Language of document : ECLI:EU:C:2007:421

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 20071(1)

Kawża C‑337/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għal provvisti – Direttivi 93/36/KEE u 77/62/KEE – Għoti ta’ kuntratti mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż – Ħelikopters ‘Agusta’ u ‘Agusta Bell’ – Artikolu 296 KE – Prodotti intiżi speċifikament għal skopijiet militari”





1.         F’din il-kawża, imressqa skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li, billi adottat prassi, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita s’issa, li tagħti b’mod dirett lid-ditta ‘Agusta’ kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ diversi ministeri u dipartimenti mingħajr ebda proċeduri ta’ sejħiet għal offerti, l-Italja naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE(2) u iktar qabel, id-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE(3), id-Direttiva tal-Kunsill 80/767/KEE(4), u d-Direttiva tal-Kunsill 88/295/KEE(5).

2.        L-Italja tikkontesta n-nuqqas allegat u fid-difiża tagħha tistrieħ, inter alia, fuq l-Artikolu 296(1)(b) KE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        Id-Direttiva 93/36 (iktar’il quddiem, id-“Direttiva 93/36” jew “id-Direttiva”) tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista u tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn.

4.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/36 jipprovdi:

“(a) ‘kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti]’ huma kuntratti għall-interess fi flus konklużi bil-kitba li jinvolvu x-xiri, il-kera jew xiri bin-nifs, bi jew mingħajr l-għażla tax-xiri, ta’ prodotti bejn fornitur (persuna naturali jew legali) u waħda mill-awtoritajiet kontraenti definiti f’(b) hawn taħt. Il-kunsinna ta’ prodotti bħal dawn tista’ wkoll tinkludi l-operazzjonijiet ta’ bini u installazzjoni;

[...]

(d) ‘proċeduri miftuħa’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn il-fornituri interessati kollha jistgħu jissottomettu offerti;

(e) ‘proċeduri ristretti’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn il-fornituri biss li jkunu mistiedna mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissottomettu offerti;

[f] ‘proċeduri negozjati’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet kontraenti jikkonsultaw il-fornituri bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed minnhom jew aktar.”

5.        Skond l-Artikolu 2(1)(b), id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal: ‘kuntratti ta’ provvista [għal provvisti] li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom trid tiġi akkumpanjata b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri kkonċernati jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi tas-sigurtà ta’ l-Istat Membru titlob dan’.

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovvdi li: ‘[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2, 4 u 5(1), din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti kollha li jirrelata għalihom l-Artikolu 1(a), li jinkludu dawk koperti b’kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża barra l-prodotti li għalihom japplika [l-Artikolu 296(1)(b)].”

7.        Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva:

“1.       Fl-għotja ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), fil-każi mogħtija hawn taħt. [...]

3.       L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bil-proċedura negozjata mingħajr ma l-avviż għall-offerti jiġi ppubblikat minn qabel, fil-każijiet li ġejjin:

[...]

(ċ) meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, il-prodotti fornuti jistgħu jiġu fabbrikati jew mibgħuta biss minn fornitur partikolari;

[...]

(e) għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma intenzjonati jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew stallazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-provvisti jew estensjonijiet eżistenti fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-awtorità kontraenti li takkwista materjal li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f’inkompattibiltà jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manteniment. It-tul ta’ kuntratti bħal dawn kif ukoll dak ta’ kuntratti rikorrenti jista’, bħala regola ġenerali, ma jaqbiżx it-tliet snin.

4.       Fil-każijiet kollha l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bi proċedura miftuħa jew bi proċedura ristretta.”

8.        Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn, sejra ssir referenza għalihom meta nanalizza l-motivi ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

II – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

A –    Il-Fatti

9.        Wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur (Nru 2002/4194) fir-rigward ta’ l-Ordinanza Nru 3231 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Taljana ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 dwar it-tifi tan-nirien fil-foresti mill-ajru, li awtorizzat l-użu tal-proċeduri negozjati b’deroga mid-direttivi dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti u servizzi. Abbażi ta’ din l-Ordinanza, il-Corpo Forestale dello Stato (Il-Korp ta’ l-Istat għall-Foresti) xtara fit-28 ta’ Ottubru 2002 żewġ ħelikopters Agusta Bell AB 412 EP għal madwar EUR 18 000 000, ‘b’kuntratt privat innegozjat b’deroga mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi elenkati fl-Artikolu 4 [ta’ dik l-ordinanza]’, jiġifieri b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-direttivi Komunitarji dwar il-koordinament ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista. Il-Kummissjoni ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 226 KE li wassal għas-sentenza fil-Kawża C‑525/03 tas-27 ta’ Ottubru 2005. (6)

10.      Abbażi ta’ l-informazzjoni li rċeviet fi ħdan din il-proċedura, il-Kummissjoni nnutat li l-infrazzjoni speċifika, li tifforma s-suġġett ta’ dik il-proċedura ma kinitx inċident iżolat imma kienet sintomatika ta’ prassi ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratti b’mod dirett għax-xiri ta’ ħelikopters immanifatturati minn ‘Agusta’ u ‘Agusta Bell’ biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ diversi korpi ta’ l-Istat Taljan, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti. Il-Kummissjoni għalhekk fetħet proċedura oħra ta’ infrazzjoni (Nru 2003/2158).

