Language of document : ECLI:EU:T:2005:136

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

20 ta' April 2005 (*)

"Trade Mark Komunitarja – Trade Mark verbali ATOMIC BLITZ – Oppożizzjoni mill-propjetarju tat-trade mark nazzjonali verbali ATOMIC – Prova ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark irreġistrata qabel – Skop ta' l-eżami ta' l-UASI – Ċaħda ta' l-oppożizzjoni ­ – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) nru 40/94"

Fil-kawża T-318/03,

Atomic Austria GmbH, stabbilita fl-Altenmarkt (l-Awstrija), rappreżentata minn G. Kucsko u C. Schumacher, Avukati,

rikorrenti

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), rappreżentati minn G. Schneider u B. Müller, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra għall-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet

Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA, stabbilita f'Onil (Spanja),

li kellha bħala l-għan tagħha, talba għal annullament tad-Deċiżjoni tat-tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-9 ta' Lulju 2003 (Każ R 95/2003-2), dwar il-proċedura ta' l-oppożizzjoni bejn Atomic Austria GmbH  u Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u  I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Settembru 2003,

wara li rat it-tweġiba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Frar 2004,

wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Sfond Kontenżjuż

1       Fit-13 ta' Novembru 2000, il-kumpanija Spanjola Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA ippreżentat talba għal reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( ĠU 1994, L 11, p. 1 ), kif emendat.

2       It-trade mark mitluba kienet il-marka verbali ATOMIC BLITZ.

3       Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 28 skond it-Trattat ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi għall-fini tar-reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti : "Logħob u ġugarelli; artikli ta' ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra".

4       Din it-talba ġiet ippubblikata fil-Bulettin ta' trade marks komunitarji nru 60/2001 tad-9 ta' Lulju 2001.

5       Fit-3 ta' Ottubru 2001, il-kumpanija Atomic Austria GmbH (minn hawn 'l quddiem "ir-rikorrenti"), bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament nru 40/94, opponiet it-talba għal reġistrazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ħames trade marks irreġistrati qabel li kienu jikkonsistu f'sinjal ATOMIC (minn hawn 'l quddiem "trade marks irreġistrati qabel"), li kienu jagħmlu parti mir-reġistrazzjonijiet segwenti fl-Awstrija :

–       trade mark verbali nru 75 086, mitlub fis-16 ta' Marzu 1973 u rreġistrat fit-23 ta' Awwissu 1973;

–       trade mark verbali nru 76 640, mitlub fit-8 ta' Frar 1974 u rreġistrat fil-15 ta' Marzu 1974;

–       trade mark verbali nru 85 558, mitlub fit-2 ta' Marzu 1977 u rreġistrat fis-16 ta' Mejju 1977;

–       trade mark verbali nru 97 370, mitlub fis-27 ta' Marzu 1981 u rreġistrat fit-22 ta' Lulju 1981;

–       trade mark verbali nru 106 849, mitlub fit-28 ta' Ġunju 1984 u rreġistrat fl-10 ta' Settembru 1984.

6       Għal kull trade mark irreġistrat qabel, l-att ta' oppożizzjoni tar-rikorrenti kien akkumpanjat minn estratt tar-reġistru tat-trade marks Awstrijak, bi traduzzjoni fl-Ingliż kif ukoll b'attestazzjoni mill-aġent tal-privattivi li jirrapreżenta lir-rikorrenti quddiem l-UASI li tikkonferma li "[…] il-ħames reġistrazzjonijiet huma validi għall-oġġetti kollha indikati fl-estratt u fit-traduzzjoni tiegħi rispettivament". L-estratt kien iġib id-data tad-19 ta' April 1999.

7       Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI infurmat lir-rikorrenti li l-oppożizzjoni tagħha ġiet ikkomunikata lill-applikant u li ġie mgħoti terminu ta' erba' xhur, li jiskadi fit-23 ta' Marzu 2002, sabiex jissottometti fl-atti kull prova jew osservazzjoni ulterjuri li huwa jikkunsidra meħhtieġa sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tiegħu.

8       Din l-ittra kellha magħha nota ta' informazzjoni dwar il-provi meħtieġa sabiex wieħed isaħhħaħ oppożizzjoni (minn hawn 'l quddiem "nota ta' informazzjoni"). La l-ittra, u lanqas in-nota ta' informazzjoni ma kellha talba espliċita għas-sottomissjoni tad-dokumenti nieqsa msemmija speċifikament.

