Language of document : ECLI:EU:T:2015:778

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Ottubru 2015

Kawża T‑131/14 P

Catherine Teughels

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet miksuba taħt skema ta’ pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà ta’ rikors fl-ewwel istanza – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett :      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Qorti Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, mogħtija fil-Kawża F-117/11, Teughels vs Il-Kummissjoni (F-117/11, Ġabra, EU:F:2013:196), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Qorti Plenarja) tal-11 ta’ Diċembru 2013, Teughels vs Il‑Kummissjoni (F-117/11), hija annullata. Ir-rikors ippreżentat minn Catherine Teughels quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-117/11 huwa miċħud. Catherine Teughels għandha tbati l-ispejjeż tagħha fl-ewwel istanza kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea relatati mal-appell. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell inċidentali. Catherine Teughels kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fid-dawl tat-trasferiment lejn is-sistema tal-Unjoni tad-drittijiet ta’ pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz mal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli adottati wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet pensjonabbli miksuba – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1), u Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Dritt tal-persuna kkonċernata li tkun taf b’mod definittiv, qabel it-trasferiment, in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli rrikonoxxuti – Dritt li titlob il-qorti tal-Unjoni tieħu pożizzjoni minn qabel – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Opinjoni konsultattiva – Esklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal , Artikolu 91(1))

1.      Proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, ikkomunikati lil uffiċjali fi-dawl tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni lejn l-iskema tal-Unjoni Ewropea mid-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ sistema oħra, ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju, b’mod li jibdlu, sostanzjalment, il-pożizzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni effettiva tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti għal uffiċjal li jkun talab it-trasferiment, lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema oħra neċessarjament isseħħ wara t-tlestija konkreta tat-trasferiment “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”. Għaldaqstant, għandha titqies li hija biss proposta ta’ ffissar ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li, min-natura tagħha stess, tiġi kkomunikata qabel dan it-trasferiment sabiex twettaq tali determinazzjoni.

In-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu rrikonoxxuti jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ konverżjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet preċedenti fi snin ta’ servizz, previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjoni inkwistjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, hija d-deċiżjoni adottata ġaladarba jsir it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet pensjonabbli miksuba mill-persuna kkonċernata qabel il-ħatra tagħha li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni għal annullament konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 52, 54, 58 u 70)

2.      L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, qabel ma tiddeċiedi li teżerċita jew le d-dritt tagħha li tittrasferixxi lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet tagħħa ta’ pensjoni miksuba taħt skema oħra, li tkun taf b’mod definittiv in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu rrikonoxxuti lilha bħala riżultat ta’ tali trasferiment.

Din id-dispożizzjoni ma teżiġix li diverġenza eventwali bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tagħha, fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tinqata’ mill-qorti tal-Unjoni anki qabel ma l-persuna kkonċernata tiddeċiedi jekk tixtieqx jew le tittrasferixxi lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni d-drittijiet tagħha miksuba preċedentement taħt skema oħra.

(ara l-punt 75)

3.      L-Artikolu 270 TFUE ma jagħtix lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni li tagħti opinjonijiet konsultattivi, iżda biss li tiddeċiedi fuq it-tilwimiet kollha bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha fil-limiti u l-kundizzjonijiet iddeterminati mir-Regolamenti tal-Persunal.

Issa, huma speċifikament ir-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu, fl-Artikolu 91(1) tagħhom, li rikors għal annullament jista’ jirreferi biss għal att li jikkawża preġudizzju. Jekk l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat ir-rikors ma jikkawżax preġudizzju lir-rikorrent, ir-rikors ikun inammissibbli. L-interess eventwali tiegħu li jara li tinqata’ fil-mertu l-kwistjoni mqajma mir-rikors tiegħu, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

(ara l-punti 77 u 78)