11.      Fir-rigward tal-Corpo Nazionale dei Vigili del Fuoco (il-korp nazzjonali tal-pompieri, Ministeru ta’ l-Intern) il-Kummissjoni nnutat b’mod partikolari li din ta’ l-aħħar tat il-kuntratti li ġejjin lill-kumpannija ‘Agusta’, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti: (i) fl-10 ta’ Ġunju 2002, kuntratt biex jinxtraw erba’ ħelikopters Agusta Bell AB 412 għal madwar EUR 30 500 000; (ii) fit-23 ta’ Diċembru 2002, kuntratt biex jinxtraw erba’ ħelikopters Agusta Bell għal madwar EUR 33 600 000; u (iii) fid-19 ta’ Marzu 2003, kuntratt ta’ leasing għal erba’ ħelikopters A 109 Power għal madwar EUR 12 8000 000. Il-Kummissjoni nnutat li l-flotta tal-ħelikopters tal-Corpo Nazionale dei Vigili del Fuoco hija essenzjalment komposta minn ħelikopters ‘Agusta’ jew ‘Agusta Bell’.

12.      Fir-rigward tal-Corpo Carabinieri (Ministeru tad-Difiża), l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni tindika li, fil-perijodu 2000-2002, il-Corpo Carabinieri ta żewġ kuntratti lil Agusta għax-xiri ta’ erba’ ħelikopters, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti. Il-Kummissjoni nnutat li l-flotta tal-ħelikopters tal-Corpo Carbinieri hija wkoll essenzjalment komposta minn ħelikopters ‘Agusta’ jew ‘Agusta Bell’.

13.      Fir-rigward tal-Corpo Forestale dello Stato (Ministeru għall-Politika Agrikola u Forestali), minbarra x-xiri li kien jifforma s-suġġett tal-Kawża C‑525/03, jingħad li dan il-korp xtara ħelikopter Agusta ieħor. Bl-istess mod, il-Kummissjoni nnutat li l-flotta tal-ħelikopters tal-Corpo Forestale hija essenzjalment komposta minn ħelikopters ‘Agusta’ jew ‘Agusta Bell’.

14.      Fir-rigward tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Kummissjoni ġiet informata li dan ikkonkluda kuntratt ta’ leasing għal ħelikopters ‘Agusta’.

15.      Fir-rigward ta’ korpi statali oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat – minkejja l-fatt li ma kellha ebda informazzjoni rigward kuntratti speċifiċi – li l-flotot ta’ l-ajru tal-Guardia Costiera, emanazzjoni tal-Corpo delle Capitanerie di Porto (Ministeru ta’ l-Infrastruttura u Trasport), tal-Guardia di Finanza (Ministeru ta’ l-Ekonomija u Finanzi) u tal-Polizia di Stato (Ministeru ta’ l-Intern) kienu wkoll komposti fil-parti l-kbira minn ħelikopters ‘Agusta’ jew ‘Agusta Bell’.

B –    Il-proċedura prekontenzjuża

16.      Il-Kummissjoni – meta ma sabet ebda informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju għax-xiri ta’ ħelikopters biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-ministeri u dipartimenti Taljani hawn fuq imsemmija – ikkunsidrat li l-ħelikopters immanifatturati minn ‘Agusta’ kienu mixtrija direttament bi ksur tal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 93/36 u, aktar qabel, fid-Direttiva 77/62, id-Direttiva 80/767 u d-Direttiva 88/295. Fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Taljan, fejn talbitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

17.      L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ faks mir-Rappreżentanza Permanenti tagħhom għall-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 2003. Billi kkunsidrat li r-risposta ta’ l-awtoritajiet Taljani ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata fil-5 ta’ Frar 2004, fejn talbitha tikkonforma ma’ l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

18.      L-awtoritajiet Taljani rrispondew għall-opinjoni motivata permezz ta’ tliet ittri mir-Rappreżentanza Permanenti għall-Unjoni Ewropea. (7)

19.      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Taljani ma pprovvdewx argumenti suffiċjenti biex jikkonfutaw l-osservazzjonijiet ifformulati fl-opinjoni motivata u nnutat li r-Repubblika Taljana ma ħadet ebda miżuri intiżi biex iġibu fit-tmiem il-prassi inkriminata, u għalhekk ressqet dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Settembru 2005. (8)

20.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

“1.      tiddikjara li, peress li l-Gvern Taljan u, b’mod partikolari, il-Ministeri ta’ l-Intern, tad-Difiża, ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi, għall-Politika Agrikola u Forestali, u għall-Infrastruttura u Trasport, u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, adottaw proċedura, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita, li jingħataw b’mod dirett lid-ditta “Agusta” kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters immanifatturati minn “Agusta” u “Agusta Bell” biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-korpi militari tal-Vigili del Fuoco, tal-Carabinieri, tal-Corpo Forestale dello Stato, tal-Guardia Costiera, tal-guardia di Finanza, tal-Polizia di Stato u tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti, b’mod partikolari mingħajr ma kkonformaw mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 93/96 u, aktar qabel, mid-Direttiva 77/62, id-Direttiva 80/767 u d-Direttiva 88/295, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond id-direttivi hawn fuq imsemmija;

2.      tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.’

21.      Ir-Repubblika Taljana tikkontendi li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kull każ, għandu jiġi miċħud għax hu infondat.

22.      Iż-żewġ partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta, li saret fis-17 ta’ April 2007.

III – Evalwazzjoni

A –    Rimarki preliminari

23.      Huwa importanti li jiġi nnutat li l-Gvern Taljan ma jikkontestax li ntużat il-proċedura nnegozjata għax-xiri ta’ ħelikopters għall-korpi tagħha u li ngħataw kuntratti lil Agusta direttament mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tas-sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju. Id-diskussjoni f’dan il-każ għalhekk tiffoka fuq jekk l-Italja setgħetx legalment tinjora d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti(9). It-talbiet tal-Kummissjoni jagħmlu referenza mhux biss għad-Direttiva 93/36 imma anki għad-direttivi ta’ qabel, jiġifieri d-Direttivi 77/62, 80/767 u 88/295. Madankollu, minħabba li d-dispożizzjonijiet rilevanti f’dawn id-direttivi huma simili, kif ġie suġġerit mill-Kummissjoni, nikkunsidra li għal raġunijiet ta’ ċarezza u sempliċità huwa suffiċjenti li nagħmel referenza fl-analiżi tiegħi għad-Direttiva 93/36 biss.

