Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015 – SLM u Ori Martin vs Il-Kummissjoni

(Kawżi T-389/10 u T-419/10) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku, kumpless u kontinwu – Preskrizzjoni – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 – Imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet – Ġurisdizzjoni sħiħa”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Siderurgica Latina Martin SpA (SLM) (Ceprano, l-Italja) (rappreżentanti: G. Belotti u F. Covone, avukati) (Kawża T-389/10); u Ori Martin SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: P. Ziotti, avukat) (Kawża T-419/10))

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment B. Gencarelli, V. Bottka u P. Rossi, sussegwentement V. Bottka, P. Rossi u G. Conte, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011.

Dispożittiv

Il-Kawżi T 389/10 u T 419/10 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Il-punt 16 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011, hija annullata sa fejn timputa lil Siderurgica Latina Martin SpA (SLM) il-parteċipazzjoni f’sensiela ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-azzar għall-prestressing fis-suq intern u fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mill-10 ta’ Frar 1997 sal-14 ta’ April 1997.Il-punt 16 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2010) 4387 finali, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali u bid-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, huwa annullat.L-ammont tal-multa imposta fuq SLM huwa mnaqqas minn EUR 19.8 miljun għal EUR 19-il miljun, li EUR 13.3 miljun minnhom huma imposti fuq Ori Martin SA bis-saħħa tar-responsabbiltà in solidum tagħha; minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa imposta fuq SLM huwa ffissat għal EUR 1.956 miljun.Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi mill-ispejjeż ta’ SLM u terz mill-ispejjeż ta’ Ori Martin. SLM għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha. Ori Martin għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha.

____________

1 ĠU C 301, 6.11.2

010.