9       Ir-rikorrenti ma ipproduċiet l-ebda evidenza dokumentarja supplementari sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tagħha fit-terminu impost.

10     Bid-deċiżjoni tagħha tad-9 ta' Diċembru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi peress li r-rikorrenti naqset milli tissottometti provi ta' tiġdid tat-trade marks irreġistrati qabel li jevidenzjaw il-validità ġuridika ft-terminu impost.

11     Fis-17 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad- Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI. Ir-rikorrenti sostniet li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attestazzjoni ta' l-aġent tal-privattivi, li l-kopji ta' l-estratti ippreżentati ma kellhomx indikazzjonijiet li juru li r-reġistrazzjonijiet saru nulli u li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kien ikollha ssaqsi speċifikament lir-rikorrenti tissottometti d-dokumenti nieqsa.

12     Bid-deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2003 (minn hawn 'l quddiem "deċiżjoni kkontestata"), it-tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet ir-rikors li sar kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

13     Il-Bord ta' l-Appell osserva li n-nota ta' informazzjoni li kienet ma' l-ittra ta' l-UASI tat-23 ta' Novembru 2001 indikat f'mod ċar u mhux ekwivoku li tiġdid tat-trade marks irreġistrati qabel kellhom jiġu evidenzjati permezz ta' ċertifikat ta' tiġdid jew kwalunkwe prova oħra ekwivalenti. Huwa kkunsidra li l-attestazzjoni maħruġa mill-aġent tal-privattivi li rrappreżenta lir-rikorrenti quddiem il-UASI li tikkonferma l-validità tat-trade marks irreġistrati qabel, ma setgħetx tiġi aċċettata bħala prova ekwivalenti għal ċertifikat tat-tiġgdid uffiċjali. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiża li l-fatt li n-nota ta' informazzjoni diġà mehmuża ma' l-ittra tat-23 ta' Novembru 2001 kienet tippermetti li issir distinzjoni bejn il-kawża preżenti u d-deċciżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell invokati mir-rikorrenti, li fihom kien ġie deċiż li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha tibgħat invit komplementari.

 Proċedura

14     B'ittra tas-27 ta' Ottubru 2004, l-UASI ppreżentat ċerti osservazzjonijiet dwar ir-rapport tas-seduta.

15     Fis-16 ta' Novembru 2004, wara s-seduta, il-Qorti Tal-Prim'Istanza stiednet lill- partijiet sabiex jippreżentawlha l-liġijiet li jirregolaw it-tul tal-protezzjoni tat-trade marks taħt il-liġi Awstrijaka. Ir-rikorrenti u l-UASI wieġbu għal dan l-invit permezz ta' ittri tal-25 ta' Novembru 2004 u tad-29 ta' Novembru 2004, rispettivament.

16     Wara t-tweġibiet tal-partijiet, il-proċedura orali waslet fit-tmiem fl-10 ta' Diċembru 2004.

 Talbiet tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Tal-Prim'Istanza għandha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna l-UASI sabiex tħallas l-ispejjez.

18     L-UASI talbet li l-Qorti Tal-Prim'Istanza għandha:

–       Tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tħallsu l-ispejjez.

 Il-qafas legali

19     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinnota tliet motivi, prinċipalment, li l-Bord ta' l-Appell ma sabx lid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni naqset milli tikkunsidra l-provi fornuti lilha, u sussidjarjament, li l-Bord ta' l-Appell ma sabx difett proċedurali f'li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ġibditx l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq in-nuqqas ta' ċerti dokumenti u wkoll sussidjarjament, li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-fiduċja leġittima meta astjeniet milli tindika t-tibdil fil-prattika tagħha.

 Dwar l-ewwel talba, nuqqas ta' kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-provi ppreżentati

20     L-ewwel talba tinqasam f'żewġ partijiet. Fil-kuntest ta' l-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-estratt tar-reġistru tat-trade marks Awstrijak li huwa ippreżenta, jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-validità tat-trade marks irreġistrati qabel. Fil-kuntest tat-tieni parti, huwa qal li tali prova inġiebet minnu permezz ta' l-attestazzjoni stabbilita mill-aġent tal-privattivi.