B –    Ammissibiltà

24.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibiltà ta’ dan ir-rikors.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

25.      L-Italja ssostni li matul il-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni ma għamlet ebda referenza għal provvisti militari, u l-uniċi provvisti li ssemmew matul din il-proċedura kienu provvisti ċivili. Barra dan, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni sempliċiment iċċitat numru ta’ kuntratti li ġew konklużi fi żminijiet riċenti, jiġifieri fl-2002 u 2003 mill-Corpo dei Vigili del Fuoco, Corpo Forestale u l-Carabinieri ma’ Agusta. Għalhekk, l-ilment imressaq matul il-proċedura prekontenzjuża ma jikkorrispondix mat-talbiet tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra dan, fil-kontroreplika tagħha l-Italja tikkontendi li meta titqies in-natura vaga u impreċiża tal-fatti allegati mill-Kummissjoni, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Ir-Repubblika Taljana ssostni li dan affettwa b’mod gravi d-drittijiet tagħha ta’ difiża.

26.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan jikkontendi li l-parti ta’ dan ir-rikors li għandha x’taqsam mal-provvisti għall-Corpo Forestale dello Stato hija inammissibbli, peress li dawn il-provvisti kienu bbażati fuq l-Ordinanza 3231. Dan jikser il-prinċipju ne bis in idem, għax din l-ordinanza kienet diġà ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑525/03. (10)

27.      Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehmiet tar-Repubblika Taljana. Tikkunsidra li l-proċedura prekontenzjuża qatt ma kienet tikkonċerna provvisti militari. Pjuttost kellha x’taqsam ma’ provvisti ċivili intiżi biex jissodisfaw inter alia l-ħtiġijiet ta’ ċerti korpi militari tar-Repubblika Taljana. Fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni, il-Kummissjoni tikkontendi li hi dejjem kienet ċara mill-ittra ta’ intimazzjoni li s-suġġett tal-proċedura kien il-prassi ta’ l-għoti dirett ta’ kuntratti lil Agusta għal perijodu twil ta’ żmien, li qatt ma kienet ġiet sospiża. L-għan tal-proċedura kien ċar għall-Italja, li setgħet tiddefendi ruħha u li ddefendiet ruħha, billi ppreżentat inter alia numru ta’ dokumenti annessi. Barra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura li tat lok għall-kawża C-525/03 kellha suġġett differenti minn dak ta’ din il-kawża.

2.      Kunsiderazzjonijiet

28.      Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tindika, f’kwalsiasi rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, l-ilmenti speċifiċi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba tiddeċiedi u, għall-inqas fil-qosor, id-dettalji legali u fattwali li fuqhom huma bbażati l-ilmenti(11).

29.      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li s-suġġett tar-rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE huwa definit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq oġġezzjonijiet identiċi, din il-kundizzjoni, fi kwalunkwe każ, ma tistax tfisser li timponi li f’kull każ għandu jintuża eżattament l-istess kliem fit-tnejn li huma, meta s-suġġett tal-kawża ma jkunx ġie estiż jew immodifikat iżda, għall-kuntrarju, jkun ġie sempliċiment, ristrett. B’hekk, il-Kummissjoni fir-rikors tagħha tista’ tikkjarifika l-ilmenti inizjali tagħha, sakemm, madankollu, ma tibdilx is-suġġett tal-kwistjoni(12).

30.      Fl-ewwel lok, jiena nsib li hija konvinċenti ħafna l-ispjega tal-Kummissjoni li l-aġġettiv ‘militari’ jirreferi b’mod pjuttost mhux ambigwu għal ċerti ‘korpi’ ta’ l-Istat, aktar milli għal provvisti kif jikkontendi l-Gvern Taljan. (13) Huwa ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda biss provvisti ċivili mixtrijja biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ ċerti korpi ta’ l-Istat Taljan, uħud minnhom ta’ natura militari u oħrajn ta’ natura ċivili. Fil-fatt, meta jitqabblu l-opinjoni motivata u r-rikors, li huma fformulati f’termini kważi identiċi, jirriżulta li huma bbażati fuq l-istess oġġezzjonijiet. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ l-Italja li l-ilment imressaq matul il-proċedura prekontenzjuża ma jikkorrispondix mat-talbiet magħmula f’dan ir-rikors ma tistax tiġi milqugħha.

31.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tal-Gvern Taljan li l-fatti allegati mill-Kummissjoni kienu vagi u mhux preċiżi, fil-fehma tiegħi fil-proċedura prekontenzjuża fil-każ preżenti ġie indikat b’mod ċar għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli tikkonforma mad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi ta’ provvista. Tabilħaqq, fil-punt 14 ta’ l-opinjoni motivata u fil-punt 25 ta’ l-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat f’termini mhux ambigwi li ma kienx irnexxiela tikseb informazzjoni li tikkonferma li l-Gvern Taljan kien segwa l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq livell Komunitarju fix-xiri tiegħu ta’ ħelikopters, b’mod konformi mad-Direttiva 93/36 iżda wkoll, preċedentement, id-Direttivi 77/62, 80/767 u 88/295. L-allegazzjonijiet għalhekk kienu biżżejjed ċari sabiex il-Gvern Taljan ikun jista’ jiddefendi ruħu.

