat dan il-kunċett, żball ta’ dan it-tip ma huwiex tali li jaffettwa l-aġġustamenti magħmula minn din tal-aħħar fir-rigward tal-ispejjeż SGA u tal-qligħ tar-rikorrenti.

76      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Kunsill fir-Regolament ta’ implementazzjoni, konklużjonijiet li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha, konformement mal-punt 3.2.3(a), tal-Avviż interpretattiv, tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li mill-premessi 5 rispettivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, bħala prinċipju, issegwi, fl-imsemmija deċiżjonijiet, il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni, hija fl-ebda mument ma ħadet pożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Fil-fatt, huwa biss fir-Regolament ta’ implementazzjoni li tirriżulta evalwazzjoni, mill-Kunsill, tal-elementi prodotti mill-grupp CHEMK bil-għan li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda.

77      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ta’ implementazzjoni ma jaqax taħt is-suġġett ta’ dan ir-rikors, hekk kif wara kollox ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta.

78      Għalhekk, peress li, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L‑Awtorità Għolja, 46/59 u 47/59, Ġabra, EU:C:1962:44, p. 801, u tat‑28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni, 37/71, Ġabra, EU:C:1972:57, punt 12), il-Qorti Ġenerali ma tistax, f’dan il-każ, tevalwa l-legalità tal-motivi li msemmija fil-premessi 24 u 37 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

79      It-tieni nett, sa fejn, waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li, fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża tagħha, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha mhux biss id-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda wkoll tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhiex għalhekk l-intenzjoni li tinvoka ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma tirriżultax bil-kjarezza meħtieġa mill-indikazzjonijiet ipprovduti waqt is-seduta.

80      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li b’hekk ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, bħal ma osservat ġustament il-Kummissjoni, dan huwa motiv ġdid imressaq għall-ewwel darba waqt is-seduta u, għaldaqstant, huwa inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

81      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li rriżultaw matul il-proċeduri (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra, EU:C:2000:132, punt 99). Issa, waqt is-seduta, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma invokat li rriżulta xi punt ta’ liġi jew ta’ fatt matul il-proċeduri li jiġġustifika t-tressiq ta’ motiv ġdid.

82      Barra minn hekk, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv iddikjarat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jippreżenta rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (digriet tat‑13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra, EU:C:2001:607, punt 17), madankollu għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża allegat mir-rikorrenti waqt is-seduta ma jistax jiġi kkunsidrat bħala estensjoni tali. Bil-kontra, sa fejn, fir-rikors, ir-rikorrenti kkontestat, permezz ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, iċ-ċaħda eventwali, mill-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, l-allegazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti bil-għan li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali entità hija neċessarjament ibbażata fuq premessa inversa, jiġifieri l-allegat nuqqas, mill-Kummissjoni, li teżamina l-argumenti mressqa mir-rikorrenti bil-għan li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jew li tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll, għaldaqstant, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku

84      Permezz tat-tieni motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti tikkontesta l-bdil fil-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Essenzjalment hija tilmenta lil-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li jeżisti bdil fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika l-imsemmi bdil fil-metodu, b’tali mod li din tal-aħħar wettqet kemm żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Qabel kollox, ir-rikorrenti tikkontesta l-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Sussegwentement, hija ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-bdil fiċ-ċirkustanzi kien tali li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak applikat waqt l-investigazzjoni inizjali. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni hija limitata, b’tali mod li din l-istituzzjoni kellha l-obbligu li tapplika l-istess metodu bħal dak applikat waqt l-investigazzjoni inizjali.

85      Il-Kummissjoni tikkuntesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

86      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jirrikjedu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Ikea Wholesale, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2007:547, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill, T‑221/05, EU:T:2008:258, punt 39).

87      Skont il-kliem tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fil-proċeduri kollha ta’ rimbors fis-sens tal-paragrafu 8 ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni tapplika, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbiddlu, l-istess metodu bħal dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali li tat lok għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-istess regolament (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, C‑15/12 P, Ġabra, EU:C:2013:572, punt 16).

