Language of document : ECLI:EU:T:2008:402

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

tal-24 ta’ Settembru 2008

Kawża T-105/08 P

Kris Van Neyghem

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Ċaħda tal-appell fl-ewwel istanza – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali – Appell manifestament infondat”

Suġġett: Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il-Kummissjoni (F-73/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. K. Van Neygem għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li tirriżulta mill-atti tal-proċess – Ammissibbiltà

(Artikolu 225A KE ; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Ċaħda tal-kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25, subparagrafu 2; Anness III, Artikolu 6)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kandidati – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Jitqiesu bħala ammissibbli fl-appell, ilmenti relatati mal-konstatazzjoni tal-fatti u mal-evalwazzjoni tagħhom fis-sentenza appellata meta r-rikorrent jallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel konstatazzjonijiet fejn l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew żnatura tal-provi li ġew ippreżentati quddiemu. Tali żnaturament iseħħ fil-każ fejn, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata.

(ara l-punti 29 u 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 56; Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 32 sa 35 u 37

2.      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tas-segretezza li għandu jkun hemm fil-ħidma tiegħu skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, meta jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu li ma jistedinx kandidat għal eżami, il-Bord tal-Għażla jista’ jillimita ruħu li jiżvela lill-kandidat il-marki u l-punti li ġew assenjati lilu u mhuwiex marbut li jippreċiża dawk it-tweġibiet tal-kandidat li tqiesu bħala insuffiċjenti jew li jispjega għalfejn dawn it-tweġibiet tqiesu bħala insuffiċjenti.

(ara l-punti 34, 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑107, punt 27

3.      L-evalwazzjonijiet li jagħmel Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni meta jevalwa l-konoxxenza u l-kapaċitajiet tal-kandidati, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa jikkonstata l-fatt li kandidat m’għaddiex minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ ġudizzju ta’ valur fir-rigward tal-kapaċità tal-kandidat waqt l-eżami. Il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa r-riżultati tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni, u l-fondatezza tal-ġudizzji tal-valur tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti Komunitarja biss f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jiggwidaw il-ħidma tiegħu, ta’ żball manifest, ta’ abbuż ta’ setgħa, jew anki fil-każ fejn l-imsemmi Bord jeċċedi manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

(ara l-punti 46, 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il-Kummissjoni, 40/86, Ġabra p. 2643, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑73, punt 40; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il-Kummissjoni, T‑294/03, ĠabraSP p. I‑A‑141 u II‑635, punt 41