Language of document : ECLI:EU:T:2016:69

Kawża T‑135/14

(publikazzjoni ta’ estratti)

Kicktipp GmbH

vs

L‑Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali kicktipp – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti KICKERS – Regola 19 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Regola 98(1) tar-Regolament Nru 2868/95 – Raġuni relattiva għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Frar 2016

1.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni – Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti rreġistrata – Interpretazzjoni teleoloġika – Natura suffiċjenti ta’ ċertifikat ta’ tiġdid bħala prova – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 19(2)(a)(ii))

2.      Trade mark Komunitarja – Lingwi tal-Uffiċċju – Obbligu li tiġi prodotta traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża f’terminu ta’ xahar mid-data tal-preżentata tad-dokument oriġinali – Neċessità li d-dokument oriġinali jiġi identifikat b’mod espress – Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 98(1))

3.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni – Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti rreġistrata – Prova tat-tiġdid tat-trade mark preċedenti – Portata

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 19(2)(a))

1.      Skont l-ewwel sentenza tar-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, l-oppożitur għandu jipprovdi “prova ta’ eżistenza, validità u skop [portata] tal-protezzjoni tal-marka preċedenti”. It-tieni sentenza tar-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tindika l-provi li l-oppożitur għandu “[b’]mod partikolari” jipproduċi. F’dan ir-rigward, mill-ewwel parti tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li oppożitur huwa obbligat jipprovdi ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni “u”, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid ta’ trade mark preċedenti rreġistrata li ma hijiex trade mark Komunitarja. Skont l-aħħar parti tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, l-oppożitur għandu wkoll il-possibbiltà li jipproduċi “dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark”.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà li jiġi pprovdut dokument ekwivalenti ma tikkonċernax biss iċ-ċertifikat ta’ tiġdid, iżda kemm iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ tiġdid. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jiġi prodott iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma huwiex skop aħħari fih innifsu, iżda jfittex li jippermetti li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu prova affidabbli tal-eżistenza tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni. Għalhekk huwa possibbli li jiġi pprovdut dokument “ekwivalenti” li jissostitwixxi kemm iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ tiġdid.

Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli li t-tieni prova msemmija fir-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, jiġifieri ċ-ċertifikat ta’ tiġdid, tikkostitwixxi fl-istess ħin “dokument ekwivalenti” għall-ewwel prova, jiġifieri għaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, meta ċ-ċertifikat ta’ tiġdid jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġu evalwati l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni, il-produzzjoni ta’ dan id-dokument tikkostitwixxi “prova ta’ eżistenza, validità u skop [portata] tal-protezzjoni tal-marka preċedenti”, fis-sens tal-ewwel sentenza tar-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Għandu jitfakkar li, skont interpretazzjoni teleoloġika tar-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-kontenut tad-dokument huwa l-prova determinanti, kif ukoll il-fatt li huwa joriġina mill-awtorità kompetenti.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ tiġdid hija suffiċjenti sabiex jiġu pprovati l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni, jekk huwa jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għal dan il-għan.

(ara l-punti 57, 58, 60, 62, 64, 65)

2.      Skont ir-Regola 98(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, meta tkun trid tiġi prodotta traduzzjoni ta’ dokument, it-traduzzjoni għandha tidentifika d-dokument li tkun qed tirreferi għalih u tirriproduċi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali. Madankollu, indikazzjoni espressa ma hijiex neċessarja sabiex jiġi identifikat id-dokument li għalih tkun qed tirreferi traduzzjoni, meta d-dokument oriġinali u t-traduzzjoni jiġu prodotti flimkien. Fil-fatt, meta t-traduzzjoni tinsab direttament wara d-dokument oriġinali, ma hemm ebda dubju dwar id-dokument oriġinali li għalih qed tirreferi t-traduzzjoni.

(ara l-punti 71, 72)

3.      Meta meta l-applikazzjoni għat-tiġdid tat-trade mark preċedenti li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni tkun saret fil-ħin, iżda l-awtorità kompetenti ma tkunx għadha ddeċidiet fuq din l-applikazzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi prodott ċertifikat li jipprova li saret l-applikazzjoni, jekk huwa joriġina mill-awtorità kompetenti u jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, kif tirriżulta minn ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, sakemm din it-trade mark ma tkunx ġiet imġedda, ma huwiex possibbli għall-proprjetarju tat-trade mark li jipproduċi ċertifikat ta’ tiġdid, u huwa ma jistax jiġi ppenalizzat minħabba ż-żmien li tkun ħadet l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-istess idea tirriżulta mir-Regola 19(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, li skontha, meta t-trade mark ma tkunx għadha ġiet irreġistrata, huwa suffiċjenti li tiġi prodotta kopja taċ-ċertifikat tal-preżentata.

Min-naħa l-oħra, meta t-trade mark li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni hija rreġistrata, ma jibqax suffiċjenti, skont ir-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, li jiġi prodott iċ-ċertifikat tal-preżentata. Huwa neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi prodott iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew dokument ekwivalenti. Skont l-istess idea, ma huwiex suffiċjenti li jiġi prodott ċertifikat li jipprova li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal tiġdid, meta t-tiġdid ikun twettaq.

(ara l-punti 74, 75)