88      Skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tapplika, waqt il-proċedura ta’ rimbors, metodu differenti minn dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali meta ċ-ċirkustanzi nbidlu għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, peress li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara s-sentenza Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2013:572, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Huvis vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 41). Għalhekk hija l-Kummissjoni li għandha turi li ċ-ċirkustanzi nbidlu jekk hija għandha l-intenzjoni li tapplika metodu differenti minn dak applikat waqt l-investigazzjoni inizjali (sentenzi Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2013:572, punt 18, u Huvis vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 41).

89      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta, għandu jingħad ukoll li, sabiex tkun ġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, il-bdil fil-metodu għandu jkun marbut mal-bdil fiċ-ċirkustanzi kkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huvis vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 47).

90      Madankollu, fir-rigward tan-natura eċċezzjonali ta’ tali bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ma jistax jippermetti lill-Kummissjoni tinterpreta u tapplika din id-dispożizzjoni b’mod inkompatibbli mal-formulazzjoni u l-finalità tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li l-metodu applikat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (ara s-sentenza Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, punt 87 iktar ’il fuq, EU:C:2013:572, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Huvi vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il‑Kunsill, T‑143/06, Ġabra, EU:T:2009:441, punt 43).

91      Għalhekk, barra minn hekk, kieku kellu jirriżulta, fl-istadju tal-proċedura ta’ rimbors, li l-applikazzjoni tal-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni jkollha obbligu li ma tapplikax iżjed l-imsemmi metodu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, T‑423/09, Ġabra, EU:T:2011:764, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-metodu applikat waqt l-investigazzjoni inizjali ma kienx konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huvis vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 51). Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġustifikat bdil fil-metodu, ma huwiex biżżejjed li metodu ġdid ikun iktar xieraq mill-qadim, madankollu fl-ipoteżi fejn il-metodu l-qadim ikun konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (sentenza Huvis vs Il‑Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2008:258, punt 50).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-riferimenti li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

93      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, inizjalment, li jiġi osservat li huwa paċifiku li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni, meta kkunsidrat li kien hemm bdil fiċ-ċirkustanzi, applikat, sabiex tiddetermina l-marġni ta’ dumping, metodu differenti minn dak applikat waqt l-investigazzjoni inizjali.

94      Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, il-Kummissjoni kkalkolat, qabel kollox, marġni ta’ dumping individwali, rispettivament għal CHEMK u KF, qabel ma stabbilixxiet marġni ta’ dumping medju għall-grupp CHEMK (iktar ’il quddiem il-“metodu l-ġdid”). Min-naħa l-oħra, waqt l-investigazzjoni inizjali, l-istituzzjonijiet kienu ġabru flimkien data rilevanti dwar il-bejgħ intern fil-pajjiż esportatur, in-nefqa ta’ produzzjoni, il-vijabbiltà u l-bejgħ lejn l-Unjoni ta’ CHEMK u ta’ KF (iktar ’il quddiem il-“metodu inizjali”) [premessa 31 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 32 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

95      Dawn iż-żewġ metodi jiddistingwu ruħhom hekk, kif spjegat il-Kummissjoni fin-noti tagħha mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, mill-mument li fih id-data li tirrigwarda CHEMK u KF inġabret flimkien bil-għan li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping tal-grupp CHEMK. Fil-fatt, fil-kuntest tal-metodu l-ġdid, l-imsemmija data nġabret flimkien għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping meta l-Kummissjoni bdiet biex ikkalkolat marġni ta’ dumping individwali, rispettivament għal CHEMK u għal KF, abbażi ta’ prezz ta’ esportazzjoni u ta’ valur normali korrispondenti magħhom b’mod individwali, qabel ma għaddiet l-ammonti hekk ikkalkolati u stabbilixxiet marġni ta’ dumping medju. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-metodu inizjali, l-istituzzjonijiet kienu ġabru flimkien sa mill-bidu d-data relatata ma’ CHEMK u KF, b’tali mod li ma kienet ġiet applikata ebda differenza fuq il-prezz ta’ esportazzjoni u fuq il-valur normali.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ, sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex id-dritt li tapplika l-metodu l-ġdid waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors. F’dan ir-rigward, peress li, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kompatibbiltà tal-metodu l-ġdid mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni pprovatx li ċ-ċirkustanzi kienu effettivament inbidlu u li dan il-bdil kien jiġġustifika l-użu tal-metodu l-ġdid.