32.      Fl-aħħar lok, nikkunsidra li l-prinċipju ne bis in idem ma ġiex miksur f’dawn il-proċeduri legali. Fil-fehma tiegħi s-suġġett tal-Kawża C‑525/03 kien jikkonċerna regola nazzjonali speċifika (jiġifieri l-Ordinanza Nru 3231) li awtorizzat l-użu tal proċeduri nnegozjati b’deroga mid-direttivi dwar kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u servizzi. Tabilħaqq dak ir-rikors kien ġie ddikjarat inammissibbli minħabba l-validità temporanja ta’ l-ordinanza. F’din il-kawża, mhuwiex qed jiġi mitlub li jsir eżami mill-ġdid tal-legalità ta’ l-Ordinanza 3231. Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa pjuttost l-allegata prassi ta’ l-għoti b’mod dirett ta’ kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters lil Agusta mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju.

33.      Isegwi minn dak kollu li ntqal li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Gvern Taljan għandha tiġi miċħuda.

C –    Fuq il-mertu

1.      Ir-relazzjonijiet ‘in-house’ ma’ Agusta

34.      Sabiex jiġi stabbilit jekk l-Italja effettivament kisritx id-direttivi dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti, jiena l-ewwel se nittratta l-kontenzjoni tal-Gvern Taljan li sa l-aħħar tas-snin disgħin ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Agusta kienu jikkwalifikaw bħala relazzjonijiet ‘in-house’.

a)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

35.      L-Italja ssostni li r-relazzjonijiet ma’ Agusta kienu relazzjonijiet ‘in-house’ u fir-risposta tagħha tispjega l-iżvilupp tal-parteċipazzjoni pubblika f’Agusta. Għalkemm l-Italja tirrikonoxxi li huwa diffiċli li l-għoti b’mod dirett ta’ kuntratti mill-Istat lil kumpanniji li fihom kellu parteċipazzjonijiet f’dak iż-żmien, jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza dwar tranżazzjonijiet ‘in-house’, dan l-Istat jikkontendi li r-relazzjonijiet ta’ Agusta ma’ l-Istat Taljan kienu pjuttost, kif isejħilhom hu, tat-tip ‘awto-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi’ – użati mill-Istat u li kienu jifformaw parti fundamentali mill-portafoll tal-produzzjoni ta’ kumpanniji li l-Istat kien jipparteċipa fil-kapital tagħhom.

36.      Il-Kummissjoni ssostni li ma ġiex ippruvat mill-awtoritajiet Taljani li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Teckal ġew sodisfatti f’din il-kawża(14), peress li l-Italja limitat ruħha biex tagħti biss informazzjoni vaga u mhux preċiża.

b)      Kunsiderazzjonijiet

37.       Kif ġie argumentat b’mod korrett mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti, skond id-Direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizz, mhijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra tkun entità ġurikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, trid teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u t-tieni, din l-entità għandha twettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha(15).

38.      L-Italja kellha d-dover mhux biss li ssostni li kienet teżisti relazzjoni bħal din bejn l-awtoritajiet kontraenti u Agusta, imma wkoll li tipprovdi tali provi li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonkludi b’mod mhux ekwivoku li ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ġew sodisfatti. Madankollu, huwa evidenti mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-talbiet ta’ l-Italja f’dan ir-rigward huma pjuttost inkonklużivi u ma huma kkorroborati minn ebda dokument rilevanti. Għalhekk, f’din il-kawża, il-Gvern Taljan naqas milli juri li ż-żewġ kundizzjonijiet ġew sodisfatti.

39.      Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkjarifikat li l-parteċipazzjoni, anki jekk minoritarja, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha l-awtorità kontraenti in kwistjoni hija wkoll azzjonista teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċità fuq din il-kumpannija kontroll simili għal dak li hija teżerċità fuq dipartimenti tagħha stess(16).

40.      Għalhekk, fid-dawl tal-fatt irrilevat mill-Kummissjoni li bejn is-snin sebgħin u disgħin Agusta qatt ma kienet għal kollox il-proprjetà ta’ l-Istat Taljan, dan minnu nnifsu hu biżżejjed biex jeskludi l-eżistenza ta’ relazzjoni ‘in-house’ ma’ Agusta(17). Barra dan, fir-rigward tal-perijodu mis-sena elfejn, meta ġiet maħluqa l-kumpannija ‘Agusta Westland’ bi sħab mal-kumpannija Brittanika Westland, ir-relazzjoni ‘in-house’ ma’ l-Istat Taljan għandha tiġi eskluża wkoll.

41.      Għalhekk, jiena issa se nikkunsidra jekk id-direttivi dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti ġewx fil-fatt miksura.

2.      L-eżistenza tal-prassi

a)      Argumenti prinċipali tal-partijiet

42.      Fid-dawl tal-fatt li l-kuntratti pubbliċi ta’ provvista in kwistjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 93/36, peress illi minħabba l-prezzijiet għoljin tal-ħelikopters il-kuntratti dejjem qabżu bil-bosta l-limitu ta’ 130 000 Drittijiet Speċjali ta’ Kreditu (DSKijiet)(18), il-Kummissjoni ssostni li dawn kellhom ikunu suġġetti għal proċedura miftuħa jew għal proċedura ristretta, b’mod konfomi ma’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva, imma mhux għal proċedura nnegozjata. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tad-dritt Komunitarju ġie ppruvat. Peress li l-awtoritajiet Taljani ammettew espliċitament illi xtraw ħelikopters Agusta mingħajr ebda proċedura ta’ sejħiet għal offerti fuq livell Komunitarju qabel is-sena 2000, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi ta’ l-għoti b’mod dirett ta’ kuntratti lil Agusta tkompliet ukoll wara s-sena 2000, kif inhu kkonfermat mill-kuntratti annessi mar-rikors tagħha.

