Language of document : ECLI:EU:T:2009:390

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑PRIM’ISTANZA (Awla tal‑Appell) tas‑6 ta’ Ottubru 2009

Kawża T‑102/08 P

Asa Sundholm

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera stabbilit b’eżekuzzjoni ta’ sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2001/2002 – Assenzi ġustifikati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Appell ippreżentat mis‑sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It‑Tieni Awla) tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, (F 27/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), u intiż għall‑annullament ta’ din is‑sentenza.

Deċiżjoni: Is‑sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It‑Tieni Awla) tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, (F 27/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra) hija annullata. Id‑deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2006, li permezz tagħha l‑evalwatur tal‑appell adotta r‑rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera ta’ Asa Sundholm għall‑perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2001 sal‑31 ta’ Diċembru 2002, hija annullata. Il‑kumplament tar‑rikors ippreżentat fl‑ewwel istanza huwa miċħud. Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall‑ispejjeż tal‑proċedura quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku kif ukoll dawk tal‑istanza preżenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera – Assenzi ġustifikati

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Appelli – Rikors għad‑danni – Annullament tal‑att illegali kkontestat – Kumpens adegwat għad‑dannu morali

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 91)

1.      Jekk l‑assenzi ġġustifikati ta’ uffiċjal ma jistgħux jiġu ppenalizzati fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tiegħu, il‑marka għar‑rendiment tiegħu tista’ tiżdied b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni l‑kundizzjonijiet li fihom huwa wettaq il‑funzjonijiet tiegħu minkejja l‑fatt li, minħabba l‑assenza tiegħu, huwa ddispona minn inqas ħin effettiv ta’ xogħol. Madankollu, tali teħid inkunsiderazzjoni abbażi tal‑marka globali għar‑rendiment mhijiex awtomatika, peress li ma tirrappreżenta xejn iktar minn possibbiltà, għal min ifassal rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera, li jkollu jikkunsidra din il‑possibbiltà meta ċ‑ċirkustanzi tal‑każ jistgħu jiġġustifikawha.

F’sitwazzjoni fejn l‑evalwatur u l‑validatur ma jkollhomx raġuni sabiex jikkunsidraw li l‑assenzi ġġustifikati ta’ uffiċjali setgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq ir‑rendiment tiegħu waqt il‑perijodu kopert mir‑rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera, ma jistgħux jiġu kkritikati talli la ma semmew u lanqas ma ħadu inkunsiderazzjoni din is‑sitwazzjoni fil‑kummenti miżmuma fir‑rapport tal‑iżvilupp tal‑karriera abbażi tar‑rendiment.

(ara l‑punti 29, 39 u 40)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, Ġabra SP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 83, u l‑ġurisprudenza ċċitata.

2.      L‑annullament ta’ att amministrattiv ikkontestat minn uffiċjali jikkonstitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali meta l‑imsemmi att ma fihx evalwazzjoni espliċitament negattiva tal‑kapaċitajiet tar‑rikorrenti li jistgħu jagħmlulu ħsara.

(ara l‑punt 47)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, Ġabra SP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 205, u l‑ġurisprudenza ċċitata.