21     Huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-talba.

 Argumenti tal-partijiet

22     Ir-rikorrenti ssostni li l-atti li jakkumpanjaw l-att ta' oppożizzjoni tat-3 ta' Ottubru 2001 kienu kompluti. Skond din, il-prova meħtieġa mir-regola 16(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li timplimenta r-Regolament nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), kienet ġiet mogħtija peress li l-estratti uffiċjali tar-reġistru dwar it-trade marks irreġistrati qabel jippermettu li jiġi kkostatat li t-trade marks in kwistjoni huma validi. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqies li, jekk fil-mument li saru l-estratti, il-protezzjoni tat-trade marks irreġistrati qabel kienu, per eżempju, skadew, kieku l-Österreichisches Patentamt  (uffiċċju tal-privattivi Awstrijak) kien jopponi li tissemma fl-estratti. Peress illi l-estratti ppreżentati mir-rikorrenti li jitrattaw it-trade marks irreġistrati qabel ma kellhomx tali referenza, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda raġuni għalxiex tissuspetta li l-validità tar-reġistrazzjoni kienet intemmet.

23     Sussegwentement, bejn id-data ta' meta saru l-estratti tar-reġistru u d-data ta' meta intefa l-att ta' oppożizzjoni, l-ebda tiġdid ma kien meħtieġ għat-trade marks irreġistrati qabel, bl-eċċezzjoni tal-marka nru 97 370. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, ma kienx hemm raġuni biex jiġi ppreżentat ċertifikat ta' tiġdid jew prova ekwivalenti skond it-tifsira tan-nota ta' informazzjoni.

24     Fis-seduta, ir-rikorrenti għamlet osservazzjoni li l-perijodu tal-protezzjoni ta' trade mark simili li wieħed jista' jasal għalih minn dokument uffiċjali ma jiggarantix li t-trade mark tkun protetta eżattament waqt dan il-perijodu. Min-naħa waħda, il-protezzjoni tista' tiġi mġedda. Fil-fatt, fl-Awstrija, it-tiġdid jista' iseħħ f'terminu ta' sitt xhur mill-iskadenza tal-perijodu ta' protezzjoni. Min-naħa l-oħra, trade mark tista' tiġi annullata permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja qabel l-iskadenza ta' dan il-perijodu, jew inkella, is-sid jista' jirrinunzja għal tali trade mark. Ir-rikorrenti kkonkludiet li anki l-indikazzjoni tal-perijodu ta' protezzjoni ma jigarantix li t-trade mark tkun protetta b'mod effettiv sad-data indikata u li, b'konsegwenza, il-perijodu ta' protezzjoni m’għandhiex importanza li tista' tiġi ikkomparata ma' karatteristiċi oħra ta' l-imsemmija trade marks li tkopri l-lista ta' prodotti u servizzi.

25     Minn barra dan, ir-rikorrenti affermat waqt l-udjenza li l-Österreichisches Patentamt ma toħroġx ċertifikati speċifiċi ta' tiġdid ta' trade marks. F'sitwazzjoni tali, ir-rikorrenti ddeċidiet li tevidenzja l-validità tat-trade marks irreġistrati qabel permezz ta' l-estratti tar-reġistru.

26     L-UASI fakret li l-parti li tkun qed toppona trid turi permezz tal-provi l-eżistenza tad-dritt preċedenti li fuqha hija ibbażata l-oppożizzjoni. L-evidenza ta' trade marks irreġistrati qabel tinkludi wkoll il-prova tat-tiġdid eventwali tagħha. Fil-fatt, fl-assenza ta' tiġdid, it-trade mark titlef il-validità tagħha u ma tistax tostakola aktar ir-reġistrazzjoni ta' trade marks ġodda.

27     Skond l-UASI, l-estratti tar-reġistru ta' l-Österreichisches Patentamt dwar it-trade marks irreġistrati qabel li jakkumpanjaw l-att ta' oppożizzjoni tar-rikorrent ma jippermettux li tiġi stabbilita d-data ta' l-iskadenza tal-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel li hija element essenzjali ta' dritt mgħoti mit-trade mark. Fin-nuqqas ta' spjegazzjoni speċifika dwar il-perijodu tal-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel min-naħa tar-rikorrent, l-UASI ikkunsidrat li tali perijodu huwa ta' għaxar snin. Iżda, dan il-perijodu kien għadda għat-trade marks kollha irreġistrati qabel, li kienu irreġistrati bejn 1973 u 1984.