43.      Essenzjalment, fir-rigward tax-xiri ta’ qabel is-sena 2000, l-Italja targumenta li dan kien jikkwalifika bħala ‘in-house’, filwaqt li fir-rigward tax-xiri reċenti, l-Italja ssostni li l-għoti b’mod dirett ta’ kuntratti huwa riżultat tal-klima tas-sigurtà internazzjonali wara l-11 ta’ Settembru 2001. Il-ħelikopters ċivili, għalhekk, iridu jiġu assimilati ma’ dawk militari. Ix-xiri kien għalhekk eżentat mid-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 296 KE.

b)      Kunsiderazzjonijiet

44.      Il-Kummissjoni ssostni li l-prassi in kwistjoni kienet waħda ‘ġenerali’ u ‘sistematika’ u tallega li kien hemm ksur tad-Direttiva 93/36 u tad-Direttiva 77/62 u tad-direttivi l-oħra li saru applikabbli fil-frattemp. Isegwi li l-prassi li jingħataw b’mod sistematiku u dirett kuntratti lil Agusta għax-xiri ta’ ħelikopters setgħet kienet ilha għaddejja għal madwar 30 sena.

45.      Il-Gvern Taljan ma jikkontestax il-prassi hawn fuq imsemmija. Barra dan fl-annessi għar-risposta tiegħu effettivament jikkonferma l-affermazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Isegwi għalhekk li l-Italja tabilħaqq użat il-proċedura nnegozjata mingħajr ma rrikorriet għal ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi analizzat jekk l-Italja setgħetx legalment tidderoga mid-direttiva.

46.      It-tnax-il premessa fil-preambolu tad-Direttiva 93/36 tinnota b’mod ċar li l-proċedura nnegozjata għandha tiġi kkunsidrata bħala eċċezzjonali u għalhekk applikabbli biss f’każijiet limitati. Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva jelenka espressament u b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom il-proċedura nnegozjata tista’ tintuża mingħajr ma jiġi ppubblikat minn qabel avviż tas-sejħa għal offerti(19).

47.      Wieħed għandu jżomm ukoll f’moħħu li derogi mir-regoli intiżi biex jiżguraw l-effettività tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat relativi għal kuntratti pubbliċi għal provvisti jridu jiġu interpretati b’mod restrittiv(20). Sabiex id-Direttiva 93/36 ma titlifx l-effettività tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux, għalhekk, jipprovdu għall-użu tal-proċedura nnegozjata f’każijiet mhux previsti f’din id-Direttiva, jew iżidu kundizzjonijiet ġodda għall-każijiet previsti espressament f’dik id-direttiva li jagħmlu dik il-proċedura aktar faċli biex tintuża(21). Barra dan, l-oneru tal-prova ta’ l-eżistenza attwali ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw deroga jaqa’ fuq il-persuna li qed tibbaża ruħha fuq dawk iċ-ċirkustanzi(22).

48.      Għalhekk, hu meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Italja tissodisfax il-kundizzjonijiet espressament koperti bid-derogi previsti fit-Trattat u/jew fid-direttiva li qed tibbaża ruħha fuqhom jew le.

3.      Il-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali

a)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

49.      L-Italja tikkontendi li x-xiri tal-ħelikopters in kwistjoni jissodisfa l-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali previsti mill-Artikolu 296 KE kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva. L-Italja ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli, għaliex il-ħelikopters in kwistjoni huma ‘oġġetti b’użu doppju’, jiġifieri, oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ċivili kif ukoll militari.

50.      L-ewwel nett, il-Gvern Taljan jieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 296 KE jkopri l-provvisti kollha tal-korpi militari ta’ l-Istat Taljan. Fir-rigward tal-korpi l-oħrajn, jenfasizza li mill-2001 il-provvisti għal dawn il-korpi ġew progressivament inklużi f’dominju speċifiku li jappartjeni għas-sigurtà ta’ l-Istat (jew ‘is-sigurtà interna’) u suġġetti għal sistema li għandha t-tendenza tassimilhom ma’ provvisti militari(23). L-Italja tikkunsidra li fil-kawża Leifer(24), li kellha x’taqsam ma’ deroga mill-Artikolu 28 KE fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju, il-Qorti espressament irrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom poter diskrezzjonali meta jadottaw miżuri li jqisu meħtieġa biex jiggarantixxu s-sigurtà pubblika tagħhom, kemm interna u esterna.

51.      F’dan ir-rigward, l-Italja tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti ta’ Prim’Istanza fil-kawża Fiocchi Munizioni(25), li tiddikjara li s-sistema stabbilita mill-Artikolu 296(1)(b) KE hija intiża biex tippreserva l-libertà ta’ l-azzjoni ta’ l-Istati Membri f’ċerti kwistjonijiet li jaffettwaw id-difiża nazzjonali u s-sigurtà. L-Artikolu 296(1)(b) KE jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni partikolarment wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li għandhom jingħataw protezzjoni bħal din.

52.      It-tieni nett, l-Italja tikkontendi li minħabba l-fatt li l-ħelikopters in kwistjoni jistgħu jiġu involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kif ukoll f’missjonijiet għall-ħarsien ta’ l-ordni pubbliku, id-deroga prevista mill-Artikolu 2(1)(b) hija applikabbli. Tinvoka wkoll ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità fir-rigward tax-xiri tal-ħelikopters.