97      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti bdil fiċ-ċirkustanzi minħabba, essenzjalment, bdil fl-istruttura tal-grupp CHEMK u tal-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ CHEMK u ta’ KF. F’dan ir-rigward, qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li, waqt l-investigazzjoni inizjali, minn naħa, CHEMK biss kienet topera bħala produttur‑esportatur tal-grupp CHEMK, fejn il-bejgħ kollu għall-esportazzjoni taż-żewġ produtturi tal-grupp, CHEMK u KF, kien isir permezz ta’ CHEMK, u li, min-naħa l-oħra, CHEMK kienet tesporta l-prodotti permezz ta’ numru ta’ operaturi konnessi qabel ma tbigħhom lix-xerrejja finali fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, matul l-investigazzjoni ta’ rimbors, kemm CHEMK kif ukoll KF kellhom jitqiesu bħala produtturi‑esportaturi ġaladarba dawn iż-żewġ kumpanniji kienu jbigħu il-produzzjoni tagħhom individwalment u direttament lir-rikorrenti bil-għan tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni [premessa 32 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 33 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, filwaqt li, waqt l-investigazzjoni inizjali, il-grupp CHEMK kien iwettaq l-esportazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ċirkwit wieħed biss ta’ bejgħ, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, l-esportazzjonijiet kienu jsiru permezz ta’ żewġ ċirkwiti ta’ bejgħ [premessi 41 u 46 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessi 42 u 47 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li, waqt l-investigazzjoni inizjali, kien prattikament impossibbli li jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali għal CHEMK u għal KF peress li l-oriġini tal-prodotti mibjugħa lix-xerrejja indipendenti fl-Unjoni ma kinitx speċifikata fil-listi ta’ bejgħ, filwaqt li din l-informazzjoni ġiet ipprovduta matul l-investigazzjoni ta’ rimbors [premessa 32 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 final, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 final u C (2012) 5611 finali; premessa 33 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali]. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-istruttura tal-bejgħ fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, il-Kummissjoni osservat li, waqt l-investigazzjoni inizjali, operatur konness kien ibigħ sehem mill-produzzjoni tal-grupp fl-imsemmi suq intern, filwaqt li, matul l-investigazzjoni ta’ rimbors, il-bejgħ intern kollu kien isir direttament minn CHEMK u minn KF [premessa 32 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finali u C (2012) 5611 finali; premessa 33 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 finali].

98      Minn dawn ir-riferimenti għad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-konklużjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika bdil fil-metodu kienet ibbażata, essenzjalment, fuq il-bdil fl-istruttura tal-grupp CHEMK u tal-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-integrazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija struttura u l-bdil fiċ-ċirkwiti ta’ bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni identifikat lil CHEMK u lil KF bħala żewġ produtturi‑esportaturi li jwettqu l-bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom permezz tar-rikorrenti. Barra minn hekk, fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, il-bejgħ kollu eventwalment kien isir direttament minn CHEMK u minn KF. Għalhekk, u barra minn hekk fid-dawl tal-possibbiltà li jkollha, kuntrarjament għal dak li rriżulta waqt l-investigazzjoni inizjali, data li tippermettilha tikkalkola prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali għal CHEMK u għal KF, il-Kummissjoni tapplika l-metodu l-ġdid billi tikkalkola marġnijiet ta’ dumping individwali għal kull wieħed miż-żewġ produtturi‑esportaturi qabel ma tistabbilixxi, fid-dawl tal-appartenenza tagħhom għall-grupp CHEMK, marġni ta’ dumping medju pponderat għall-imsemmi grupp.

99      B’hekk, il-grupp CHEMK kien suġġett għal bidliet importanti b’mod partikolari minħabba l-integrazzjoni tar-rikorrenti fil-grupp u fl-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, kif wara kollox ammettiet ir-rikorrenti kemm waqt il-proċedura amministrattiva, fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll, fl-istadju ta’ din l-istanza, fir-replika. Barra minn hekk, fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp CHEMK, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, filwaqt li, waqt l-investigazzjoni inizjali, kemm il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ CHEMK kif ukoll dik ta’ KF kien isir minn CHEMK permezz ta’ numru ta’ intermedjarji, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, CHEMK u KF kienu jipproċedu individwalment għall-bejgħ għall-esportazzjoni permezz tar-rikorrenti.