28     Filwaqt li l-UASI għarfet l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-prinċipji li ġew stabbiliti fl-ordinanza tal-Qorti Tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Novembru 2003, Strongline/UASI – Scala (SCALA) (T-235/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra), hija tgħid li l-fatt li d-data ta' skadenza tal-perijodu ta' protezzjoni ma toħroġx mill-estratti tar-reġistru twaqqaf il-parti l-oħra mill-proċedura ta' oppożizzjoni u lill-Bord ta' l-Appell milli jivverifikaw b'ċertezza suffiċjenti l-istatus legali u l-propjetà tat-trade marks irreġistrati qabel. Għalhekk, skond l-UASI, l-estratti prodotti ma jkunux biżżejjed bħala prova unika ta' l-eżistenza tat- trade marks irreġistrati qabel.

29     Fl-udjenza, l-UASI żiedet li l-estratti preżentati mir-rikorrenti kienu antiki wisq għal tal-preżentazzjoni tagħhom lill-UASI. Hija osservat ukoll li, anki jekk kien impossibbli għar-rikorrenti sabiex tippreżenta ċertifikat uffiċjali ta' tiġdid, xorta setgħet turi it-tiġdid ta' trade marks irreġistrati qabel billi tippreżenta testi tad-dritt Awstrijak li jirregolaw it-terminu ta' protezzjoni tat-trade marks irreġistrati qabel, jiġifieri l-ittra tal-Österreichisches Patentamt li magħha kienu annessi ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks irreġistrati qabel.

30     Minn barra dan, l-UASI ppreżentat numru ta' argumenti li għandhom it-tendenza li jappoġġaw l-ewwel parti tat-talba preżenti u, b'hekk, it-talba ta' annullament tad-deċiżjoni ikkontestata.

 Sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza

31     Fl-ewwel lok, il-Qorti ta' Prim'Istanza tfakkar li, kif jirriżulta mil-ħhames premessa tar-Regolament nru 40/94, il-liġi komunitarja dwar it-trade marks mhix sostitwibbli mil-liġijiet dwar it-trade marks ta' l-Istati Membri. Is-sistema maħluqa minn dan ir-regolament tipresupponi li l-UASI tikkunsidra l-eżistenza tat-trade marks jew tat-trade marks nazzjonali rreġistrati qabel.

32     Minn barra dan, l-Artikolu 8(1), moqri flimkien ma' l-Artikolu 8(2) (a) (ii) u (iii), ta' dan ir-Regolament, jipprovdi li l-propjetarju ta' trade marks nazzjonali jew internazzjonali rreġistrati qabel li jkunu fis-seħħ fi Stat Membru jista' jopponi, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddetermina, għar-reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja.

33     Kif jirriżulta, primarjament mill-Artikolu 74 (1), tar-Regolament nru 40/94, fil-proċedura li tikkonċerna raġuni relativa għhaċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni, hija l-parti li topponi r-reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja, li tibbaża ruħha fuq trade mark nazzjonali rreġistrata qabel, li għandha turi l-eżistenza u, jekk meħtieġ, l-estensjoni ta' protezzjoni.

34     Min-naħa l-oħra, l-UASI trid teżamina jekk, fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta' raġuni ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni invokati humiex sodisfatti. F'dan il-kuntest, hija trid tagħti każ tal-fatti materjali invokati u l-forza probatorja ta' l-elementi ppreżentati mill-partijiet.

35     Hija tista' tiġi mitluba tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn it-trade mark irreġistrata qabel hija protetta, liema protezzjoni hija l-bażi ta' l-oppożizzjoni. F'dan il-każ, trid tinforma l-uffiċċju, permezz tal-mezzi li jidrilha l-aktar utli għal dan l-għan, fuq id-dritt nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' raġuni ta' ċaħda tar-reġistrazzjoni in kwistjoni u, partikolarment, tal-fatti materjali ppreżentati jew tal-forza legali tad-dokumenti ippreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali ta' l-evalwazzjoni imwettqa mill-UASI ma teskludix li hija tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati speċifikament mill-partijiet għall-proċedura ta' oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li probabbilment huma magħrufa mill-persuni kollha jew li jistgħu jkunu magħrufa minn sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli [sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et./UASI –  DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 29, mhux appellata fuq dan il-punt].