53.      Il-Kummissjoni ssostni li f’din il-kawża l-Italja ma ppruvatx li kienu jeżistu ħtiġijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30 KE u l-argument ta’ l-’oġġetti b’użu doppju’. Barra dan, fir-rigward ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva u l-argument li d-divulgazzjoni ta’ elementi li għandhom x’jaqsmu max-xiri in kwistjoni jmur kontra l-interessi vitali ta’ l-Italja, il-Kummissjoni tikkontendi li l-Italja ma speċifikatx liema ‘elementi’ dawn setgħu kienu. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 296 KE, il-kwistjoni mhijiex ‘il-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra’ imma pjuttost ix-xiri ta’ ħelikopters intenzjonati essenzjalment għal użu ċivili u l-Italja ma wrietx li s-sitwazzjoni f’din il-kawża kienet tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex tipproteġi l-interessi vitali tagħha, bħal pereżempju s-sigurtà li hija kundizzjoni indispensabbli stabbilita mill-Artikolu 296 KE. Il-Kummissjoni ssostni li l-uniku użu ċert tal-ħelikopters hu għal għanijiet ċivili u li l-użu militari tagħhom jibqa’ biss potenzjali u mhux ċert. Għalhekk l-Artikolu 296 KE mhuwiex applikabbli. Anki abbażi ta’ l-ipoteżi li l-provvisti in kwistjoni kienu ta’ natura militari, l-Artikolu 296 KE ma jippermettix deroga awtomatika bħal dik applikata mill-Italja fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Li jitneħħa settur industrijali sħiħ mill-proċeduri tal-kompetizzjoni sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà nazzjonali la jidher proporzjonat u lanqas neċessarju.

b)      Kunsiderazzjonijiet

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-uniċi artikoli fejn it-Trattat jipprovdi għal derogi applikabbli f’sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika huma l-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE, u 297 KE, li jittrattaw każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar. Ma jistax jiġi inferit minn dawn l-artikoli li t-Trattat fih eċċezzjoni ġenerali inerenti li teskludi l-miżuri kollha li jittieħdu għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Li kieku tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ eċċezzjoni bħal din, indipendentement mill-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mit-Trattat, tista’ tiddgħajjef in-natura vinkolanti tad-dritt Komunitarju u l-applikazzjoni uniformi tiegħu(26). Għalhekk, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss jekk ikun hemm theddida ġenwina u biżżejjed serja għal xi interess fundamentali tas-soċjetà. Barra dan, dawn id-derogi m’għandhomx jiġu applikati ħażin biex, fil-fatt, iservu għanijiet purament ekonomiċi(27).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ukoll li huwa l-Istat Membru li qed jipprova juża dawk l-eċċezzjonijiet li għandu jipprovdi provi li l-eżenzjonijiet in kwistjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ każijiet bħal dawn u li huma neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. (28)

56.      Fr-risposta tagħha, l-Italja tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 296 KE. L-għan ta’ l-Artikolu 296 KE huwa li jikkoordina kif ukoll jibbilanċja r-relazzjonijiet u t-tensjonijiet bejn il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni u l-protezzjoni ta’ l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ l-Istati Membri li huma konnessi mal-produzzjoni ta’ jew il-kummerċ fl-armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra ta’ l-Istati Membri, biex b’hekk dawn ta’ l-aħħar jitħallew jidderogaw mid-dritt Komunitarju, imma biss taħt il-kundizzjonijiet stretti preskritti.

57.      Bħala deroga, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

58.      Isegwi li dik id-deroga, bħal pereżempju d-deroga fl-Artikolu 30 KE, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eżenzjoni awtomatika u/jew ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ sitwazzjoni speċifika. L-Artikolu 296 KE għandu jiġi applikat mill-Istati Membri każ b’każ u f’każ bħal m’huwa dan kull kuntratt pubbliku ta’ akkwist għandu jiġi evalwat. Skond l-Artikolu 296 KE il-miżuri, li jiġu applikati minn Stat Membru u li huma konnessi mal-produzzjoni ta’ jew kummerċ f’armi, munizzjoni jew materjal ta’ gwerra, iridu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Barra dan, l-Artikolu 296 KE huwa suġġett għall-kundizzjoni li ‘dawn il-miżuri ma għandhomx ifixxklu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari’ (l-enfażi hija tiegħi). Barra dan, l-Artikolu 296 KE huwa applikabbli biss għal prodotti elenkati fil-lista inkluża f’deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ April 1958(29).

59.      Fil-fehma tiegħi, fejn l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 296 KE minn Stat Membru taffettwa ħażin il-kompetizzjoni fis-suq komuni, l-Istat Membru in kwistjoni għandu jipprova li l-prodotti huma intiżi għal skopijiet speċifikament militari(30). Fl-opinjoni tiegħi, dan minnu nnifsu diġà jeskludi oġġetti b’użu doppju(31).

60.      In-natura tal-prodotti li jinsabu fil-lista ta’ l-1958 u r-referenza espliċita fl-Artikolu 296 KE għal ‘skopijiet speċifikament militari’ tikkonferma li huwa biss il-kummerċ f’tagħmir li hu ddiżinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari li jista’ jiġi eżentat mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 296(1)(b) KE(32). Il-kundizzjoni li prodotti jkunu intiżi għal skopijiet speċifikament militari tfisser pereżempju li l-provvista ta’ ħelikopters lil korpi militari li hija intiża għal skopijiet ċivili għandha tikkonforma mar-regoli dwar l-akkwisti pubbliċi. A fortiori, ħelikopters fornuti lil ċerti dipartimenti ċivili ta’ Stat Membru li ipotetikament biss jistgħu jintużaw, kif issostni l-Italja, għal skopijiet militari wkoll, inevitabbilment iridu jikkonformaw ma’ dawk ir-regoli.

61.      F’din il-kawża, l-Italja qatt ma kkontendiet li l-ħelikopters kollha in kwistjoni kienu nxtraw speċifikament għal skopijiet militari. Il-Gvern Taljan essenzjalment isostni pjuttost li l-ħelikopters in kwistjoni jistgħu wkoll ipotetikament jintużaw għal skopijiet militari imma, madanakollu, jintużaw fl-istess ħin għal skopijiet ċivili. Huwa għalhekk ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħelikopters in kwistjoni ma kinux intiżi biex jintużaw għal skopijiet speċifikament militari. B’riżultat ta’ dan, l-Italja ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 296(1)(b) KE fir-risposta tagħha.