100    Issa, għandu jiġi kkunsidrat peress li dan il-bdil li jaffettwa l-istruttura tal-grupp CHEMK u l-organizzazzjoni tal-bejgħ tiegħu għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, huwa jikkostitwixxi bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

101    Għandu jiġi osservat ukoll li dan il-bdil fiċ-ċirkustanzi huwa tali li jiġġustifika l-bdil fil-metodu applikat, konformement mal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fejn l-imsemmi bdil fil-metodu jirrifletti l-preżenza ta’ kanal ieħor ta’ bejgħ tal-grupp CHEMK u, b’hekk, il-bdil li seħħ fl-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-imsemmi grupp.

102    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, konformement mal-metodu l-ġdid, il-Kummissjoni kkalkolat marġnijiet ta’ dumping individwali għal kull wieħed miż-żewġ produtturi‑esportaturi, CHEMK u KF, qabel ma ddeterminat marġni ta’ dumping medju għall-grupp CHEMK. Issa, dan il-kalkolu ta’ marġnijiet ta’ dumping individwali li jirrifletti d-duwalità tal-kanali ta’ esportazzjoni tal-grupp CHEMK jirrikjedi l-kalkolu, minn qabel, ta’ valur normali u ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali għal kull wieħed miż-żewġ produtturi‑esportaturi tal-imsemmi grupp.

103    L-argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet. Dawn l-argumenti jistgħu jinġabru, essenzjalment, f’serje ta’ tliet argumenti.

104    Fl-ewwel sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

105    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, kemm fl-investigazzjoni inizjali u kif ukoll fl-investigazzjoni ta’ rimbors, kien hemm biss produttur‑esportatur wieħed, b’tali mod li ma kien hemm ebda bdil fiċ-ċirkustanzi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-istituzzjonijiet ikkunsidraw lill-grupp CHEMK u mhux lill-kumpannija CHEMK bħala produttur‑esportatur waqt l-investigazzjoni inizjali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, CHEMK u KF kienu jikkostitwixxu flimkien produttur‑esportatur filwaqt li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu jappartjenu għal entità ekonomika waħda.

106    Madankollu, għalkemm huwa minnu li, hekk kif issostni r-rikorrenti, mill-premessa 62 tar-Regolament inizjali jirriżulta li l-istituzzjonijiet kienu kkwalifikaw lill-grupp CHEMK bħala produttur‑esportatur, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati u kif sostniet il-Kummissjoni waqt il-proċedura bil-miktub, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, kienet biss il-kumpannija CHEMK li kienet tipproċedi bl-esportazzjonijiet tal-grupp lejn l-Unjoni.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi kwalifika formali, waqt l-investigazzjoni inizjali, tal-grupp CHEMK bħala produttur‑esportatur ma hijiex biżżejjed biex jiġi pprovat li l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni, waqt l-imsemmija investigazzjoni inizjali, li jibbażaw l-għażla tal-metodu inizjali fuq il-kunsiderazzjoni li l-grupp CHEMK kellu jiġi kkwalifikat bħala produttur‑esportatur, pjuttost milli fuq dik, imressqa mill-Kummissjoni fin-noti tagħha, li l-grupp CHEMK kien jesporta permezz ta’ wieħed biss mill-produtturi tiegħu. Għalhekk, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 100 iktar ’il fuq, seħħ bdil fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-grupp CHEMK għall-esportazzjoni, is-sempliċi kwalifika formali, waqt l-investigazzjoni inizjali, tal-imsemmi grupp bħala produttur‑esportatur ma hijiex tali li tinvalida l-konklużjoni, li tinsab fil-punt 101 iktar ’il fuq, li dan il-bdil kien tali li jiġġustifika l-bdil ta’ metodu mwettaq mill-Kummissjoni.