36     L-UASI tista' ukoll, fil-każ li tikkunsidra dan utli, tistieden lill-partijiet sabiex jagħtuha indikazzjonijiet dwar ċerti punti preċiżi tal-liġi nazzjonali tagħhom. Il-parti interessata mhix obbligata li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha, informazzjoni ġenerali dwar il-liġi tal-propjetà intellettwali fis-seħħ fl-Istat Membru ikkonċernat.

37     L-eżami tal-fatti u ta' l-elementi ippreżentati quddiem l-UASI jrid jitwettaq b'mod li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet għall-proċedura ta' l-oppożizzjoni u ta' l-ekwità proċedurali. Fil-fatt, jekk l-applikant ta' trade mark komunitarja għandu dubji dwar il-forza probatorja tad-dokumenti ppreżentati mill-parti l-oħra sabiex juri l-eżistenza ta' dritt preċedenti invokat, jew anki dwar il-limitu ta' dak id-dritt, jista' jesprimi dan fil-proċedura quddiem l-UASI, li hija marbuta li teżamina attentament l-osservazzjonijiet ikkonċernati.

38     Iżda, l-UASI ma tistax toqgħod lura milli twettaq evalwazzjoni kompluta tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati lilha billi targumenta li huwa minn jopponi li jrid jipprovdi fuq l-inizjattiva tiegħu, provi fil-forma ta' informazzjoni dettaljata, dwar il-liġi ta' l-Istat Membru li fiha hija protetta t-trade mark irreġistrata qabel li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni.

39     Minn barra dan, wieħed għandu jinnota li la r-Regolament nru 40/94 u lanqas ir- Regolament nru 2868/95 ma jispeċifikaw il-forma obbligatorja ta' l-elementi ta' prova li jridu jiġu mgħotija minn min jopponi sabiex jiġġustifika l-eżistenza tad-dritt preċedenti tiegħu. Ir-Regolament nru 2868/95 jgħid fir-Regolament 16(2), li, "Jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti li mhijiex trade mark Komunitarja, l-avviż ta' oppożizzjoni għandu preferibbilment ikollu miegħu prova tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni għal dik il-marka rreġistrata qabel, per eżempju ċertifikat ta' reġistrazzjoni". Minn barra dan, l-Artikolu 76(1), tar-Regolament nru 40/94, li jitratta kif għandha tittieħed ix-xiehda quddiem il-UASI, jipprovdi biss lista mhux eżawrjenti ta' miżuri possibbli ("[…]l-mezzi ta' kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej […]").

40     Isegwi minn dan li, min-naħa waħda, minn jopponi huwa ħieles li jagħżel il-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-UASI sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tiegħu, u min-naħa l-oħra, l-UASI hija marbuta li tanalizza l-elementi kollha ppreżentati sabiex tasal għall-konklużjoni jekk humiex effettivament prova tar-reġistrazzjoni jew ta' l-applikazzjoni li saret qabel għal trade mark, u ma tistax tiċħad tip ta' prova bħala inaċċettabbli minħabba l-forma tagħha.

41     Dik il-konklużjoni hija msaħħa mid-differenzi li jeżistu bejn il-prattiċi amministrattivi ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, kieku kien aċċettat li l-UASI tista' timponi xi kundizzjonijiet dwar il-forma tal-provi li għandha tiġi ppreżentata, kien jiġri li, f'ċerti każijiet, kien ikun impossibbli li l-partijiet jippreżentaw tali provi. Dan ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti ppreżentat, mingħajr ma jiġi kkontestat fuq dan il-punt minn l-UASI, li l-Österreichisches Patentamt ma toħroġx dokumenti uffiċjali li juri t-tiġdid ta' trade mark u li, għalhekk mhix f'pożizzjoni li tippreżenta tali dokument.