62.      L-Italja ma ppruvatx turi li l-preokkupazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-kunfidenzjalità ma setgħux jiġu adegwatament riżolti skond il-proċeduri stabbiliti fid-direttiva, b’mod partikolari l-proċedura ristretta msemmija fl-Artikolu 1(e) tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Italja neħħiet parti sostanzjali tal-provvisti ta’ ħelikopters lill-amministrazzjoni ċentrali ta’ l-Istat Taljan mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar akkwisti pubbliċi billi tat sistematikament kuntratti b’mod dirett lil Agusta. Din il-prassi hija kjarament sproporzjonata fir-rigward tal-preokkupazzjoni espressa dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità(33).

63.      Barra dan, fir-rigward ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva, il-fatt li l-ħelikopters in kwistjoni jservu esklużivament jew primarjament għal skopijiet ċivili jirrendi invalidu l-argument ta’ l-Italja dwar in-neċessità li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tax-xiri tal-ħelikopters f’dan il-każ u għalhekk id-deroga taħt din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għax-xiri ta’ ħelikopters li huma suġġetti għal dawn il-proċeduri legali.

4.      Dwar l-omoġeneità/interoperabbiltà tal-flotta

a)      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

64.      L-Italja ssostni li minħabba l-ispeċifiċità teknika tal-ħelikopters u l-fatt li l-provvisti in kwistjoni kienu jammontaw għal konsenji addizzjonali, il-Gvern kellu d-dritt jagħti l-kuntratti bil-proċedura nnegozjata, billi jiġi applikat l-Artikolu 6(3)(ċ) u (e) tad-Direttiva 93/36.

65.      Il-Kummissjoni tikkontendi li ż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmija mhumiex rilevanti għal din il-kawża. Rigward konsenji addizzjonali, il-Kummissjoni tikkontendi li, barra dan, ir-regola ġenerali tat-tliet snin prevista fl-Artikolu 6(3)(e) tad-Direttiva kienet tapplika u, fi kwalsiasi każ, peress li l-konsenji preċedenti kienu illegali l-konsenji addizzjonali kienu, bl-istess mod, illegali.

b)      Kunsiderazzjonijiet

66.      Hu biżżejjed li jingħad li l-Italja ma spjegatx u ma pprovatx b’mod suffiċjenti x’kien li wassalha biex tikkunsidra li l-ħelikopters ta’ Agusta biss kellhom il-karatteristiċi rikjesti sabiex ix-xiri jiġi ġġustifikat skond l-Artikolu 6(3)(c) u (e) tad-Direttiva. Barra dan, jiena naqbel mal-Kummissjoni u nsib li l-fatt allegat mill-Italja li Stati Membri oħra li jipproduċu ħelikopters isegwu l-istess proċedura mhijiex rilevanti għall-iskopijiet ta’ din il-kawża.

67.      Isegwi li fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva 93/36 u, qabel, skond id-Direttivi 77/62, 80/767 u 88/295.

IV – Fuq l-ispejjeż

68.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Gvern Taljan bħala l-parti telliefa għandu jbati l-ispejjeż.

V –    Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      tiddikjara li, peress li l-Gvern Taljan u, b’mod partikolari, il-Ministeri ta’ l-Intern, tad-Difiża, ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi, għall-Politika Agrikola u Forestali, u għall-Infastruttura u t-Trasport, u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, adottaw proċedura, li ilha teżisti għal żmien twil u għadha tiġi segwita sa issa, li jingħataw kuntratti b’mod dirett lid-ditta ‘Agusta’ għax-xiri ta’ ħelikopters immanifatturati minn ‘Agusta’ u ‘Agusta Bell’ biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-korpi militari tal-Vigili del Fuoco, tal-Carbanieri, tal-Corpo forestale dello Stato, tal-Guardia Costiera, tal-Guardia di Finanza, tal-Polizia di Stato u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, b’mod partikolari mingħajr ma jikkonformaw mal-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista u, iktar qabel, mid-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 80/767/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 88/295/KEE, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond id-direttivi hawn fuq imsemmija;

(2)      tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, ĠU L 199, 1993, p. 1.


3 – Direttiva 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, ĠU L 13, 1977, p. 1.


4 – Direttiva 80/767/KEE tat-22 ta’ Lulju 1980 li tadatta u tissupplimenta fir-rigward ta’ ċerti awtoritajiet kontraenti d-Direttiva 77/62/KEE li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, ĠU L 215, 1980, p. 1.


5 – Direttiva 88/295/KEE tat-22 ta’ Marzu 1988 li temenda d-Direttiva 77/62/KEE rigward il-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista u li tħassar ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/767/KEE, ĠU L 127, 1988, p. 1.


6 – Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, Ġabra p. I-9045).


7 – (i) L-ewwel waħda tal-5 ta’ April 2004 ikkomunikat nota mill-kap tas-servizz leġiżlattiv tal-Ministeru għall-Politika Komunitarja tat-2 ta’ April 2004; (ii) it-tieni tat-13 ta’ Mejju 2004 ittrasmettiet nota mill-president tal-Kunsill tal-Ministri (dipartiment tal-politika Komunitarja) tal-11 ta’ Mejju 2004; u (iii) it-tielet tas-27 ta’ Mejju 2004 kien fiha nota mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri (dipartiment tal-protezzjoni ċivili) tat-12 ta’ Mejju 2004.


8 – Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, skond l-informazzjoni li għandha, il-Gvern Taljan permezz ta’ proċedura nnegozjata xtara b’mod dirett f’Diċembru 2003 iktar ħelikopters Agusta biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Guardia di Finanza, Polizia di Stato, Carabinieri u Corpo Forestale u, kif jirriżulta mid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-Qorti ta’ l-Awdituri Taljana, l-Italja ma annullatx dawn il-kuntratti wara li rċeviet l-opinjoni motivata.