108    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ġie żviluppat, minn ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (sentenza Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2012:78, punt 55). Skont din il-ġurisprudenza, meta produttur jalloka kompiti li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tagħha li huwa jikkontrolla ekonomikament, l-użu, għad-determinazzjoni tal-valur normali, tal-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lill-imsemmija kumpannija ta’ distribuzzjoni huwa ġġustifikat, peress li dawn il-prezzijiet jistgħu jitqiesu li huma l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ tal-prodott magħmul matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il‑Kunsill, 250/85, Ġabra, EU:C:1988:464, punt 15, u tal‑10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il‑Kunsill, C‑171/87, Ġabra, EU:C:1992:106, punti 9 u 11).

109    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din il-ġurisprudenza ġiet trasposta, b’analoġija, għall-aġġustamenti magħmula, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, fuq il-prezz ta’ esportazzjoni (sentenza Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, punt 35 iktar ’il fuq, EU:T:2009:62, punt 177). F’dan il-kuntest, ġie deċiż espliċitament li, filwaqt li produttur jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpannija ġuridikament distinta iżda mqiegħda taħt il-kontroll ekonomiku tiegħu, il-ħtieġa ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn dan il-produttur u din il-kumpannija ta’ bejgħ tiffavorixxi pjuttost l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda għall-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni (sentenza Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2012:78, punt 55).

110    Għalhekk il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn il-produttur u l-kumpannija ta’ bejgħ tiegħu, fejn din tal-aħħar twettaq il-kompiti ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat mal-imsemmi produttur.

111    Min-naħa l-oħra, minn dan l-argument, hekk kif spjegat fil-punt 105 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tislet konsegwenzi differenti minn dan l-istess kunċett ta’ entità ekonomika waħda. L-argument tagħha, fil-fatt, huwa bbażat fuq il-premessa li l-fatt li żewġ produtturi jappartjenu għall-istess grupp u jifformaw, flimkien ma’ kumpannija ġuridikament distinta li tappartjeni wkoll għall-imsemmi grupp u li hija inkarigata minn kompiti ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat, entità ekonomika waħda, jobbliga lill-istituzzjonijiet jikkunsidraw li l-entità waħda biss tista’ tiġi kkwalifikata bħala produttur‑esportatur.

112    Issa, mingħajr ma lanqas ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk CHEMK u KF għandhomx jitqiesu li jappartjenu għal entità ekonomika waħda, għandu jiġi osservat li la din il-premessa u lanqas, għalhekk, l-argument li jirriżulta minnha ma jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, minn naħa, din il-premessa teskludi r-realtà ekonomika li tikkonsisti fil-fatt li, minkejja l-appartenenza tagħhom, bħala kumpanniji sister miżmuma mill-istess azzjonisti, għall-istess grupp, jew saħansitra, li kieku titqies li ġiet ikkonstatata, għal entità ekonomika waħda, iż-żewġ produtturi inkwistjoni jikkostitwixxu entitajiet ġuridiċi distinti li, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, kienu jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom b’mod individwali. Fi kliem ieħor, l-imsemmija premessa teskludi l-eżistenza ta’ żewġ kanali ta’ bejgħ distinti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn, fil-preżenza, li kieku titqies li ġiet ikkonstatata, ta’ entità ekonomika waħda, ikun meħtieġ li din ir-realtà ekonomika tiġi eskluża.

113    It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li kien hemm ċirkwiti ġodda ta’ bejgħ għall-esportazzjoni peress li l-bejgħ imwettaq mingħandha permezz ta’ CHEMK u KF kellu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, bħala bejgħ minn intragruppi.

114    Għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 108 sa 112 iktar ’il fuq, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

115    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball billi kkunsidrat li kien impossibbli, waqt l-investigazzjoni inizjali, li tiġi stabbilita d-data dwar il-bejgħ għal kull entità ta’ manifattura, anki meta hija kienet naqset, waqt l-imsemmija investigazzjoni, li titlob sabiex din id-data tiġi ppreżentata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika bdil fiċ-ċirkustanzi bi bdil fil-metodu tagħha ta’ investigazzjoni.