42     Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ppreżentat estratti maħruġa mill-Österreichisches Patentamt fid-19 ta' April 1999. F'kull wieħed mill-ħames estratti, kull waħda tikkorrispondi għal trade mark irreġistrata qabel, il-kaxxa intitolata "Skadiet fil-" kienet vojta. Għalhekk, dawk id-dokumenti jikkonfermaw il-validità tat-trade marks irreġistrati qabel kif kienu fid-data ta' meta saru l-estratti, li kienet id-19 ta' April 1999. Jidher ċar ukoll mill-estratti li t-trade marks irreġistrati qabel kienu rreġistrati, rispettivament, fit-23 ta' Awwissu 1973 (trade mark nru 75 086), 15 ta' Marzu 1974 (trade mark nru 76 640), 16 ta' Marzu 1977 (trade mark nru 85 558), 22 ta' Lulju 1981 (trade mark nru 97 370) u 10 ta' Settembru 1984 (trade mark nru 106 849).

43     Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet speċifiċi min-naħa tar-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ippresuma li l-perijodu ta' protezzjoni tat-trade marks kien ta' għaxar snin mid-data tar-reġistrazzjoni taħt il-liġi Awstrijaka. Anki jekk, kif jirriżulta mir-regoli tal-liġi nazzjonali ppreżentati mill-partijiet bħala risposta għall-istedina tal-Qorti ta' Prim'Istanza, l-UASI kienet korretta f'dak li assumiet, wieħed irid josserva li f'dan ir-rigward l-UASI li hija korp komunitarju speċjaliżżata fil-qasam tal-propjetà intelletwali u li għalhekk għandha livell konsiderevoli ta' għarfien speċjaliżżat f'dan il-qasam, ma kelliex tikkuntenta ruħha b'sempliċi preżunzjoni tal-fatti dwar il-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel. L-ewwel nett, il-Bord ta' l-Appell aġixxa b'mod kontradittorju billi min-naħa waħda qagħad fuq il-preżunzjoni ta' perijodu ta' protezzjoni ta' għaxar snin għal trade marks Awstrijaċi u f'li ċaħad min-naħa l-oħra li japplika bis-sħiħ dik il-preżunzjoni relattiva għall-perijodu ta' protezzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-importanza ta' l-estratti tar-reġistru ppreżentati mir-rikorrenti. It-tieni nett, isegwi mill-punti 31 sa 41 hawn fuq, li l-Bord ta' Appell kellu jivverifika l-perijodu ta' protezzjoni tat-trade marks fl-Awstrija, skond il-liġi ta' dak l-Istat.

44     Skond l-Artikolu 19(1), tal-Markenschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks) ta' l-1970, il-perijodu ta' trade mark Awstrijaka jiskadi għaxar snin wara t-tmiem tax-xahar li fih it-trade mark ġiet irreġistrata. Dan il-perijodu jista' jiġġedded. F'każ ta' tiġdid, il-perijodu ġdid ta' protezzjoni, li huwa wkoll ta' għaxar snin, jibda mill-għada ta' l-iskadenza tal-perijodu preċedenti, u dan indipendentement mid-data ta' tiġdid effettiv.

45     Isegwi li, sabiex il-protezzjoni tkompli, kull trade mark irreġistrata qabel kellha tiġi mġedda kull għaxar snin. Il-fatt li, kif spjegat fil-punt 42 aktar il-fuq, it-trade marks kollha irreġistrati qabel kienu validi sad-19 ta' April 1999 ifisser li t-tiġdid li kellu jseħħ fl-1991 (trade mark nru 97 370), fl-1993 (trade mark nru 75 086), fl-1994 (trade mark nru 76 640 u trade mark nru 106 849) u fl-1997 (trade mark nru 85 558) rispettivament, effettivament seħħ. Ifisser ukoll li l-perijodu ta' protezzjoni ġie estiż sal-31 ta' Awwissu 2003 għat-trade mark nru 75 086, sal-31 ta' Marzu 2004 għat-trade mark nru 76 640, sal-31 ta' Mejju 2007 għat-trade mark nru 85 558, sal-31 ta' Lulju 2001 għat-trade mark nru 97 370 u sat-30 ta' Settembru 2004 għat-trade mark nru 106 849.

46     Għalhekk, għall-kuntrarju għall-affermazzjonijiet ta' l-UASI, l-estratti ppreżentati mir-rikorrenti għamluha possibbli li tiġi stabbilita d-data ta' skadenza tal-protezzjoni tat-trade marks irreġistrati qabel u, minnbarra dan, għamlu possibbli li ugwalment jiġi konkluż li erba' minn ħames trade marks irreġistrati qabel) (bl-eċċezzjoni tat-trade mark nru 97 370) kienu validi fil-mument tad-deċiżjoni tal-Bord ta' Appell, tad-9 ta' Lulju 2003.

