Language of document : ECLI:EU:F:2010:118

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-107/05

Gergely Toth

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Klassifikazzjoni fi grad — Gradi stabbiliti fis-sejħa għal kandidaturi — Emenda tar-regoli ta’ klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju li saret wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal kandidaturi — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni b’analoġija — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Toth jitlob: prinċipalment, l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2005, li tiċħad it-talba tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-kuntratt li huwa ffirma fis-17 ta’ Jannar 2005 sa fejn dan jiffissa l-grad tiegħu; sussidjarjament, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu kumpens.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika lir-rikorrent fil-grad A*6, skala 2, li tinsab fl-Artikolu 3 tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ffirmat fis-17 ta’ Jannar 2005, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrent. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, parti intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(1) sa (4); Anness XIII, Artikolu 12(3); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Dritt tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Interpretazzjoni restrittiva

3.      Uffiċjali — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata

1.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja fir-Regolament Nru 723/2004, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fi grad ta’ membri tal-persunal temporanju rreklutati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament fl-1 ta’ Mejju 2004, abbażi ta’ sejħiet għal applikazzjonijiet ippubblikati qabel din id-data, kif ukoll fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet interni applikabbli għal dan il-għan, huwa biss it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tal-imsemmija Kondizzjonijiet li jista’ jservi bħala bażi għal din il-klassifikazzjoni.

Mill-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet imsemmija jirriżulta li l-amministrazzjoni tiddisponi minn setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tistabbilixxi l-grad tal-membri tal-persunal temporanju. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni interna f’dan ir-rigward, din is-setgħa hija limitata biss mill-obbligu li l-membri tal-persunal imsemmija jiġu rreklutati fil-grad imħabbar fis-sejħa għal applikazzjonijiet u mill-ħtieġa li tiġi osservata l-istruttura tal-kategoriji jew tal-gruppi ta’ funzjoni stabbiliti mill-Artikolu 5(1) sa (4) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fil-każ fejn il-grad imħabbar fis-sejħa għal applikazzjonijiet ikun tħassar, istituzzjoni tista’ b’mod validu tispira ruħha mis-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur fl-adozzjoni tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tapplika per analoġija l-Artikolu 12(3) ta’ dan l-anness, artikolu dwar il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali mniżżla f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006.

(ara l-punti 55, 58, 59, 69, 73, 74 u 76)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑179 u II‑A‑1‑981, punti 64, 68 u 79

2.      Bħala prinċipju, dispożizzjoni tranżitorja għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, li a priori hija inkompatibbli ma’ applikazzjoni per analoġija. In-natura stretta tal-interpretazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jidderogaw mir-regoli u mill-prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw b’mod immedjat għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fin-nuqqas tal-imsemmija Kondizzjonijiet.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ valur permanenti, l-amministrazzjoni tista’, min-naħa l-oħra, tapplika per analoġija l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tranżitorja tiegħu.

(ara l-punti 71 sa 74)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou, 77/82, Ġabra p. 1085, punti 11 sa 15; 5 ta’ Diċembru 1996, Merck u Beecham, C‑267/95 u C‑268/95, Ġabra p. I‑6285, punti 23 u 24; 12 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑462/05, Ġabra p. I‑4183, punti 53 u 54; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punti 66 u 70; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Da Silva vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64, 68 u 79

3.      Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu, meta tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ natura li jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u, abbażi ta’ dan, il-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 42; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Mejju 2007, López Teruel vs UASI, F‑99/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑147 u II‑A‑1‑797, punt 92