116    Dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi.

117    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punti 100 sa 102 iktar ’il fuq, il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifika, konformement mal-Artikolu 11(9), il-bdil fil-metodu applikat mill-Kummissjoni, tista’ tistrieħ fuq is-sempliċi bdil, rikonoxxut mir-rikorrenti fl-istruttura u l-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp CHEMK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki li kieku kellu jitqies li, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli titlob, waqt l-investigazzjoni inizjali, li tiġi ppreżentata d-data individwali, dan in-nuqqas ma huwiex tali li tiġi vvizzjata b’illegalità l-konklużjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, dwar l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi.

118    Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, li kieku kellu jitqies li hija setgħet kienet fil-pussess tad-data neċessarja sabiex tistabbilixxi prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali għal kull produttur, hija ma kinitx setgħet tagħmel dawn il-kalkoli individwali ġaladarba hija kellha biss, waqt l-investigazzjoni inizjali, produttur‑esportatur wieħed biss [premessi 42 u 46 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5577 finali, C (2012) 5595 finali, C (2012) 5596 finali, C (2012) 5598 finalu u C (2012) 5611 finali; premessi 43 u 47 tad-deċiżjonijiet C (2012) 5585 finali u C (2012) 5588 final]. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-kunsiderazzjoni, li fi kwalunkwe każ il-kalkoli individwali ma setgħux isiru waqt l-investigazzjoni inizjali.

119    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma wkoll infondati. B’hekk, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma talbitx espliċitament il-provvista ta’ data dwar il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ KF imwettaq permezz ta’ CHEMK, madankollu mill-imsemmija elementi jirriżulta li, hekk kif issostni l-Kummissjoni fin-noti tagħha, din tal-aħħar effettivament talbet lil CHEMK u lil KF it-trażmissjoni ta’ data li kienu jippermettulha tikkalkola, b’mod individwali, il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni li kien jirrigwarda kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji. Qabel kollox, permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet il-kjarifika dwar it-tranżazzjonijiet li kienu jinsabu fl-informazzjoni pprovduta minn CHEMK u, b’mod iktar partikolari, dwar l-oriġini tagħhom. Sussegwentement, permezz ta’ din l-istess ittra, il-Kummissjoni talbet kjarifiki fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ CHEMK. Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ April 2007, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni magħmul permezz ta’ ċerti negozjanti intermedjarji li kienu ssemmew f’din l-informazzjoni. Issa, mill-proċess jirriżulta li, fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, il-grupp CHEMK baqa’ ma pprovdiex id-data individwali mitluba.

120    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, waqt din l-istanza, minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-portata tat-talbiet ta’ data msemmija fil-punt 119 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, hija ma ppreżentat ebda argument sostanzjali intiż sabiex jintwera li l-imsemmija data ma kinitx tali li tippermetti lill-Kummissjoni tikkalkola, b’mod individwali, il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni rispettivament fir-rigward ta’ CHEMK u KF. Bil-kontra, ir-rikorrenti indikat, fis-seduta, li “jista’ jkun [...] li l-Kummissjoni [kellha] raġun [...] meta hija [kienet] qalet li hija ma kinitx talbet data għall-operaturi intermedjarji”, filwaqt li speċifikat “li dawn l-operaturi intermedjarji ma kinux ivverifikati biżżejjed biex [ikunu jistgħu] jipprovdu informazzjoni bħal din”.

121    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-allegat bdil fiċ-ċirkustanzi fis-suq intern tal-pajjiż esportatur kien negliġibbli u ma setax jitqies li jiġġustifika bdil fil-metodu.

122    Issa, minbarra l-fatt li, permezz tal-argumenti mfakkra essenzjalment fil-punt preċedenti, ir-rikorrenti tammetti l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku kellu jitqies li, hekk kif hija ssostni, l-imsemmi bdil, minħabba n-natura negliġibbli tiegħu, ma jistax iservi sabiex jiġġustifika bdil fil-metodu, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif spjegat ġustament il-Kummissjoni fin-noti tagħha, il-bdil fil-metodu, inkluż fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali, huwa bbażat fuq numru ta’ bidliet fattwali. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-bidliet li jaffettwaw l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp CHEMK, li kienu, hekk kif jirriżulta mill-punti 100 sa 102 iktar ’il fuq, biżżejjed fihom infushom sabiex jiġġustifikaw il-bdil fil-metodu applikat mill-Kummissjoni.