47     Il-fatt li l-estratti kienu iġibu d-data ta' aktar minn 29 xahar qabel id-data ta' meta ġew ippreżentati lill-UASI, mhux soġġetti li jdajjfu dik il-konklużjoni. Fil-fatt, għalkemm kien ikun aħjar kieku r-rikorrenti ippreżentat l-estratti l-aktar reċenti, l-evalwazzjoni msemmija fil-punti 45 u 46 aktar 'il fuq hija indipendenti miż-żmien ta' l-estratti. Minn barra dan, hemm konsistenza f'li l-ħames trade marks irreġistrati qabel ma tbiddlux bejn il-ħruġ ta' l-estratti u l-preżentazzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, l-aġent tal-privattivi tar-rikorrenti ddeċieda li jeħmeż l-estratti ma' l-attestazzjoni tiegħu li jikkonfermaw il-validità kontinwa tat-trade marks irreġistrati qabel, sabiex ikopri dak l-aħħar perijodu, li huwa inevitabbli meta jiġu ppreżentati dokumenti uffiċjali.

48     Huwa xieraq li jiġi miċħud l-argument ta' l-UASI li jgħid li r-rikorrent setgħa jippreżenta l-estratti rilevanti tal-liġi Awstrijaka, jew l-ittri ta' l-Österreichisches Patentamt li magħhom kienu annessi ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel sabiex juru t-tiġdid ta' dawn ta' l-aħħar.

49     Fil-fatt, kif imsemmi fil-paragrafi 31 sa 41 u 43 hawn fuq, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata li tippreżenta, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni ġenerali dwar il-liġi Awstrijaka tat-trade marks.

50     Mill-ittra ppreżentata mill-UASI bħala kampjun fis-seduta, l-ittri li magħhom kienu annessi ċ-ċertifikati, huma abbozzati f'termini ġenerali u kull ma jagħmlu hu li jirrepetu d-dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu ta' protezzjoni li jinsab fil-Markenschutzgesetz ta' l-1970. Għhalhekk, il-preżentazzjoni eventwali ta' dawn l-ittri m'għandhiex rilevanza għal din il-kawża.

51     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza ċitata mill-UASI dwar l-obbligu li tiġi ppreżentata traduzzjoni adegwata tal-provi u d-dokumenti li jagħtu prova (ordni SCALA, imsemmija iktar 'il fuq), il-Qorti ta' Prim'Istanza osservat li anki jekk il-prinċipju tal-proċedura jeżiġi li l-parti l-oħra għall-proċedura ta' l-oppożizzjoni tkun tista' tara l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil-lingwa tal-proċedura, ma tistax tiġi interpretata li tifisser li l-provi weħidhom jippermettu lill-dik il-parti li tivverifika l-eżistenza tat-trade marks irreġistrati qabel, mingħajr ma dik il-parti ma tirikorri għall-assistenza ta' konsulent jew għal sorsi ta' informazzjoni li ġeneralment huma aċċessibbli, iżda li m'humiex parti mill-provi ppreżentati.

52     Għalhekk hemm lok sabiex l-ewwel parti ta' l-ewwel talba tiġi milqugħa.

53     Għalhekk, jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jsir riferiment għall-argumenti ppreżentati mill-UASI sabiex tiġi msaħħa l-ewwel parti ta' l-ewwel talba tar-rikorrenti u, konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa għall-Qorti ta' Prim'Istanza li tippronunzja ruħha dwar l-ammisibbilità tagħha.

54     Peress li r-rikors ġie milqugħ fuq il-bażi ta' l-ewwel talba, m'hemmx lok sabiex jiġu eżaminati t-talbiet sussegwenti li ġew ippreżentati mir-rikorrenti.

 Dwar l-ispejjeż

55     Taħt l-Artikolu 87(2) tar-regoli ta' proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tħallas l-ispejjez konformement mat-talba tar-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) tad-9 ta' Lulju 2003 (Kawża R 95/2003-2) hija annullata.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji Disinn) (UASI) hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Sentenza mgħotija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2005.

Reġistratur

 

Il-President

H. Jung

 

J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.