9 – Jiġifieri d-Direttiva 93/36 u, preċedentement, id-Direttiva 77/62, id-Direttiva 80/767 u d-Direttiva 88/295.


10 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


11 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑375/95 Ġabra p. I-5981, punt 35) u l-ġurisprudenza ċċitata.


12 – Ara, aktar reċentement, is-sentenza tas-26 ta’ April, 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Fillandja, (C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 18) u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk. Ara wkoll is-sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-29/04, Ġabra p. I-9705, punti 25 sa 27) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


13 – Il-Kummissjoni hija korretta meta tirrileva fir-risposta tagħha li l-Italja stess tiddikjara fid-difiża tagħha li l-Carabinieri, Guardia di Finanza u l-Guardia Costiera huma korpi Statli ta’ natura militari. Il-korpi l-oħra, madankollu, huma ċivili.


14 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal Srl vs Comune di Viano u Azienda Gas-Acqua Consorziale (AGAC) di Reggio Emilia (C‑107/98, Ġabra p. I-8121).


15 – Ara s-sentenza Teckal, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 50, u, aktar reċentement, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007 Asociación Nacional de Empresas Forestales (Asemfo) vs Transformación Agraria SA (Tragsa) u Administración del Estado (C‑295/05, Ġabra p. I-2999, punt 55) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċititata.


16 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005 Stadt Halle (C‑26/03, Ġabra p. I-1, punti 49 u 50).


17 – L-argument ta’ l-Italja li s-sentenza Stadt Halle mhijiex applikabbli peress li ngħatat wara li seħħew il-fatti ta’ dan il-każ mhuwiex rilevanti fil-fehma tiegħi, peress li din l-aħħar sentenza sempliċiment interpretat il-liġi kif kellha tiġi interpretata ab initio.


18 – Kif previst fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) tad-Direttiva 93/36. Dan l-ammont f’SDRs huwa ugwali għal madwar EUR 162 000 għas-snin 2002 u 2003.


19 – Ara s-sentenza Teckal, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 43, li tgħid li: “l-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 93/36 huma dawk hemmhekk imsemmija espressament u b’mod eżawrjenti (ara, b’referenza għad-Direttiva 77/62 is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑71/92, Ġabra p. I-5923, punt 10)” [traduzzjoni mhux ufficiali]. B’referenza għal, inter alia, id-Direttiva 93/37/KEE, ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑323/96, Ġabra p. I‑5063), punt 34.


20 – Ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1987 Il-Kummissjoni vs L-Italja (199/85 Ġabra p. 1039 punt 14).


21 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005 Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑84/03, Ġabra p. I-139, punti 48, 58 u l-parti operattiva) u l-ġurisprudenza ċċitata.


22 – Ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (199/85), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 14. Aktar reċentement, b’referenza għad-Direttiva 93/38/KEE, ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑394/02, Ġabra p. I‑4713, punt 33).


23 – L-Italja ssostni li l-fatt li l-użu militari jew paramilitari tal-ħelikopters in kwistjoni huwa biss eventwalità ma jpoġġix fid-dubju n-natura ‘mhux ċivili’ tagħhom, peress li l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħelikopters ikunu idonei għal għanijiet militari timponi rekwiżi diġà mill-istadji ta’ l-ordni u akkwist, speċjalment fir-rigward tal-prinċipji ta’ segretezza.


24 – Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995 (C‑83/94, Ġabra p. I‑3231, punt 35).


25 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni v Il-Kummissjoni (T‑26/01, Ġabra p. II‑3951, punt 58).


26 – Sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory vs Bundesrepublik Deutschland (C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 31); tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 26); tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 16); u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 16).


27 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Association Eglise de scientologie de Paris u Scientology International Reserves Trust vs il-Prim Ministru (C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


28 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585, punt 22). Ara wkoll is-sentenza ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Richardt u ‘Les Accessoires Scientifiques’ (C-367/89, Ġabra, p. I-4621, punti 20 u 21) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


29 – Il-Kunsill adotta l-lista ta’ prodotti li għalihom japplika dan l-Artikolu fil-15 ta’ April 1958. Il-lista nnifisha qatt ma ġiet ippubblikata jew emendata b’mod uffiċjali, iżda hija aċċessibbli għall-pubbliku. Ara l-Mistoqsija bil-Miktub E‑1324/01 ta’ Bart Staes (Verts/ALE) lill-Kunsill: l-Artikolu 296(1)(b) tat-Trattat KE, ĠU C 364 E, 20.12.2001, p. 85.


30 – Fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, fil-punt 22, il-Qorti stqarret li ‘huwa f’idejn l-Istat Membru li bi ħsiebu jagħmel użu minn dawk l-eċċezzjonijiet [jiġifieri, inter alia, l-Artikoli 30 KE u 296 KE] li jipprovdi provi li l-eżenzjonijiet in kwistjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ każijiet bħal dawn’.


31A contrario sensu, madankollu, għandu jiġi osservat li prodotti li jidhru fuq il-lista u li mhumiex intiżi speċifikament għal skopijiet militari ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar akkwisti pubbliċi.


32 – Ara s-sentenza Fiocchi Munizioni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 59 u 61.


33 – Naqbel mal-Kummissjoni li huwa xieraq li jiġu mfakkra f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża Spanja vs Il-Kummissjoni ( C‑349/97, Ġabra p. I‑3851, punti 249 sa 257), fejn ikkonkluda li ħtiġijiet ta’ kunfidenzjalità ma setgħux jiġu invokati sabiex kuntratt pubbliku jiġi eżentat mill-kompetizzjoni. F’dik il-kawża d-dispożizzjoni applikabbli kienet id-Direttiva 77/62, li ġiet imħassra bid-Direttiva 93/36.