123    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, hekk kif ġie osservat diġà fil-punt 102 iktar ’il fuq, hija speċifikament l-eżistenza ta’ żewġ produtturi‑esportaturi li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid li permezz tiegħu l-Kummissjoni tiddetermina, abbażi ta’ valuri normali u ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni individwali, żewġ marġnijiet ta’ dumping individwali għal CHEMK u KF rispettivament, qabel ma tistabbilixxi marġni ta’ dumping medju għall-grupp CHEMK.

124    Għalhekk, anki li kieku kellu jitqies li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward ta’ bdil eventwali fis-suq tal-pajjiż esportatur huma vvizzjati bi żball, dan it-tip ta’ żball ma huwiex tali li jivvizzja d-deċiżjonijiet ikkontestati b’illegalità.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkwalifika l-bdil fis-suq tal-pajjiż esportatur bħala bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mqajma f’dan ir-rigward mir-rikorrenti huma ineffettivi.

126    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-metodu l-ġdid huwa iktar preċiż, huwa nieqes minn rilevanza peress li l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità ma humiex tali li jiġġustifikaw bdil fiċ-ċirkustanzi u, għaldaqstant, ta’ metodu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-metodu inizjali ma kienx konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

127    Ċertament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ġġustifikat bdil fil-metodu, ma huwiex biżżejjed li metodu ġdid ikun iktar xieraq mill-qadim, sa kemm dan l-aħħar metodu jkun konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

128    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ġie kkonstatat, il-Kummissjoni espliċitament ibbażat l-applikazzjoni ta’ metodu ġdid fuq l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti misluta mill-fatt li l-Kummissjoni ġġustifikat il-bdil fil-metodu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità u ma sostnietx li l-metodu inizjali ma kienx konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku ma humiex tali li jivvizzjaw b’illegalità d-deċiżjonijiet ikkontestati u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

130    Permezz tat-tieni sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma werietx li l-allegat bdil fiċ-ċirkustanzi kellu impatt fuq il-metodu inizjali applikat mill-istituzzjonijiet, anki meta jitqies li, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, il-bdil fil-metodu għandu jkun neċessarju u direttament marbut mal-bdil fiċ-ċirkustanzi. Issa, il-bdil fiċ-ċirkustanzi allegat mill-Kummissjoni jirrigwarda prinċipalment bdil fl-istruttura tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp CHEMK, filwaqt li l-metodu l-ġdid jaffettwa prinċipalment il-valur normali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif il-bdil li jirrigwarda l-istruttura tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp seta’ kellu effett fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali, tal-prezz ta’ esportazzjoni jew tal-marġni ta’ dumping.

131    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw fil-punti 101, 102, 122 u 123 iktar ’il fuq, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie osservat, l-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid, inkluż fejn kien jimplika l-kalkolu ta’ valur normali individwali għal kull waħda minn dawn iż-żewġ produtturi, kienet iġġustifikata, konformement mal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku bil-bdil fiċ-ċirkustanzi relatata mal-istruttura u l-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-grupp CHEMK.

132    Fit-tielet sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti ssostni li, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni hija limitata, b’tali mod li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, tapplika l-metodu inizjali.

133    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 18.3.1 tal-Ftehim antidumping jagħti preċedenza, fl-investigazzjonijiet ta’ rimbors, lill-metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping użat fl-iktar investigazzjoni reċenti li titratta d-dumping, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping.

134    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehim tad-WTO ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra, EU:C:1999:574, punt 47; tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra, EU:C:2003:4, punt 53, u Ikea Wholesale, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2007:547, punt 29). Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku adottat fil-kuntest tad-WTO, jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim tad-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (sentenzi Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1999:574, punt 49; Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 54, u Ikea Wholesale, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2007:547, punt 30).

135    Issa, mill-premessa 3 tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan għandu b’mod partikolari bħala għan li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli li jinsabu fil-Ftehim antidumping, fosthom, b’mod partikolari, dawk relatati mat-tul jew mal-eżami mill-ġdid tad-dazji antidumping (ara, b’analoġija, is-sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, punt 134 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 55).

136    Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim antidumping (ara s-sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, punt 134 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Issa, minn naħa, il-Ftehim antidumping ma jinkludix dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, b’tali mod li r-regola li din l-aħħar dispożizzjoni għandha ma tistax tiġi kkunsidrata bħala traspożizzjoni ta’ waħda mir-regoli ddettaljati tal-imsemmi ftehim li għandhom jiġu interpretati f’konformità ma dan tal-aħħar (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Valimar, C‑374/12, Ġabra, EU:C:2014:118, punt 74).

138    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikoli 18.3 u 18.3.1 tal-Ftehim antidumping, huwa pprovdut kif ġej:

“18.3.      Soġġetti għas-subparagrafi 3.1 u 3.2, id-dispożizzjonijiet [tal-Ftehim antidumping] għandhom japplikaw għall-investigazzjonijiet, u r-reviżjonijiet tal-miżuri eżistenti, mibdija skond l-applikazzjonijiet li saru fil jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ għal Membru soġġett għall-Ftehim tal-WTO.

18.3.1 Dwar il-kalkolu tal-marġini tad-damping fil-proċeduri tar-rimbors taħt paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 9, ir-regoli wżati fid-determinazzjonijiet iktar riċenti jew fir-reviżjonijiet tad-damping għandhom japplikaw.”

139    Għalhekk mill-kliem u mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 138 iktar ’il fuq jirriżulta li, b’differenza mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li jidentifika l-metodu applikabbli f’kull investigazzjoni ta’ rimbors, l-Artikolu 18.3.1 tal-Ftehim antidumping jidħol fid-dispożizzjonijiet finali tal-imsemmi ftehim u, b’mod iktar speċifiku, f’dawk, imsemmija fl-Artikolu 18.3 tiegħu, li jiddeterminaw l-applikabbiltà tiegħu ratione temporis. Barra minn hekk ir-rikorrenti tidher li tirrikonoxxi dan hija stess fin-noti tagħha ġaladarba hija ssostni li l-Artikolu 18.3.1 tal-Ftehim antidumping “japplika anki jekk il-metodu ta’ kalkolu inizjali tal-marġni ta’ dumping, użat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim antidumping, sar inkompatibbli miegħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu”.

140    Għalhekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma jimplementax l-Artikolu 18.3.1 tal-Ftehim antidumping, fejn għaldaqstant din l-aħħar dispożizzjoni hija nieqsa minn rilevanza fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

141    It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni llimitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi impenjat ruħha, fil-punt 3.2.2(a) tal-Avviż interpretattiv, sabiex, waqt l-investigazzjoni ta’ rimbors, tapplika l-metodu inizjali.

142    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att interpretattiv, bħall-Avviż interpretattiv, li, konformement mal-preambolu tiegħu, jiddefinixxi linji gwida għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, ma jistax ikollu bħala effett li jemenda r-regoli imperattivi li jinsabu f’regolament (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2014, Beco vs Il‑Kummissjoni, T‑81/12, Ġabra, EU:T:2014:71, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1992, Soba, C‑266/90, Ġabra, EU:C:1992:36, punt 19, u tat‑22 ta’ April 1993, Peugeot vs Il‑Kummissjoni, T‑9/92, Ġabra, EU:T:1993:38, punt 44).

143    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bil-komunikazzjonijiet li hija tadotta, iżda biss sa fejn dawn ikunu konformi mar-regoli li jkunu ġerarkikament ogħla minnhom (sentenza Beco vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, EU:T:2014:71, punt 51; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, Ġabra, EU:C:2010:733, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, mill-punt 3.2.3(a) tal-Avviż interpretattiv ma jistax jirriżulta li l-Kummissjoni kellha f’kull ċirkustanza u mingħajr eċċezzjoni tapplika, waqt investigazzjoni ta’ rimbors, l-istess metodu bħal dak applikat waqt l-investigazzjoni inizjali. Fil-fatt, restrizzjoni bħal din tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-possibbiltà, stabbilita fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li tipproċedi, fil-każ ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, għal bdil fil-metodu.

145    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti.

146    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

147    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      RFA International, LP hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Marzu 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.